20.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/2


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2178

tal-14 ta’ Ottubru 2019

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1076 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jinkludi l-Unjoni ta’ Comoros fl-Anness I

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1076 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 li japplika l-arranġamenti għal prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/1076 jelenka l-pajjiżi li għalihom japplikaw l-arranġamenti għall-aċċess għas-suq previsti minn dak ir-Regolament.

(2)

Il-Ftehim Interim li jistabbilixxi l-qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-FSE interim”) (2) ġie applikat b’mod proviżorju mill-14 ta’ Mejju 2012 f’erbgħa (Madagascar, Mauritius, is-Seychelles u ż-Żimbabwe) mis-sitt Stati tar-reġjun tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar li ffirmaw u rratifikaw il-ftehim.

(3)

Fis-7 ta’ Frar 2019, l-Unjoni ta’ Comoros iddepożitat l-istrument ta’ ratifika tal-FSE interim. Għalhekk, il-FSE interim japplika b’mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Unjoni ta’ Comoros minn dik id-data.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Unjoni ta’ Comoros tiġi inkluża fl-Anness I,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/1076 jiddaħħal dan li ġej wara l-kliem “IR-REPUBBLIKA TAL-BOTSWANA”:

“L-UNJONI TA’ COMOROS”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 185, 8.7.2016, p. 1.

(2)  ĠU L 111, 24.4.2012, p. 2.