6.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2074

tat-23 ta’ Settembru 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dwar kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 77(1)(h) tiegħu,

BILLI:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni hija meħtieġa tadotta r-regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a), (b) u (c) tiegħu, li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu minn pajjiż terz.

(2)

Jenħtieġ li l-annimali u l-oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni u li jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz ikunu soġġetti għal verifiki tad-dokumenti,tal-identità u, fejn xieraq, verifiki fiżiċi fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni biex jiġi żgurat li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li dawk il-verifiki jiżguraw li l-annimali jkunu jifilħu li jkomplu l-vjaġġ lejn id-destinazzjoni tagħhom u li jiġu rispettati r-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali.

(3)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (2) jistipula r-regoli dwar il-verifiki veterinarji li jridu jitwettqu biex tiġi awtorizzata l-importazzjoni mill-ġdid ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Unjoni li jirritornaw lejha wara rifjut ta’ dħul minn pajjiż terz. Ir-Regolament (UE) 2017/625 iħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 97/78/KE b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.

(4)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u tas-saħħa tal-annimali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 97/78/KE jenħtieġ li jinżammu b’ċerti adattamenti filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti f’dak l-Artikolu, u l-qafas legali l-ġdid stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/625.

(5)

B’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni ta’ mard tal-annimali jew ta’ pesti tal-pjanti, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiżguraw li l-kunsinni li joriġinaw mill-Unjoni li jirritornaw lejha jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti għad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta’ dawn il-kunsinni, kif stabbilit fir-regoli dwar is-saħħa tal-annimali, dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, jew dwar is-saħħa tal-pjanti, kif xieraq.

(6)

Kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara rifjut ta’ dħul minn pajjiż terz, jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa pubblika. Sabiex jiġi żgurat li dawk il-kunsinni jikkonformaw mar-regoli dwar l-ikel u dwar is-sikurezza tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni jawtorizzaw id-dħul mill-ġdid ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2007 (3) u ta’ prodotti komposti soġġetti għall-verifiki veterinarji f’postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (4), dment li dawk il-prodotti jkunu konformi ma’ rekwiżiti speċifiċi addizzjonali.

(7)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha wara rifjut ta’ dħul minn pajjiż terz, jaslu fil-post tad-destinazzjoni tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti proċedurali stipulati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1666 (5) japplikaw għall-monitoraġġ tat-trasportazzjoni u għall-wasla ta’ kunsinni ta’ oġġetti, mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni sal-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni.

(8)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti b’dan ir-Regolament japplikaw ukoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fuq kunsinni tal-kategoriji ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/625 li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz.

Artikolu 2

Kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ annimali u oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jingħatawx permess jidħlu f’pajjiż terz

1.   L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha tivverifika id-dokumenti u l-identità ta’ kunsinni ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/625 li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz.

2.   L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha twettaq il-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni li ġejjin li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz:

(a)

kunsinni ta’ annimali msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

kunsinni ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/625 meta jkun issuspettat nuqqas ta’ konformità ta’ dawk l-oġġetti mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, sabiex jiġi kkonfermat jew eliminat dak is-suspett.

3.   L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha tivverifika l-konformità ta’ kunsinni ta’ annimali u oġġetti mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għall-annimali msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 u għall-prodotti ġerminali msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali, skont dak li jkun jixraq, stabbiliti fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(d) u (f) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625:

(i)

ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(ii)

ir-regoli addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

għall-prodotti sekondarji tal-annimali msemmijin fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 u għall-prodotti derivati, ir-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(d)

għall-pjanti, għall-prodotti mill-pjanti, u għal oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-pjanti stabbiliti fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament (UE) 2017/625.

4.   L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fil-post ta’ destinazzjoni permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625 (“IMSOC”) bil-fatt li l-kunsinna ġiet aċċettata biex tidħol fl-Unjoni b’post speċifikat ta’ destinazzjoni indikat fid-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED).

Artikolu 3

Regoli addizzjonali dwar kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali u ta’ prodotti komposti

1.   L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha tawtorizza d-dħul fl-Unjoni ta’ dawn il-kunsinni ta’ prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz sakemm dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2:

(a)

prodotti li joriġinaw mill-annimali elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2007;

(b)

il-prodotti komposti elenkati fil-Kapitoli 16 sa 22 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2007/275/KE li huma soġġetti għall-kontrolli veterinarji f’postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċiżjoni.

2.   Il-kunsinni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti li ġejjin:

(a)

iċ-ċertifikat uffiċjali oriġinali maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru minn fejn joriġinaw l-oġġetti u jkunu ntbagħtu lejn pajjiż terz (“l-Istat Membru ta’ oriġini”), jew l-ekwivalent elettroniku tiegħu sottomess fl-IMSOC, jew kopja awtentikata tiegħu;

(b)

id-dikjarazzjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti jew ta’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn tal-pajjiż terz li tindika r-raġuni għar-rifjut tad-dħul, il-post u d-data tal-ħatt u t-tagħbija mill-ġdid fil-pajjiż terz u li tikkonferma li:

(i)

il-kunsinna ma għaddiet minn ebda trattament ieħor għajr il-ħatt, il-ħażna u t-tagħbija mill-ġdid;

(ii)

il-ħatt u t-tagħbija mill-ġdid tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u tal-prodotti komposti ġew ittrattati b’mod iġjeniku biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni kroċjata;

(iii)

il-prodotti li joriġinaw mill-annimali u l-prodotti komposti nħażnu f’kundizzjonijiet iġjeniċi u fit-temperatura meħtieġa għat-tipi rilevanti ta’ oġġettii;

(c)

id-dikjarazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni fl-Unjoni li tgħid li taqbel li tirċievi l-kunsinna; madankollu, dik id-dikjarazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa meta l-kunsinna tirritorna lejn l-istabbiliment tal-oriġini tal-kunsinna li jkun jinsab fl-istess Stat Membru bħall-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2(a), meta ma jkunx possibbli li jiġu ppreżentati d-dokumenti msemmija f’dik id-dispożizzjoni, l-oriġini tal-kunsinna tista’ tiġi awtentikata b’mod ieħor fuq il-bażi ta’ evidenza dokumentata ppreżentata mill-operatur responsabbli mill-kunsinna.

4.   L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni tista’ tagħti eżenzjonijiet mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2(b) għal kunsinni ssiġillati, b’siġill ta’ oriġini intatt, sakemm l-operatur responsabbli mill-kunsinna jissottometti dikjarazzjoni li tagħti r-raġuni għaliex il-pajjiż terz ma ħallihiex tidħol u tikkonferma li t-trasport ikun sar skont il-kondizzjonijiet xierqa għat-tip ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti komposti rilevanti.

5.   L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla għandha timmonitorja t-trasportazzjoni u l-wasla fil-post tad-destinazzjoni tal-kunsinna f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2019/1666, meta l-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni tkun ħarġet id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(c).

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2007 tat-18 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-listi ta’ annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali u prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati kif ukoll ħuxlief u tiben soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u li jemenda d-Deċiżjoni 2007/275/KE (ĠU L 312, 3.12.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 dwar il-listi ta’ annimali u prodotti li huma soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri skont id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1666 tal-24 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-monitoraġġ tat-trasportazzjoni u l-wasla ta’ kunsinni ta’ ċerti oġġetti mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post ta’ destinazzjoni fl-Unjoni (ĠU L 255, 4.10.2019, p. 1).