|
15.1.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 13/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-12 ta’ Diċembru 2019
dwar in-notifikar lir-Repubblika tal-Panama dwar il-possibbiltà li din tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux irregolat
(2020/C 13/06)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,
Billi:
1. INTRODUZZJONI
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU). |
|
(2) |
Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, id-démarches fir-rigward ta’ pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, it-tneħħija ta’ dawk il-pajjiżi minn dik il-lista, l-ippubblikar tal-lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx u kwalunkwe miżura ta’ emerġenza. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni Ewropea għandha tidentifika l-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU. |
|
(4) |
L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU għandha tkun ibbażata fuq ir-rieżami tal-informazzjoni kollha kif stabbilit skont l-Artikolu 31(2) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Qabel tidentifika l-pajjiżi terzi bħala li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tinnotifika lill-pajjiżi terzi dwar il-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx f’konformità mal-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament. Din in-notifika hija ta’ natura preliminari. |
|
(6) |
In-notifika ta’ pajjiżi terzi dwar il-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx għandha tkun ibbażata wkoll fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU. |
|
(7) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni wkoll id-démarches kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward tal-pajjiżi terzi notifikati. B’mod partikolari, fin-notifika, il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali għall-identifikazzjoni kif ukoll tagħti l-opportunità lill-pajjiżi kkonċernati biex jirrispondu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni jew, fejn ikun xieraq, pjan ta’ azzjoni għat-titjib u l-miżuri meħudin biex jirrettifikaw is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-pajjiżi terzi kkonċernati żmien biżżejjed sabiex iwieġbu għan-notifika u żmien raġonevoli sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Il-miżuri stabbiliti, fost oħrajn, fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi identifikati. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tal-qbid validati minn Stat tal-bandiera terz hija soġġetta għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun irċeviet notifika mill-Istat tal-bandiera kkonċernat fejn ikun iċċertifikat li dan għandu fis-seħħ l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, għall-kontroll u għall-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni li l-bastimenti tas-sajd ta’ dak l-Istat tal-bandiera jkunu jridu jimxu magħhom. |
|
(10) |
F’konformità mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tikkoopera b’mod amministrattiv ma’ pajjiżi terzi f’oqsma li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-qabda ta’ dak ir-Regolament. |
2. PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAR-REPUBBLIKA TAL-PANAMA
|
(11) |
Ir-Repubblika tal-Panama (minn hawn ’il quddiem “il-Panama”) ippreżentat in-notifika tagħha bħala Stat tal-bandiera skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IUU lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Frar 2010. |
|
(12) |
Fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva prevista fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, mill-21 ta’ Ġunju 2010 sal-15 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni kkooperat mal-awtoritajiet tal-Panama biex tivverifika l-informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-Panama għall-implimentazzjoni, għall-kontroll u għall-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni, li kellhom jiġu rispettati mill-bastimenti tas-sajd tagħha, u l-miżuri meħuda mill-Panama sabiex timplimenta l-obbligi tagħha fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. |
|
(13) |
Skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tal-Panama bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-finijiet ta’ dan ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-parametri elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU. |
|
(14) |
Wara li eżaminat l-elementi fattwali kollha miġbura u d-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-pajjiż, il-Kummissjoni stabbiliet, skont l-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU, li l-Panama kienet naqset milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità mar-regoli internazzjonali kif ukoll biex tiżgura l-konformità mar-regolamenti u mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni mill-bastimenti tagħha. |
|
(15) |
Accordingly, by virtue of the Commission Decision 2012/C 354/01 of 15 November 2012, Panama was notified of the possibility of being identified as a non-cooperating third country in the fight against IUU fishing (2). |
|
(16) |
Il-Panama ġiet mistiedna tikkoopera mal-Kummissjoni abbażi ta’ pjan ta’ azzjoni propost biex jiġu rettifikati n-nuqqasijiet identifikati. |
|
(17) |
Fil-qafas tad-djalogu bilaterali b’segwitu għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/C 354/01, il-Panama ppreżentat kummenti bil-fomm u bil-miktub li tqiesu mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja. |
|
(18) |
Il-Panama introduċiet il-miżuri meħtieġa għall-waqfien tal-attivitajiet ta’ sajd IUU inkwistjoni u għall-prevenzjoni tagħhom, biex tirrettifika kull att jew ommissjoni li twassal għan-notifika tal-possibilità li tiġi identifikata bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. |
|
(19) |
B’riżultat ta’ dan, b’avviż datat il-15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonkludi d-démarches vis-à-vis l-Panama skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU minħabba li naqset milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq u biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU (3). |
|
(20) |
Madankollu, il-Kummissjoni enfasizzat li t-tmiem tad-démarches ma kienx jipprekludi azzjoni sussegwenti fil-futur mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, f’każ li elementi fattwali juru li l-Panama kienet qed tonqos milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, biex tieħu azzjoni biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU. |
|
(21) |
Mid-29 ta’ Jannar sal-1 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni wettqet żjara fil-Panama fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva prevista fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU. |
|
(22) |
Din iż-żjara kopriet kwistjonijiet relatati mal-arranġamenti nazzjonali fis-seħħ għall-verifika taċ-ċertifikati tal-qbid, l-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni, li għandhom jiġu rispettati mill-bastimenti tal-Panama. Kopriet ukoll il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri meħuda mill-Panama sabiex tirrettifika n-nuqqasijiet li wasslu għan-notifika msemmija fil-paragrafu (15) hawn fuq. |
|
(23) |
Mill-15 sad-19 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni wettqet it-tieni żjara fil-Panama dwar il-miżuri meħuda mill-Panama fil-missjoni preċedenti. |
|
(24) |
Dawn iż-żewġ żjarat u s-segwiti tagħhom kienu jinvolvu l-iskambju ta’ kummenti bil-fomm u bil-miktub fejn il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa dwar il-miżuri meħuda mill-Panama sabiex timplimenta l-obbligi tagħha fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. |
|
(25) |
Il-Panama hija Stat parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), (4) għall-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut transżonali u stokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna (UNFSA) u għall-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port biex is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux iddikjarat ikun prevenut, skoraġġut u eliminat (PSMA). Barra minn hekk il-Panama ttrasponiet il-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli u l-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali biex is-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Iddikjarat Ikun Prevenut, Skoraġġut u Eliminat (IPOA-IUU) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha (5). |
|
(26) |
Il-Panama hija Parti Kontraenti għall-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (IATTC), għall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u għall-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR). Il-Panama hija Parti Mhux Kontraenti Kooperattiva għall-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC), għall-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku (SPRFMO) u għall-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC). |
|
(27) |
Sabiex tevalwa l-konformità tal-Panama mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq kif stabbilit fil-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-paragrafu 26 hawn fuq u stabbiliti mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) rilevanti, il-Kummissjoni fittxet, ġabret u analizzat l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet ta’ dan l-eżerċizzju. |
3. POSSIBBILTÀ LI L-PANAMA TIĠI IDENTIFIKATA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOPERAX
|
(28) |
L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni fil-perjodu wara d-deċiżjoni tagħha li tikkonkludi d-démarches fir-rigward tal-Panama fl-2014 u n-nuqqasijiet identifikati waqt iż-żjarat fil-Panama fl-2019 wasslu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibilità li tidentifika l-Panama bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. |
|
(29) |
Skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tal-Panama bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq. Għall-finijiet ta’ dan ir-rieżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU. |
3.1. Miżuri meħudin fir-rigward tar-rikorrenza ta’ attivitajiet tas-sajd IUU u flussi kummerċjali ta’ sajd IUU (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)
|
(30) |
F’konformità mal-l-Artikolu 31(4)(a), il-Kummissjoni analizzat il-miżuri meħuda mill-Panama fir-rigward ta’ kwalunkwe attività rikorrenti ta’ sajd IUU mwettqa jew sostnuta minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħha jew miċ-ċittadini tagħha, jew minn bastimenti tas-sajd li joperaw fl-ilmijiet marittimi tagħha jew li jużaw il-portijiet tagħha. |
|
(31) |
Fuq il-bażi ta’ informazzjoni pubblikament disponibbli u informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet rilevanti tal-Panama, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-awtorità nazzjonali responsabbli għar-Reġistru tal-Bastimenti tal-Panama, l-Awtorità Marittima tal-Panama (AMP), kienet irreġistrat bastimenti li kienu ddikjaraw li ma kinux se jieħdu sehem f’attivitajiet tas-sajd, iżda li aktar tard kienu involuti f’tali attivitajiet. Dan kien jinvolvi bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Panama involuti f’attivitajiet ta’ sajd mingħajr il-liċenzja obbligatorja mill-awtorità nazzjonali tas-sajd, l-Awtorità tar-Riżorsi Akwatiċi tal-Panama (ARAP), u għalhekk kienu involuti f’attivitajiet ta’ sajd li ma huma soġġetti għall-ebda forma ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza mill-awtorità kompetenti. Dan ipprekluda wkoll it-twaqqif ta’ lista konsolidata tal-bastimenti tas-sajd u tal-bastimenti kollha li jintużaw u li huma mgħammra biex jintużaw għal attivitajiet relatati mas-sajd, li jtajru l-bandiera tal-Panama, li indika li l-Panama ma teżerċitax kontroll adegwat fuq il-bastimenti tagħha. |
|
(32) |
Dan in-nuqqas ta’ kontroll mill-awtorità kompetenti wassal għal ksur serju tal-liġijiet, tar-regolamenti u tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli. Bastimenti tal-ġarr li kienu reġistrati bħala bastimenti tal-merkanzija ġenerali fil-fatt intużaw fit-trasport ta’ prodotti tas-sajd mingħajr liċenzja mill-ARAP u mingħajr ebda tip ta’ kontroll ieħor mill-ARAP jew mill-AMP. Bħala eżempju, fl-2016 żewġ bastimenti tal-ġarr li kienu jtajru l-bandiera tal-Panama wettqu trasbordi fiż-żona SPRFMO, għalkemm ma kinux fuq ir-Reġistru ta’ Bastimenti tal-SPRFMO awtorizzati biex jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni. |
|
(33) |
Barra minn hekk, bastiment tal-ġarr bl-isem ta’ SUMMER REFER (isem preċedenti: OKAPI MARTA, IMO Nru 7816472) kien irreġistrat fil-Panama minn Ġunju 2018 sa Frar 2019 bħala bastiment tal-merkanzija ġenerali għalkemm dan il-bastiment ilu mill-2016 fuq il-lista ta’ bastimenti IUU tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM). L-AMP ma kkonsultatx l-ARAP qabel ma rreġistrat dan il-bastiment għalkemm dan huwa bastiment mgħammar għat-trasport tal-ħut u għalhekk seta’ jwettaq attivitajiet relatati mas-sajd. Ta min jinnota li d-dereġistrazzjoni ta’ dan il-bastiment ma kinitx relatata mal-fatt li l-bastiment kien elenkat bħala bastiment IUU. |
|
(34) |
Barra minn hekk, fl-ewwel nofs tal-2019 in-NIKA (IMO Nru 8808654), bastiment tas-sajd li kien ilu minn Ġunju 2018 reġistrat fil-Panama bħala bastiment tal-merkanzija ġenerali, instab li kien involut f’attivitajiet ta’ sajd IUU f’żona koperta mill-Konvenzjoni tas-CCAMLR mingħajr liċenzja mill-ARAP. |
|
(35) |
Barra minn hekk, f’Ġunju 2019, waqt it-23 sessjoni tagħha, il-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean tal-Indja (IOTC) adottat lista ta’ bastimenti preżunti li wettqu sajd IUU fiż-żona ta’ kompetenza tal-IOTC, li tinkludi x-XING HAI FENG (isem preċedenti: OCEAN LION, IMO Nru 7826233), bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Panama. |
|
(36) |
Kuntrarju għall-paragrafi 36 u 42 tal-IPOA-IUU, il-proċeduri fis-seħħ qabel ir-reġistrazzjoni tal-bastimenti ma jinkludux verifika komprensiva tal-istorja tal-bastimenti biex tiġi evitata r-reġistrazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd bi sfond jew bi profil ta’ konformità dubjużi kif ukoll ta’ bastimenti elenkati fil-lista tal-bastimenti IUU adottata mill-RFMOs. |
|
(37) |
Il-qafas legali bażiku li jistabbilixxi skema ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll u ta’ sorveljanza huwa d-Digriet Eżekuttiv Nru 161 tal-2013. Il-liċenzja tas-sajd u l-iskema ta’ awtorizzazzjoni attwali huma bbażati fuq id-Digriet Eżekuttiv Nru 162 tal-2013. L-adozzjoni ta’ dawn id-digrieti, flimkien mad-Digriet Eżekuttiv Nru 160 dwar is-sanzjonijiet, kienet deċiżiva għall-konklużjoni tad-démarches vis-à-vis l-Panama, f’Ottubru 2014, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolament IUU kif deskritt fil-paragrafu (19) hawn fuq. Madankollu, il-Kummissjoni identifikat li dawn id-digrieti mhumiex qed jiġu implimentati kif suppost. |
|
(38) |
Bħala eżempju, fir-rigward tal-bastimenti tal-ġarr awtorizzati mill-ARAP biex iwettqu operazzjonijiet ta’ trasbord ta’ prodotti tas-sajd, il-Kummissjoni sabet li l-Panama ma kinitx qed timmonitorja l-konformità ta’ dawk il-bastimenti mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-attivitajiet ta’ trasbord, bħall-obbligu li tiġi ppreżentata pre-notifika dwar it-trasbord u dikjarazzjoni dwar it-trasbord. Bħala eżempju, matul l-2018, bastiment tal-ġarr seta’ jopera ’l barra mill-kosti tal-Afrika tal-Punent mingħajr ma jippreżenta xi pre-notifika ta’ trasbord. Għandu jiġi nnotat li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Panama, in-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-obbligi huwa meqjus bħala ksur serju. Barra minn hekk, dan wassal biex rapporti reċenti dwar il-konformità tal-SPRFMO u tad-WCPFC identifikaw kwistjonijiet serji fir-rigward tat-trasbordi mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Panama (6). |
|
(39) |
Il-Kummissjoni ġabret ukoll informazzjoni li turi li l-Panama mhijiex qed timmonitorja u tikkontrolla sew l-attivitajiet ta’ qbid tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Panama. Pereżempju, bastiment tas-sajd seta’ jopera fl-Oċean Indjan għalkemm il-liċenzja tiegħu kienet valida biss għall-Oċean Paċifiku. Bl-istess mod, bastiment ieħor kien involut f’attivitajiet ta’ sajd fiż-żona magħrufa fl-IATTC bħala “El Corralito” fil-perjodu meta din iż-żona kienet magħluqa għas-sajd. Dan imur kontra r-Riżoluzzjoni tal-IATTC C-17-02. |
|
(40) |
Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Panama naqset milli tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha bħala Stat tal-bandiera biex timpedixxi lill-flotta tagħha milli tinvolvi ruħha f’attivitajiet ta’ sajd IUU fl-ibħra internazzjonali. Dan imur kontra l-Artikolu 94(1) u (2) tal-UNCLOS, li jgħidu li kull Stat għandu jiżgura b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu. Dan imur ukoll kontra l-paragrafu 24 tal-IPOA-IUU li jipprevedi l-obbligu tat-twettiq ta’ kontroll komprensiv u effettiv tal-attivitajiet tas-sajd. |
|
(41) |
Skont l-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri meħuda mill-Panama fir-rigward tal-aċċess ta’ prodotti tas-sajd li ġejjin minn sajd IUU għas-suq tagħha u l-flussi kummerċjali sussegwenti. |
|
(42) |
Wara li analizzat id-dokumentazzjoni u informazzjoni oħra dwar il-kontrolli tal-importazzjonijiet kif ukoll il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll tal-bastimenti, il-Kummissjoni tqis li l-Panama ma tistax tiżgura li l-prodotti tas-sajd li jidħlu fis-suq u fl-impjanti tal-ipproċessar tagħha ma joriġinawx minn sajd IUU. L-awtoritajiet tal-Panama ma setgħux juru li qed jiġbru u jivverifikaw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi kkontrollata l-legalità tal-ħut li jidħol fis-suq tagħhom, li jgħaddi jew li jiġi pproċessat fil-Panama. |
|
(43) |
Il-Kummissjoni identifikat b’mod partikolari inkonsistenzi sinifikanti fl-informazzjoni rrapportata mill-impjant tal-ipproċessar li l-Kummissjoni żaret f’Lulju 2019. Bħala eżempju, ir-rekords tal-impjant kienu qed isemmu li rċevew ħut maqbud minn bastiment li, dakinhar, kien għadu fuq il-baħar u kien għadu ma wasalx fil-moll tal-iżbark. Barra minn hekk, dak l-istess impjant ma seta’ jipprovdi l-ebda dokument statistiku għall-pixxispad tal-ICCAT, li kellu jakkumpanja l-24 importazzjoni ta’ pixxispad miż-żona tal-ICCAT li l-impjant kien għamel fl-2019. L-awtoritajiet tal-Panama ma kienu ndunaw b’ebda kwistjoni minn dawn. |
|
(44) |
Minbarra din il-problema, il-Panama tivvalida ċ-ċertifikati tal-qbid mingħajr ma tivverifika sew l-informazzjoni pprovduta f’dawk iċ-ċertifikati. Qabel l-ewwel żjara li l-Kummissjoni wettqet fl-2019, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) kienet wettqet analiżi ta’ kampjun ta’ ċertifikati tal-qbid li kienu ġew ivvalidati mill-Panama fl-2018. L-EFCA identifikat diversi żbalji, bħal informazzjoni nieqsa, ineżattezzi dwar iż-żoni ta’ qbid, żbalji fil-kwantitajiet, konfużjoni dwar l-isem tal-kaptan tal-bastiment, li wasslu għall-konklużjoni li l-verifiki li jsiru qabel il-validazzjoni taċ-ċertifikati tal-qbid huma ta’ natura superfiċjali. Waqt il-verifika tagħha tal-informazzjoni ta’ sostenn għal ċerti ċertifikati tal-qbid, il-Kummissjoni sabet ukoll informazzjoni dubjuża fil-ġurnal ta’ abbord. |
|
(45) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-informazzjoni relatata mal-oriġini u mat-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd li jidħlu u li jitilqu mill-pajjiż, jew li jinqabdu mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Panama, ma kinitx preċiża u affidabbli. Il-Panama naqset milli tinforza regoli biex tiżgura t-traċċabilità tal-ħut jew tal-prodotti tas-sajd fis-suq, f’konformità mal-paragrafu 67 sa 69 u 71 sa 72 tal-IPOA-IUU. |
|
(46) |
Il-Kummissjoni identifikat ukoll tliet każijiet fejn l-ARAP iddeterminat l-ammont tal-multi imposti fuq tliet bastimenti tal-Panama li nstabu jistadu fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-Panama minħabba li wettqu ksur serju tal-miżuri nazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni (CMMs) mingħajr ma qieset il-firxa ta’ sanzjonijiet pekunjarji kif stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Panama. B’riżultat ta’ dan, l-ammonti imposti kienu fil-fatt ħafna inqas mill-ammont minimu stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-Panama, u għalhekk mhumiex meqjusa severi biżżejjed biex ikunu effettivi biex tiġi żgurata l-konformità u biex jiskoraġġixxu l-ksur u jċaħħdu lit-trasgressuri mill-benefiċċji bħala riżultat tal-attivitajiet illegali tagħhom, kif meħtieġ mill-Artikolu 19(2) tal-UNFSA. |
|
(47) |
Barra minn hekk, rieżami tal-informazzjoni disponibbli abbord bastiment li jtajjar bandiera barranija, li kien diġà ġie spezzjonat u awtorizzat biex iħott il-qabdiet tiegħu f’wieħed mill-portijiet indikati fil-Panama, ippermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi li fil-fatt dan il-bastiment kien involut f’attivitajiet ta’ sajd mingħajr liċenzja fl-ibħra ta’ pajjiż terz, u li l-ispetturi li awtorizzaw il-ħatt fil-Panama ma kinux indunaw b’din l-evidenza. |
|
(48) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni kif ukoll abbażi tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-awtoritajiet kompetenti tal-Panama, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3), (4)(a) u (4)(b) tar-Regolament IUU, li l-Panama qed tonqos milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali u tas-suq fir-rigward tal-bastimenti IUU u tas-sajd IUU li jsir jew li huwa appoġġjat minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħha jew miċ-ċittadini tagħha, u biex tipprevjeni l-aċċess tal-prodotti tas-sajd li joriġinaw minn sajd IUU għas-suq tagħha. |
3.2. Nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)
|
(49) |
Skont l-Artikolu 31(5)(a) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat il-kollaborazzjoni tagħha mal-Panama biex tara jekk l-awtoritajiet ikkooperawx b’mod effettiv f’li jwieġbu l-mistoqsijiet, jipprovdu feedback jew jinvestigaw kwistjonijiet relatati mas-sajd IUU u attivitajiet relatati. |
|
(50) |
Bi tħejjija għall-ewwel żjara tal-Kummissjoni tal-2019 u warajha, l-awtoritajiet tal-Panama kienu ġeneralment kooperattivi u wieġbu u pprovdew feedback meta ntalbu jipprovdu informazzjoni. Madankollu, matul il-perjodu bejn it-terminazzjoni tad-démarches vis-à-vis l-Panama kif deskritt fil-paragrafu (19) hawn fuq u qabel ma l-Kummissjoni kkuntattjat lill-Panama biex torganizza l-ewwel żjara tal-2019, il-Panama kienet baqgħet ma weġbitx għal diversi jew minn Stati Membri tal-UE bejn l-2015 u l-2018. |
|
(51) |
F’konformità mal-Artikolu 31(5)(b), il-Kummissjoni analizzat miżuri ta’ infurzar eżistenti biex jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU. |
|
(52) |
Is-sistema attwali ta’ sanzjonar hija bbażata fuq id-Digriet Eżekuttiv Nru 160 tal-2013. L-adozzjoni ta’ dan l-istrument legali, flimkien maż-żewġ Digrieti eżekuttivi l-oħra msemmija hawn fuq, kienet kruċjali għat-terminazzjoni tad-demarches fil-konfront tal-Panama f’Ottubru 2014. Madankollu, il-Panama ma implimentatx kif suppost id-Digriet Eżekuttiv Nru 160. |
|
(53) |
L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni u l-iskambji mal-awtoritajiet tal-Panama wrew li s-sanzjonijiet imposti fuq bastimenti involuti jew li jappoġġjaw attivitajiet ta’ sajd IUU, attivitajiet li d-Digriet Eżekuttiv Nru 160 jelenka bħala serji, mhumiex effettivi u ta’ deterrent. |
|
(54) |
Pereżempju, skont l-imsemmi Digriet Eżekuttiv, il-firxa ta’ sanzjonijiet pekunjarji hija ta’ bejn 10 001 u 1 000 000 balboa (10 001 sa 1 000 000 USD) — l-ekwivalenti ta’ EUR 9,123,23 sa EUR 912,231,49. Madankollu, matul il-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2018, 80 % tal-multi imposti minħabba ksur serju kienu ta’ inqas minn 12 000 balboa u żewġ multi biss kienu ta’ aktar minn 20 000 balboa. Għalhekk, is-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tal-Panama ċertament mhumiex proporzjonati mal-valur tal-qabdiet u tal-benefiċċji riżultanti minn ksur serju u s-severità tagħhom mhijiex adegwata biex ikunu effettivi b’mod li tiġi żgurata l-konformità u biex jiġi skoraġġut iktar ksur. |
|
(55) |
Kif issemma hawn fuq, il-Kummissjoni identifikat tliet każijiet fejn l-ARAP iddeterminat l-ammont tal-multi imposti fuq tliet bastimenti tal-Panama li nstabu jistadu fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-Panama minħabba li wettqu ksur serju tas-CMMs mingħajr ma qieset il-firxa ta’ sanzjonijiet pekunjarji kif stabbilit mid-Digriet Eżekuttiv Nru 160. Fil-fatt, l-ammonti imposti kienu ħafna inqas mill-ammont minimu previst f’dan l-istrument. F’dawn it-tliet każijiet, l-ARAP imponiet sanzjonijiet pekunjarji ta’ 3,792.50 balboa, ta’ 3,652.00 balboa u ta’ 3,652.00 balboa filwaqt li l-ammont minimu li jista’ jiġi impost, skont l-imsemmi Digriet Eżekuttiv, huwa ta’ 10,001.00 balboa. |
|
(56) |
Il-livell attwali ta’ sanzjonijiet imposti kjarament jonqos milli jiżgura d-deterrenza tal-iskema ta’ sanzjonar u ma jirriflettix l-Artikolu 19(2) tal-UNFSA, li jistabbilixxi li sanzjonijiet applikabbli fir-rigward ta’ ksur għandhom ikunu ta’ severità adegwata biex ikunu effettivi b’mod li tiġi żgurata konformità u biex jiskoraġġixxu ksur irrispettivament minn fejn iseħħu u għandhom iċaħħdu lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali tagħhom. Barra minn hekk, il-paragrafu 21 tal-IPOA-IUU jirrakkomanda li l-Istati għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet għas-sajd IUU minn bastimenti u, kemm jista’ jkun, minn ċittadini taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, ikunu ta’ severità biżżejjed biex iċaħħdu lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jirriżultaw minn tali sajd. |
|
(57) |
Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ infurzar huma affettwati mill-eżistenza ta’ dewmien sinifikanti ħafna kemm fil-ftuħ tal-proċeduri kontra bastimenti allegatament involuti f’attivitajiet ta’ sajd IUU kif ukoll fl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-proċedimenti jieħdu s-snin biex jiġu konklużi. |
|
(58) |
Fid-dawl tal-informazzjoni miġbura dwar il-qafas legali u l-proċedimenti ta’ infurzar li għaddejjin biex jiġi stabbilit ksur u jiġu imposti sanzjonijiet konsegwenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Panama naqset milli timplimenta l-Artikolu 19(2) tal-UNFSA. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ġudizzjarji kollha għandhom isiru bil-ħeffa u li s-sanzjonijiet applikabbli fir-rigward ta’ ksur għandhom ikunu ta’ severità adegwata biex ikunu effettivi biex tiġi żgurata l-konformità u biex jiskoraġġixxu ksur irrispettivament minn fejn iseħħu u għandhom iċaħħdu lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali tagħhom. |
|
(59) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll abbażi tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-awtoritajiet tal-Panama, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (5) tar-Regolament IUU, li l-Panama naqset milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-infurzar. |
3.3. Nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU)
|
(60) |
F’konformità mal-Artikolu 31(6)(a) u (b) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat ir-ratifika jew l-adeżjoni tal-Panama għall-istrumenti internazzjonali rilevanti tas-sajd u l-istatus tagħha bħala parti kontraenti għall-RFMOs jew il-ftehim tagħha biex tapplika miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati minnhom. |
|
(61) |
Il-Panama rratifikat l-UNCLOS fl-1996 u ssieħbet fl-UNFSA fl-2008. Il-Panama ssieħbet ukoll mal-PSMA fl-2016. Barra minn hekk, il-Panama ttrasponiet il-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli u l-IPOA-IUU fl-2009. |
|
(62) |
Il-qafas legali attwali dwar is-sajd huwa pprovdut mid-Digrieti Eżekuttivi tal-2013 imsemmija hawn fuq u mit-traspożizzjoni tal-istandards stabbiliti fi strumenti internazzjonali relatati mas-sajd fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Panama. Il-Liġi dwar is-Sajd attwalment fis-seħħ tmur lura għall-1959 u għadha mhijiex allinjata mal-istrumenti internazzjonali kontemporanji rilevanti li għalihom il-Panama hija parti u ma’ standards internazzjonali oħra relatati mas-sajd li l-Panama qablet li tapplika. Il-Panama għadha fil-proċess li tirrevedi l-Liġi dwar is-Sajd tagħha, għalkemm kienet diġà ntalbet taġġornaha. |
|
(63) |
Fir-rigward tal-PSMA, l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni turi nuqqasijiet min-naħa tal-Panama fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. F’Lulju 2018, il-VLADIVOSTOK 2000 (ismijiet preċedenti: DAMANZAIHAO, LAFAYETTE, Nru. tal-IMO 7913622), bastiment fabbrika tal-ħut li ilu mill-2015 elenkat fil-lista tal-bastimenti IUU tal-SPRFMO, kien kapaċi jirċievi provvista minn bunker fil-Panama. Dan imur kontra l-PSMA u jikkonferma n-nuqqas ta’ implimentazzjoni adegwata tal-PSMA biex tipprevjeni b’mod effettiv li bastimenti IUU ma jitħallewx jirċievu servizzi portwarji fil-Panama. |
|
(64) |
Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-ispetturi jkunu preżenti biss f’wieħed mill-portijiet deżinjati (il-Port ta’ Vacamonte) u li l-ispezzjonijiet imwettqa f’dak il-port ma jsirux kif suppost. Rieżami tal-informazzjoni disponibbli abbord bastiment li jtajjar bandiera barranija, li kien diġà ġie spezzjonat u awtorizzat biex iħott il-qabdiet tiegħu, ippermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi li fil-fatt dan il-bastiment kien involut f’attivitajiet ta’ sajd mingħajr liċenzja fl-ibħra ta’ pajjiż terz, u li l-ispetturi li awtorizzaw il-ħatt fil-Panama ma kinux indunaw b’din l-evidenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat każijiet fejn bastimenti tas-sajd li jtajru bandiera barranija li ma kinux inklużi fil-lista pprovduta mill-Panama ta’ bastimenti tas-sajd barranin awtorizzati biex jidħlu fil-port fil-fatt kienu daħlu fil-port. |
|
(65) |
Kif deskritt fil-paragrafu (26), il-Panama hija membru tal-IATTC, tal-ICCAT u tas-CCAMLR u parti mhux kontraenti kooperanti għad-WCPFC, għall-SPRFMO u għan-NEAFC. |
|
(66) |
F’konformità mal-Artikolu 31(6)(c), il-Kummissjoni analizzat kull att jew ommissjoni mill-Panama li setgħet naqqset l-effikaċja tal-liġijiet, tar-regolamenti jew ta’ miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli. |
|
(67) |
Fir-rigward tas-sodisfar tal-obbligi tal-Panama bħala Parti Kontraenti jew bħala Parti Mhux Kontraenti Kooperattiva fl-RFMOs imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-Panama ma kinitx kapaċi tiżgura li l-bastimenti tagħha josservaw ir-regoli stabbiliti fil-qafas ta’ dawk l-RFMOs. Kif issemma fil-paragrafu (39) hawn fuq, kien hemm bastiment involut f’attivitajiet ta’ sajd fiż-żona tal-IATTC, magħrufa bħala “El Corralito” fil-perjodu meta din iż-żona kienet magħluqa għas-sajd. Dan kien bi ksur tar-Riżoluzzjoni tal-IATTC Nru C-17-02. Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-paragrafu (32) aktar ’il fuq, fl-2016 żewġ bastimenti tal-ġarr li kienu jtajru l-bandiera tal-Panama wettqu trasbordi fiż-żona tal-SPRFMO, għalkemm li ma kinux fuq ir-Reġistru ta’ Bastimenti tal-SPRFMO awtorizzati biex jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, kif iddikjarat fil-paragrafu (34) aktar ’il fuq, fl-ewwel nofs tal-2019 bastiment tas-sajd li kien ilu minn Ġunju 2018 reġistrat fil-Panama bħala bastiment tal-merkanzija ġenerali, instab li kien involut f’attivitajiet ta’ sajd IUU f’żona koperta mill-Konvenzjoni CCAMLR mingħajr liċenzja mill-ARAP. |
|
(68) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni kif ukoll abbażi tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-awtoritajiet tal-Panama, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, li l-Panama naqset milli taqdi d-dmirijiet kollha tagħha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tar-regoli, tar-regolamenti u tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni internazzjonali. |
3.4. Limitazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp (l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU)
|
(69) |
Skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHDI), (7) fl-2018, il-Panama kienet meqjusa bħala pajjiż b’livell għoli ta’ żvilupp uman, fejn ġiet ikklassifikata fil-66 post minn fost 189 pajjiż. |
|
(70) |
Fid-dawl tal-klassifikazzjoni tal-UNHDI ta’ hawn fuq u l-osservazzjonijiet waqt iż-żjarat tal-2019, ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li n-nuqqas tal-Panama li taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali huwa r-riżultat ta’ livelli baxxi ta’ żvilupp. Ma teżisti l-ebda evidenza tanġibbli li tikkorrelata n-nuqqasijiet fil-qafas legali tas-sajd, fil-monitoraġġ, fil-kontroll u fis-sorveljanza, u fis-sistemi ta’ traċċabilità, ma’ nuqqasijiet fil-kapaċità u fl-infrastruttura. Il-Kummissjoni wieġbet b’mod pożittiv għat-talbiet magħmula mill-Panama għal appoġġ fir-rieżami tal-qafas legali tas-sajd. |
|
(71) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni kif ukoll abbażi tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-pajjiż, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-istat ta’ żvilupp u l-prestazzjoni ġenerali tal-Panama fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd mhumiex imxekkla mil-livell ta’ żvilupp tagħha. |
IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:
Artikolu Uniku
Ir-Repubblika tal-Panama għandha tiġi nnotifikata dwar il-possibbiltà li tiġi identifikata mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Virginijus SINKEVIČIUS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(2) ĠU C 354, 17.11.2012, p. 1.
(3) ĠU C 364, 15.10.2014, p. 2.
(4) https://treaties.un.org/
(5) International Plan of Action to Prevent, Deter and Eliminate Illegal, Unreported and Unregulated Fishing, Food and Agriculture Organization of the United Nations, 2001.
(6) TCC14 tad-WCPFC ta’ Settembru 2018 u CTC5 tal-SPRFMO ta’ Jannar 2018.
(7) http://hdr.undp.org/en/2018-update/download