4.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/28


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2027

tat-28 ta’ Novembru 2019

li jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 2305/2003, (KE) Nru 969/2006 u (KE) Nru 1067/2008 u mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2081 u (UE) 2017/2200, mir-Regolament (KE) Nru 1964/2006 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) nru 480/2012 u mir-Regolament (KE) Nru 1918/2006, fir-rigward tad-dati għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni fl-2020 skont il-kwoti tariffarji għaċ-ċereali, ir-ross u ż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2305/2003 (2), (KE) Nru 969/2006 (3), (KE) Nru 1067/2008 (4) u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2081 (5) u (UE) 2017/2200 (6) jipprevedu dispożizzjonijiet speċifiċi għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni taċ-ċereali fil-qafas tal-kwota 09.4126, tal-qamħirrum fil-qafas tal-kwota 09.4131 u tal-qamħ komuni ta’ kwalità differenti minn dik superjuri fil-qafas tal-kwoti 09.4123, 09.4124, 09.4125 u 09.4133, u ta’ ċerti ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna fil-qafas tal-kwoti 09.4306, 09.4307, 09.4308, 09.4277, 09.4278 u 09.4279.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1964/2006 (7) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2012 (8) jipprevedu dispożizzjonijiet speċifiċi għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni ta’ ross li joriġina mill-Bangladesh fil-qafas tal-kwota 09.4517 u ta’ ross imfarrak fil-qafas tal-kwota 09.4079.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 (9) jistipula dispożizzjonijiet partikolari għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija fil-qafas tal-kwota 09.4032.

(4)

Fid-dawl tal-btajjel tas-sena 2020, jeħtieġ li għal ċerti perjodi tingħata deroga mir-Regolamenti (KE) Nru 2305/2003, (KE) Nru 969/2006, (KE) Nru 1067/2008, mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2081 u (UE) 2017/2200, mir-Regolament (KE) Nru 1964/2006, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 480/2012 u mir-Regolament (KE) Nru 1918/2006, fir-rigward tad-dati għat-tressiq tal-applikazzjonijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni u l-ħruġ ta’ dawn il-liċenzji, biex ikun żgurat li jitħarsu l-volumi tal-kwoti kkonċernati. Fejn xieraq, il-koeffiċjent ta’ allokazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (10) għandu japplika xorta waħda.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ċereali

1.   B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 2305/2003, għas-sena 2020, ma jistgħux jitressqu aktar applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni tax-xgħir skont il-kwota 09.4126, l-11 ta’ Diċembru 2020, fis-13.00, ħin ta’ Brussell.

2.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 2305/2003, għas-sena 2020, il-liċenzji għall-importazzjoni tax-xgħir imressqa fil-qafas tal-kwota 09.4126 u li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet matul il-perjodu msemmi fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandhom jinħarġu fid-data korrispondenti li tidher hawnhekk.

3.   B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 969/2006, għas-sena 2020, ma jistgħux jitressqu aktar applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni tax-xgħir skont il-kwota 09.4131, l-11 ta’ Diċembru 2020, fis-13.00, ħin ta’ Brussell.

4.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 969/2006, għas-sena 2020, il-liċenzji għall-importazzjoni tax-xgħir imressqa fil-qafas tal-kwota 09.4131 u li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet matul il-perjodu msemmi fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandhom jinħarġu fid-data korrispondenti li tidher hawnhekk.

5.   B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008, għas-sena 2020, ma jistgħux jitressqu aktar applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni ta’ qamħ komuni ta’ kwalità differenti minn dik superjuri skont il-kwoti 09.4123, 09.4124, 09.4125 u 09.4133, wara l-11 ta’ Diċembru 2020, fis-13.00, ħin ta’ Brussell.

6.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008, għas-sena 2020, il-liċenzji għall-importazzjoni ta’ qamħ komuni ta’ kwalità differenti minn dik superjuri, mressqa fil-qafas tal-kwoti 09.4123, 09.4124, 09.4125 u 09.4133 u li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet matul il-perjodu msemmi fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandhom jinħarġu fid-data korrispondenti li tidher hawnhekk.

7.   B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2081, għas-sena 2020, ma jistgħux ikomplu jitressqu applikazzjonijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni ta’ ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna fil-qafas tal-kwoti 09.4306, 09.4307 u 09.4308, wara l-11 ta’ Diċembru 2020, fis-13.00, ħin ta’ Brussell.

8.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2081, għas-sena 2020, il-liċenzji għall-importazzjoni taċ-ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna mressqa fil-qafas tal-kwoti 09.4306, 09.4307 u 09.4308 u li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet matul il-perjodu msemmi fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandhom jinħarġu fid-data korrispondenti li tidher hawnhekk.

9.   B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2200, għas-sena 2020, ma jistgħux ikomplu jitressqu applikazzjonijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni ta’ ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna fil-qafas tal-kwoti 09.4277, 09.4278 u 09.4279, wara l-11 ta’ Diċembru 2020, fis-13.00, ħin ta’ Brussell.

10.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2200, għas-sena 2020, il-liċenzji għall-importazzjoni taċ-ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna mressqa fil-qafas tal-kwoti 09.4277, 09.4278 u 09.4279 u li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet matul il-perjodu msemmi fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandhom jinħarġu fid-data korrispondenti li tidher hawnhekk.

Artikolu 2

Ross

1.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1964/2006, għas-sena 2020, ma jistgħux jitressqu aktar applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni tar-ross li joriġina mill-Bangladesh skont il-kwota 09.4517 wara l-11 ta’ Diċembru 2020, fis-13.00, ħin ta’ Brussell.

2.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1964/2006, għas-sena 2020, il-liċenzji għall-importazzjoni tar-ross li joriġinaw mill-Bangladesh imressaq fil-qafas tal-kwota 09.4517 li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet matul il-perjodu msemmi fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, għandhom jinħarġu fid-data korrispondenti li tidher hawnhekk.

3.   B’deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 480/2012, għas-sena 2020, ma jistgħux ikomplu jitressqu applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni tar-ross imfarrak skont il-kwota 09.4079, wara l-11 ta’ Diċembru 2020, fis-13.00, ħin ta’ Brussell.

4.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 480/2012, għas-sena 2020, il-liċenzji għall-importazzjoni tar-ross imfarrak imressaq fil-qafas tal-kwota 09.4079 li għalih tressqu l-applikazzjonijiet matul il-perjodu msemmi fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, għandhom jinħarġu fid-data korrispondenti li tidher hawnhekk.

Artikolu 3

Żejt taż-żebbuġa

1.   B’deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006, għas-sena 2020, ma jistgħux ikomplu jitressqu applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija, wara t-Tlieta, 15 ta’ Diċembru 2020.

2.   B’deroga mill-Artikolu 3(3), tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006, il-liċenzji għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija li għalihom tressqu applikazzjonijiet matul il-perjodu msemmi fl-Anness III għal dan ir-Regolament, għandhom jinħarġu fid-dati korrispondenti li jidhru hawnhekk.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jiskadi fl-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

f’isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2305/2003 tad-29 ta’ Diċembru 2003 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffali għall-importazzjoni ta’ xgħir minn pajjiżi terzi (ĠU L 342, 30.12.2003, p. 7).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 969/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi kwota tariffarja Komunitarja u mod għall-ġestjoni tagħha għall-importazzjoni tal-qamħirrum minn pajjiżi terzi (ĠU L 176, 30.6.2006, p. 44).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1067/2008 tat-30 ta’ Ottubru 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji Komunitarji għal qamħ komuni ta’ kwalità differenti minn dik superjuri oriġinanti minn pajjiżi terzi u li tidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 290, 31.10.2008, p. 3).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2081 tat-18 ta’ Novembru 2015 li jwassal għall-ftuħ u għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-importazzjoni ta’ ċerti ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna (ĠU L 302, 19.11.2015, p. 81).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2200 tat-28 ta’ Novembru 2017 li jwassal għall-ftuħ u għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-importazzjoni ta’ ċerti ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna (ĠU L 313, 29.11.2017, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1964/2006 tat-22 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta’ kwota għall-importazzjoni ta’ ross li joriġina mill-Bangladesh, b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90 (ĠU L 408, 30.12.2006, p. 19).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2012 tas-7 ta’ Ġunju 2012 li jiftaħ u jipprovdi għat-tmexxija ta’ kwota ta’ tariffa għal ross miksur (broken rice) ta’ kodiċi NM 1006 40 00 għal produzzjoni ta’ tħejjijiet tal-ikel ta’ kodiċi NM 1901 10 00 (ĠU L 148, 8.6.2012, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 84).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).


ANNESS I

Perjodi tat-tressiq tal-applikazzjonijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni taċ-ċereali

Dati tal-ħruġ

Il-Ġimgħa, 3 ta’ April mis-13.00 sal-Ġimgħa, 10 ta’ April 2020 fis-13.00, ħin ta’ Brussell

L-ewwel jum ta’ xogħol mit-Tnejn, 20 ta’ April 2020


ANNESS II

Perjodi tat-tressiq tal-applikazzjonijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni tar-ross

Dati tal-ħruġ

Il-Ġimgħa, 3 ta’ April mis-13.00 sal-Ġimgħa, 10 ta’ April 2020 fis-13.00, ħin ta’ Brussell

L-ewwel jum ta’ xogħol mit-Tnejn, 20 ta’ April 2020


ANNESS III

Perjodi tat-tressiq tal-applikazzjonijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa

Dati tal-ħruġ

It-Tnejn 6 jew it-Tlieta 7 ta’ April 2020

L-ewwel jum ta’ xogħol mill-Ġimgħa 17 ta’ April

It-Tnejn 18 jew it-Tlieta 19 ta’ Mejju 2020

L-ewwel jum ta’ xogħol mill-Ħamis 28 ta’ Mejju