6.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/46


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/167

tal-5 ta’ Frar 2020

dwar l-istandards armonizzati għat-tagħmir tar-radju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir tar-radju li jkun konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, irid ikun preżunt konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva, li huma koperti minn dawk l-istandards armonizzati jew minn partijiet minnhom.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5376 (3), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) għall-abbozzar u għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati għat-tagħmir tar-radju b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE.

(3)

Fuq il-bażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 5376, l-ETSI abbozza l-istandards armonizzati EN 300 328 V2.2.2 għat-tagħmir tat-trażmissjoni tad-data li jopera fil-banda 2,4 GHz, EN 300 698 V2.3.1 għal trażmettituri u riċevituri tar-radjotelefonija għas-servizz mobbli marittimu, EN 303 098 V2.2.1 għal apparati marittimi b’enerġija baxxa għal-lokalizzazzjoni tal-persuni, EN 303 520 V1.2.1 għal apparati bla fili ta’ kapsuli mediċi ta’ endoskopija b’Enerġija Ultra-Baxxa (ULP) u EN 300 674-2-2 V 2.2.1 għal sistemi tat-Telematika tat-Trasport u tat-Traffiku (TTT).

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mal-ETSI, ivvalutat jekk dawk l-istandards armonizzati jikkonformawx mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Implimentazzjoni C(2015) 5376.

(5)

L-istandards armonizzati EN 300 328 V2.2.2, EN 303 098 V2.2.1 u EN 300 674-2-2 V 2.2.1 jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2014/53/UE. Għalhekk huwa xieraq li r-referenzi għal dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-Klawżola 8.2.3 tal-istandard armonizzat EN 300 698 V2.3.1 tippermetti lill-manifatturi jiddevjaw mill-enerġija tal-frekwenza tar-radju massima ddikjarata skont l-Artikolu 10(8) tad-Direttiva 2014/53/UE u murija fid-dokumentazzjoni teknika mfassla f’konformità mal-Artikolu 21 ta’ dik id-Direttiva. Ir-referenza ta’ dak l-istandard armonizzat għalhekk jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni.

(7)

L-istandard armonizzat EN 303 520 V1.2.1 jippermetti lill-manifatturi jinnegozjaw ċerti metodi ta’ ttestjar mal-laboratorji tal-ittestjar. Barra minn hekk, jippermetti wkoll lill-manifatturi jittestjaw it-tagħmir f’temperaturi li jistgħu ma jkunux jikkorrispondu mal-użu maħsub tagħhom. Il-livell tan-negozjar u tal-interpretazzjoni permessi f’dak l-istandard armonizzat jista’ jkollhom impatt fuq il-wiri tal-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/53/UE. Ir-referenza ta’ dak l-istandard armonizzat għalhekk jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni.

(8)

Fuq il-bażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 5376, l-ETSI ssostitwixxa l-istandards armonizzati li ġejjin, li r-referenzi għalihom huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4): EN 300 328 V2.1.1 sostitwit b’EN 300 328 V2.2.2; EN 303 098 V2.1.1 sostitwit b’EN 303 098 V2.2.1; EN 303 520 V1.1.1 sostitwit b’EN 303 520 V1.2.1; EN 300 698 V2.2.1 sostitwit b’EN 300 698 V2.3.1; u EN 300 674-2-2 V2.1.1 sostitwit b’EN 300 674-2-2 V 2.2.1.

(9)

L-istandard armonizzat EN 302 065-3 V2.1.1, li r-referenza għalih hija ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) ma jiddeskrivix it-tekniki ta’ mitigazzjoni ta’ skattar qabel it-trażmissjoni. Madanakollu, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/785 (6), timponi, mis-16 ta’ Novembru 2019, rekwiżiti tekniċi li għandhom jintużaw fil-baned 3,8-4.2 GHz u 6-8,5 GHz għas-sistemi ta’ aċċess għall-vetturi li jużaw skattar qabel it-trażmissjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/785 tistipula li tekniki ta’ mitigazzjoni ta’ skattar qabel it-trażmissjoni li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE jridu jintużaw għas-sistemi tal-aċċess għall-vetturi. Billi l-istandard armonizzat EN 302 065-3 V2.1.1 ma jindirizzax it-tekniki ta’ mitigazzjoni ta’ skattar qabel it-trażmissjoni, huwa meħtieġ li jiġi indikat li l-konformità ma’ dak l-istandard armonizzat ma tiżgurax il-konformità mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/785 li jirrigwardaw dawk it-tekniki u li għaldaqstant ma tagħtix preżunzjoni ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/53/UE li jirrigwardaw dawk it-tekniki. Ir-referenza ta’ dak l-istandard armonizzat għalhekk jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni.

(10)

L-istandard armonizzat EN 302 752 V1.1.1, li r-riferenza għalih hija ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7) b’restrizzjoni, ġie adottat mill-ETSI fl-2009 skont id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Meta dan l-istandard armonizzat inġieb f’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE, l-ETSI waqqaf il-ħidma relatata billi qies li “ma kien ġie identifikat l-ebda interess tal-partijiet interessati”, u li “ma kienet prevista l-ebda konsegwenza jekk ma jkun disponibbli l-ebda standard armonizzat għal tagħmir attiv li jtejjeb il-kapaċità tal-mira ta’ radar billi ma kienu ġew identifikati l-ebda interessi tal-industrija” u li “l-istandard armonizzat jista’ jitqies obsolet u jenħtieġ li jiġi rtirat”.

(11)

Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu rtirati r-referenzi tal-istandards sostitwiti, ir-referenza għall-istandard armonizzat EN 302 065-3 V2.1.1 li jenħtieġ li tiġi ppubblikata b’restrizzjoni u r-referenza għall-istandard armonizzat EN 302 752 V1.1.1 li hija meqjusa obsoleta, minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9). Sabiex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex jippreparaw għas-sostituzzjoni tal-istandards armonizzati, hu meħtieġ li jiġi pospost l-irtirar tar-referenzi tal-istandards sostitwiti. Sabiex il-manifatturi jingħataw żmien biex jippreparaw għall-irtirar tar-referenza għall-istandard armonizzat EN 302 752 V1.1.1, huwa meħtieġ li jiġi ddifferit l-irtirar tar-referenza għal dak l-istandard.

(12)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi għall-istandards armonizzati għat-tagħmir tar-radju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE u elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-referenzi għall-istandards armonizzati għat-tagħmir tar-radju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE u elenkati fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni.

Artikolu 2

Ir-referenzi għall-istandards armonizzati għat-tagħmir tar-radju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE u elenkati fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni b’dan jitneħħew minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mid-dati stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5376 final tal-4 ta’ Awwissu 2015 dwar talba għal standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni rigward it-tagħmir tar-radju biex tappoġġja d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  ĠU C 326, 14.9.2018, p. 114.

(5)  ĠU C 326, 14.9.2018, p. 114.

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/785 tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal apparat li juża teknoloġija ultra-wideband fl-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/131/KE (ĠU L 127, 16.5.2019, p. 23).

(7)  ĠU C 326, 14.9.2018, p. 114.

(8)  Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10).

(9)  ĠU C 326, 14.9.2018, p. 114.


ANNESS I

Nru

Referenza għall-istandard

1.

EN 300 328 V2.2.2

Sistemi ta’ trażmissjoni fuq baned wesgħin; Tagħmir għat-trażmissjoni ta’ data li jopera fil-banda ta’ 2,4 GHz; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju

2.

EN 300 674-2-2 V2.2.1

Telematika tat-Trasport u Traffiku (TTT); Tagħmir għal Trażmissjoni ta’ Komunikazzjoni Dedikata fuq Medda Qasira (DSRC) (500kbit/s/250 kbit/s) li jopera fil-banda ta’ frekwenza 5 795 MHz sa 5 815 MHz; Parti 2: Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju; Subparti 2: Unitajiet abbord (OBU)

3.

EN 303 098 V2.2.1

Apparati marittimi b’enerġija baxxa għal-lokalizzazzjoni tal-persuni permezz tal-AIS; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju


ANNESS II

Nru

Referenza għall-istandard

1.

EN 300 698 V2.3.1

Trażmettituri u riċevituri tar-radjotelefonija għas-servizz mobbli marittimu li joperaw fil-baned VHF użati fl-ilmijiet interni; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju u għall-karatteristiċi għas-servizzi ta’ emerġenza

Avviż: Il-konformità ma’ dan l-istandard armonizzat ma tagħtix preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/53/UE jekk, fil-klawżola 8.2.3 ta’ dan l-istandard armonizzat, tiġi applikata s-sentenza “Bl-iswiċċ tal-potenza tal-output iffissat għall-massimu, il-potenza tat-trasportatur għandha tkun fi ħdan ±1,5 dB tal-potenza nominali tal-output taħt kundizzjonijiet normali tat-tes t”.

2.

EN 302 065-3 V2.1.1

Apparati ta’ Medda Qasira (SRD) li jużaw teknoloġija Ultra Wide Band (UWB); Standard armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva 2014/53/UE; Parti 3: Rekwiżiti għal apparati UWB għal applikazzjonijiet għal vetturi bbażati fuq l-art

Avviż: Dan l-istandard armonizzat ma jistabbilixxix speċifikazzjonijiet tekniċi għal “tekniki ta’ skattar qabel it-trażmissjoni”. Madankollu, mis-16 ta’ Novembru 2019, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/785 timponi rekwiżiti tekniċi li għandhom jintużaw fil-baned 3,8–4,2 GHz u 6-8,5 GHz għas-sistemi ta’ aċċess għall-vetturi li jużaw skattar qabel it-trażmissjoni. Għalhekk, il-konformità ma’ dan l-istandard armonizzat ma tiżgurax il-konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/785 u għaldaqstant ma tagħtix preżunzjoni ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/53/UE li jirrigwardaw “tekniki ta’ skattar qabel it-trażmissjoni”.

3.

EN 303 520 V1.2.1

Apparati ta’ Medda Qasira (SRD); Apparati bla fili ta’ kapsuli mediċi ta’ endoskopija b’Enerġija Ultra-Baxxa (ULP) li joperaw fil-banda ta’ frekwenzi 430 MHz sa 440 MHz; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju

Avviż: Il-konformità ma’ dan l-istandard armonizzat ma tagħtix preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/53/UE jekk tiġi applikata xi waħda minn dawn li ġejjin:

fir-rigward tal-klawżola B.1 tal-Anness B: “Il-manifattur u l-laboratorju tat-testijiet jistgħu jaqblu fuq implimentazzjoni xierqa alternattiva tas-simulatur tat-torso uman, li mbagħad għandha tiġi deskritta b’mod sħiħ fir-rapport tat-test”;

fir-rigward tal-klawżola C.1 tal-Anness C: “B’mod alternattiv, il-manifattur u l-laboratorju tat-testijiet jistgħu jaqblu li jużaw Kamra Semi-Anekoika, li l-konfigurazzjoni tagħha għandha mbagħad tiġi deskritta b’mod sħiħ fir-rapport tat-test”.

Avviż: It-temperatura msemmija fil-klawżola B.2 tal-Anness B għandha tirrifletti l-użu maħsub.


ANNESS III

Nru

Referenza għall-istandard

Data tal-irtirar

1.

EN 300 328 V2.1.1

Sistemi ta’ trażmissjoni fuq baned wesgħin; Tagħmir għat-trażmissjoni ta’ data li jopera fil-banda ta’ 2,4 GHz ISM u li juża tekniki ta’ modulazzjoni fuq baned wesgħin; Standard Armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva 2014/53/UE.

is-6 ta’ Awwissu 2021

2.

EN 300 698 V2.2.1

Trażmettituri u riċevituri tar-radjotelefonija għas-servizz mobbli marittimu li joperaw fil-baned tal-VHF użati fl-ilmijiet interni; Standard armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikoli 3.2 u 3.3(g) tad-Direttiva 2014/53/UE

is-6 ta’ Awwissu 2021

3.

EN 300 674-2-2 V2.1.1

Telematika tat-Trasport u Traffiku (TTT); Tagħmir għal Trażmissjoni ta’ Komunikazzjoni Dedikata fuq Medda Qasira (DSRC) (500kbit/s/250 kbit/s) li jopera fil-banda ta’ frekwenza 5 795 MHz sa 5 815 MHz; Parti 2: Standard Armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva 2014/53/UE; Subparti 2: Unitajiet abbord (OBU)

is-6 ta’ Awwissu 2021

4.

EN 302 065-3 V2.1.1

Apparati ta’ Medda Qasira (SRD) li jużaw teknoloġija Ultra Wide Band (UWB); Standard armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva 2014/53/UE; Parti 3: Rekwiżiti għal apparati UWB għal applikazzjonijiet għal vetturi bbażati fuq l-art

is-6 ta’ Frar 2020

5.

EN 302 752 V1.1.1

Kwistjonijiet marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika u mal-firxa tal-frekwenzi tar-radju (ERM); Tagħmir attiv li jtejjeb il-kapaċità tal-mira ta’ radar; EN armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva R&TTE

is-6 ta’ Frar 2021

6.

EN 303 098 V2.1.1

Apparati marittimi b’enerġija baxxa għal-lokalizzazzjoni tal-persuni permezz tal-AIS; Standard armonizzat li jkopri r-rekwiżiti essenzjali tal-Artikolu 3.2 tad-Direttiva 2014/53/UE

is-6 ta’ Frar 2021

7.

EN 303 520 V1.1.1

Apparati ta’ Medda Qasira (SRD); Apparati bla fili ta’ kapsuli mediċi ta’ endoskopija b’Enerġija Ultra-Baxxa (ULP) li joperaw fil-banda ta’ frekwenzi 430 MHz sa 440 MHz; Standard Armonizzat għall-aċċess għall-ispettru tar-radju

is-6 ta’ Awwissu 2021