13.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Novembru 2020

dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li joriġina mir-Repożitorju tas-Superfiċje ta’ Dessel li qiegħed fil-Belġju

(it-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

(2020/C 383/01)

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal ebda valutazzjoni addizzjonali li trid titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fit-18 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet Data Ġenerali mingħand il-Gvern tal-Belġju, marbuta mal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv (2) li joriġina mir-Repożitorju tas-Superfiċje ta’ Dessel, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom.

Abbażi ta’ din id-data u tal-informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni talbet fl-4 ta’ Frar 2020 u li l-awtoritajiet Żvediżi pprovdewlha fl-4 ta’ Awwissu 2020, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza bejn il-faċilità tar-rimi u l-eqreb punt fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ in-Netherlands, hija ta’ 11-il km.

2.

Matul il-perjodu operazzjonali tal-faċilità tar-rimi:

L-iskart radjuattiv se jinħażen mingħajr l-intenzjoni ta’ rkupru.

Il-faċilità tar-rimi mhux se tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni ta’ skariku fir-rigward ta’ effluwenti radjuattivi likwidi u dawk ittrasportati bl-ajru. Taħt kundizzjonijiet normali tal-operat, il-faċilità tar-rimi la se tirrilaxxa effluwenti radjuattivi likwidi u lanqas dawk ittrasportati bl-ajru.

F’każ li jkun hemm skariku mhux ippjanat ta’ effluwenti radjuattivi, li jista’ jseħħ wara xi aċċident tat-tip u tad-daqs meqjusa fid-Data Ġenerali, id-dożi li x’aktarx jilħqu lill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor mhux se jkunu sinifikanti mil-lat tas-saħħa fir-rigward tal-livelli ta’ referenza stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva 2013/59/Euratom) (3).

3.

Wara l-perjodu operazzjonali tal-faċilità tar-rimi:

Il-miżuri previsti għall-għeluq finali tal-faċilità tar-rimi, kif deskritti fid-Data Ġenerali jaċċertaw li l-konklużjonijiet imsemmija fil-punt 2 ta’ hawn fuq se jibqgħu validi fit-tul.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla, li joriġina mir-Repożitorju tas-Superfiċje ta’ Dessel li jinsab fil-Belġju, kemm waqt il-ħajja operattiva normali tiegħu kif ukoll wara l-għeluq finali tiegħu, kif ukoll fil-każ ta’ aċċidenti tat-tip u d-daqs ikkunsidrat fid-Data Ġenerali, mhux mistennija li twassal għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti mil-lat tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva 2013/59/Euratom).

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali jenħtieġ li jkomplu jiġu vvalutati. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni lejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE; lejn id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll lejn id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u lejn id-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.

(2)  Ir-rimi tal-iskart radjuattiv skont it-tifsira tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom tal-11 ta’ Ottubru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 36).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).