5.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/285


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2023

tal-1 ta’ Ottubru 2019

li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2009/125/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija li jirrappreżentaw ammonti sinifikanti ta’ bejgħ u ta’ kummerċ fl-Unjoni u li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom, mingħajr ma jinvolvu kostijiet eċċessivi.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016)773 (2) (pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn) stabbilita mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2009/125/KE tistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ ħidma skont il-qafas tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għall-perjodu 2016-2019. Il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-ekodisinn jidentifika l-gruppi ta’ prodotti relatati mal-enerġija li għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet biex isiru studji preparatorji dwar miżuri ta’ implimentazzjoni u biex eventwalment dawn jiġu adottati, kif ukoll biex isir rieżami tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 (3), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 (4) u tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/60/KE (5).

(3)

Il-miżuri tal-Pjan ta’ Ħidma għandhom il-potenzjal stmat li jwasslu għal total ta’ aktar minn 260 TWh ta’ ffrankar annwali finali tal-enerġija fl-2030, li huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ madwar 100 miljun tunnellata fis-sena fl-2030. Il-grupp tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi huwa fost il-gruppi ta’ prodotti elenkati fil-Pjan ta’ Ħidma, bi ffrankar annwali stmat ta’ enerġija elettrika ta’ 2,5 TWh, li jwassal għal tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ GHG ta’ 0,8 Mt CO2 ek/sena, u iffrankar stmat tal-ilma ta’ 711 miljun m3 fl-2030.

(4)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi fir-Regolament (UE) Nru 1015/2010 u skont dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament fuq bażi regolari fid-dawl tal-progress teknoloġiku.

(5)

Il-Kummissjoni għamlet rieżami tar-Regolament (UE) Nru 1015/2010 fejn analizzat l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi kif ukoll l-imġiba tal-utent fil-ħajja reali. Ir-rieżami twettaq b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-partijiet interessati mill-Unjoni u l-pajjiżi terzi. Ir-riżultati tar-rieżami ġew ippubblikati u ppreżentati lill-Forum Konsultattiv stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE.

(6)

Mill-istudju ta’ rieżami, jidher li hemm il-ħtieġa li jiġu riveduti r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u li jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi. Ir-rekwiżiti huma relatati mal-użu ta’ riżorsi essenzjali bħall-enerġija u l-ilma. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu introdotti rekwiżiti relatati mal-effiċjenza tar-riżorsi, bħar-riparabbiltà u r-riċiklabbiltà.

(7)

L-aspetti ambjentali tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, li ġew identifikati bħala sinifikanti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huma l-konsum tal-enerġija u tal-ilma waqt il-fażi tal-użu, il-ġenerazzjoni tal-iskart fi tmiem il-ħajja u l-emissjonijiet fl-arja u l-ilma fil-fażi tal-produzzjoni (minħabba l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima) u fil-fażi tal-użu (minħabba l-konsum tal-enerġija elettrika u l-iskariku tal-ilma).

(8)

Fl-2015, il-konsum annwali tal-enerġija u tal-ilma tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament, fl-Unjoni, ġie stmat li kien 35,3 TWh u 2 496 miljun m3, rispettivament. Il-konsum tal-enerġija elettrika projettat tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi f’xenarju ta’ żamma tal-istatus quo huwa stmat li jonqos għal 33,5 TWh fl-2030 filwaqt li l-konsum tal-ilma huwa stmat li jonqos għal 1 764 miljun m3 fl-2030. Dan it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u tal-ilma jista’ jiġi aċċellerat jekk ir-rekwiżiti tal-ekodisinn eżistenti jiġu aġġornati. Finalment, ġie stmat li f’dawn l-aħħar snin il-ħajja operattiva tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi naqset għal madwar 12,5 snin u aktarx li jekk ma jittieħdu ebda inċentivi din ix-xejra ser tissokta.

(9)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni COM(2015)614 final (6) (pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari) u l-Komunikazzjoni dwar il-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn (7) jissottolinjaw l-importanza tal-użu tal-qafas tal-ekodisinn sabiex tiġi appoġġata l-bidla lejn ekonomija ċirkolari aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Id-Direttiva 2012/19/UE (8) tirreferi għad-Direttiva 2009/125/KE u tindika li r-rekwiżiti tal-ekodisinn jenħtieġ li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid, iż-żarmar u l-irkupru ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) billi jittrattaw il-kwistjonijiet eqreb lejn is-sors. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi rekwiżiti xierqa li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari.

(10)

Il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ mhux domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ mhux domestiċi karatteristiċi għandhom karatteristiċi u użi distinti. Dawn huma soġġetti għal regolamentazzjoni oħra, b’mod partikolari d-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u m’għandhomx jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom japplikaw għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ bl-istess karatteristiċi tekniċi, irrispettivament mill-ambjent li jkunu qed jintużaw fih.

(11)

Il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’aktar minn tanbur wieħed għandhom ikunu soġġetti għal regoli speċifiċi biss jekk it-tnabar kollha tagħhom iwettqu l-istess funzjoni. Inkella, kull tanbur għandu jitqies bħala magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika separata jew bħala magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika separata.

(12)

Għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għall-modalitajiet b’konsum tal-enerġija baxx tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi. Ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 (10) m’għandhomx japplikaw għall-prodotti koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-parametri rilevanti tal-prodott għandhom jitkejlu bl-użu ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli. Dawn il-metodi għandhom iqisu l-metodi ta’ kejl tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxuti inklużi, meta disponibbli, standards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej, kif elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(14)

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

(15)

Sabiex jiffaċilitaw il-verifiki tal-konformità, fid-dokumentazzjoni teknika l-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jenħtieġ li jipprovdu t-tagħrif imsemmi fl-Annessi IV u V tad-Direttiva 2009/125/KE, safejn dak it-tagħrif ikollu x’jaqsam mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(16)

Meta parametri tad-dokumentazzjoni teknika, kif definiti minn dan ir-Regolament, ikunu identiċi għal parametri tal-iskeda ta’ informazzjoni dwar il-prodott definiti mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2014 (12), il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom idaħħlu d-data korrispondenti fil-bażi tad-data tal-prodott definita mir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u ma jkollhomx bżonn aktar li jipprovduhom lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq bħala parti mid-dokumentazzjoni teknika.

(17)

Sabiex jiġu żgurati l-effikaċja u l-kredibbiltà ta’ dan ir-Regolament u biex jiġu protetti l-konsumaturi, il-prodotti li fil-kundizzjonijiet tat-test jibdlu l-prestazzjoni tagħhom awtomatikament biex itejbu l-parametri ddikkjarati għandhom jiġu pprojbiti milli jitqiegħdu fis-suq.

(18)

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom jiġu identifikati parametri referenzjarji indikattivi għall-aqwa teknoloġiji disponibbli, biex l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament issir disponibbli b’mod mifrux u faċilment aċċessibbli, skont il-punt (2) tal-parti 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/125/KE.

(19)

Dan ir-Regolament għandu jiġi rieżaminat sabiex jiġu vvalutati l-adegwatezza u l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet tiegħu għall-ilħiq tal-għanijiet tiegħu. Iż-żmien tar-rieżami għandu jkun biżżejjed biex id-dispożizzjonijiet kollha jiġu implimentati u jħallu effett fuq is-suq.

(20)

Ir-Regolament (UE) Nru 1015/2010 jenħtieġ li jitħassar.

(21)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mir-Regolament (UE) Nru 1015/2010 għal dan ir-Regolament, l-isem il-ġdid “eco 40-60” għandu jitħalla jintuża sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(22)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/125/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq jew għat-tqegħid fis-servizz tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi li jaħdmu bil-mejns tal-elettriku, inklużi magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi inkorporati u magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi li jaħdmu bil-mejns tal-elettriku u li jistgħu jitħaddmu bil-batteriji wkoll.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/42/KE;

(b)

magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi li jitħaddmu bil-batteriji u li jistgħu jiġu konnessi mal-mejns permezz ta’ konverter AC/DC li jinxtara separatament.

3.   Ir-rekwiżiti fil-punti 1 sa 6, 9(1)(a) u (c), u 9(2)(i) u (vii) tal-Anness II ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ inqas minn 2 kg;

(b)

magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità tal-ħasil nominali ta’ inqas minn 2 kg.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)

“mejns” jew “mejns tal-elettriku” tfisser il-provvista tal-elettriku mill-grilja ta’ 230 (± 10 %) volts ta’ kurrent alternat b’50 Hz;

(2)

“magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatika” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ fejn it-tagħbija tiġi trattata kompletament mill-magna tal-ħasil mingħajr il-bżonn ta’ xi intervent mill-utent matul il-programm;

(3)

“magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatika li tnaddaf u tlaħlaħ ħwejjeġ domestiċi bl-użu ta’ ilma, prodotti kimiċi u mezzi mekkaniċi u termali, li jkollha wkoll funzjoni ta’ tagħsir bid-dawran u li tkun iddikjarata mill-manifattur fid-Dikjarazzjoni ta’ Konformità bħala konformi mad-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jew mad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(4)

“magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li, minbarra l-funzjonijiet ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatika, fl-istess tanbur (drum) tinkludi mezz ta’ tnixxif tat-tessuti permezz tat-tisħin u t-tidwir, u li tkun iddikjarata mill-manifattur fid-Dikjarazzjoni ta’ Konformità bħala konformi mad-Direttiva 2014/35/UE jew mad-Direttiva 2014/53/UE;

(5)

“magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika inkorporata” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li hija ddisinjata, ttestjata u kkummerċjalizzata esklussivament:

(a)

biex tiġi installata f’kabinett jew imdawwra (minn fuq, taħt u l-ġnub) b’pannelli;

(b)

biex titwaħħal sod mal-ġnub, fuq jew taħt ta’ kabinett jew ma’ pannelli; u

(c)

biex tkun mgħammra b’wiċċ integrali b’finitura tal-fabbrika jew b’pannell frontali magħmul għall-esiġenzi tal-individwu;

(6)

“magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika inkorporata” tfisser magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika li hija ddisinjata, ttestjata u kkummerċjalizzata esklussivament:

(a)

biex tiġi installata f’kabinett jew imdawwra (minn fuq, taħt u l-ġnub) b’pannelli;

(b)

biex titwaħħal sod mal-ġnub, fuq jew taħt ta’ kabinett jew ma’ pannelli; u

(c)

biex tkun mgħammra b’wiċċ integrali b’finitura tal-fabbrika jew b’pannell frontali magħmul għall-esiġenzi tal-individwu;

(7)

“magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika b’diversi tnabar” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ mgħammra b’aktar minn tanbur wieħed, kemm jekk f’unitajiet separati kif ukoll jekk fl-istess għeluq;

(8)

“magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika b’diversi tnabar” tfisser magna tal-ħasil tat-tnixxif tal-ħwejjeġ mgħammra b’aktar minn tanbur wieħed, kemm jekk f’unitajiet separati kif ukoll jekk fl-istess għeluq;

(9)

“mudell ekwivalenti” tfisser mudell bl-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti fir-rigward tal-informazzjoni teknika li trid tingħata, iżda li jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz mill-istess manifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat bħal mudell ieħor b’identifikatur differenti tal-mudell;

(10)

“identifikatur tal-mudell” tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell ta’ prodott speċifiku minn mudelli oħra bl-istess marka kummerċjali jew bl-isem tal-istess manifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat;

(11)

“bażi tad-data tal-prodotti” tfisser ġabra ta’ data li tikkonċerna l-prodotti, li tkun irranġata b’mod sistematiku u li tikkonsisti minn parti pubblika orjentata lejn il-konsumaturi, fejn l-informazzjoni li tikkonċerna l-parametri tal-prodotti individwali tkun aċċessibbli b’mezzi elettroniċi, portal online għall-aċċessibbiltà u minn parti dwar il-konformità, b’rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ sigurtà speċifikati b’mod ċar, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/1369;

(12)

“eco 40-60” tfisser l-isem tal-programm iddikjarat mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat li huwa kapaċi jnaddaf ħwejjeġ tal-qoton b’ammont normali ta’ ħmieġ li jkunu ddikjarati li jistgħu jinħaslu f’temperatura ta’ 40 °C jew 60 °C, flimkien u fl-istess ċiklu tal-ħasil, u li miegħu huma relatati r-rekwiżiti tal-ekodisinn dwar l-effiċjenza enerġetika, l-effiċjenza tal-ħasil, l-effikaċja tat-tlaħliħ, id-durata tal-programm u l-konsum tal-ilma;

(13)

“programm” tfisser serje ta’ operazzjonijiet li huma definiti minn qabel u li huma ddikjarati mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat bħala xierqa għall-ħasil, għat-tnixxif jew għall-ħasil u t-tnixxif kontinwu ta’ ċerti tipi ta’ tessuti;

(14)

“ċiklu tal-ħasil” tfisser proċess sħiħ tal-ħasil kif definit mill-programm magħżul, magħmul minn serje ta’ operazzjonijiet differenti li jinkludu l-ħasil, it-tlaħliħ u t-tidwir.

Fl-Anness I qed jingħataw iktar definizzjonijiet għall-finijiet tal-annessi.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stabbiliti fl-Anness II u fl-Anness VI għandhom japplikaw mid-dati indikati fihom.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-disinn stabbilita fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni stabbilita fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.

2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi l-valuri ddikkjarati tal-parametri elenkati fil-punti 3 sa 7 tal-Anness II u d-dettalji u r-riżultati tal-kalkoli mwettqa skont l-Anness III.

3.   Meta l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari tkun inkisbet:

(a)

minn mudell li għandu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti fir-rigward tal-informazzjoni teknika li trid tiġi pprovduta iżda huwa prodott minn manifattur differenti, jew

(b)

permezz ta’ kalkolu abbażi ta’ disinn jew estrapolazzjoni minn mudell ieħor tal-istess manifattur jew ta’ manifattur differenti, jew it-tnejn li huma,

id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi d-dettalji ta’ tali kalkolu, il-valutazzjoni mwettqa mill-manifattur biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-kalkolu u, fejn xieraq, id-dikjarazzjoni ta’ identità bejn il-mudelli ta’ manifatturi differenti.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi lista tal-mudelli ekwivalenti kollha, inkluż l-identifikaturi tal-mudell.

4.   Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi l-informazzjoni fl-ordni u kif stabbilit fl-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2014. Għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-punt 2(g) tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE, jirreferu għad-dokumentazzjoni teknika mtella’ fil-bażi tad-data tal-prodotti li fiha l-istess tagħrif stipulat fir-Regolament (UE) 2019/2014.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness IV meta jwettqu l-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/125/KE.

Artikolu 6

Ċirkomvenzjoni

Il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ma għandux iqiegħed prodotti fis-suq li jkunu ġew iddisinjati biex ikunu kapaċi jindunaw li qed jiġu ttestjati (eż. billi jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tat-test jew iċ-ċiklu tat-test), u biex jirreaġixxu b’mod speċifiku billi jbiddlu awtomatikament il-prestazzjoni tagħhom matul it-test bl-għan li jintlaħaq livell aktar favorevoli għal kwalunkwe wieħed mill-parametri ddikjarati mill-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat fid-dokumentazzjoni teknika jew inklużi fi kwalunkwe dokumentazzjoni pprovduta.

Il-konsum tal-enerġija u tal-ilma tal-prodott u l-parametri ddikjarati l-oħra kollha ma għandhomx jiddeterjoraw wara aġġornament tas-software jew tal-firmware meta dan jitkejjel bl-istess standard tat-test użat oriġinarjament għad-dikjarazzjoni tal-konformità, ħlief bil-kunsens espliċitu tal-utent aħħari qabel l-aġġornament. Ma għandha ssir l-ebda bidla fil-prestazzjoni minħabba r-rifjut tal-aġġornament.

Artikolu 7

Parametri referenzjarji indikattivi

Il-parametri referenzjarji indikattivi għall-prodotti u teknoloġiji bl-aqwa prestazzjoni li jkunu disponibbli fis-suq fiż-żmien li jiġi adottat dan ir-Regolament huma stabbiliti fl-Anness V.

Artikolu 8

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u għandha tippreżenta r-riżultati ta’ dan ir-rieżami, inkluż, jekk ikun xieraq, abbozz ta’ proposta għal reviżjoni lill-Forum Konsultattiv sal-25 ta' Diċembru 2025.

B’mod partikolari, dan ir-rieżami għandu jiffoka fuq dan li ġej:

(a)

il-potenzjal għal titjib fir-rigward tal-prestazzjoni enerġetika u ambjentali tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi;

(b)

l-evoluzzjoni tal-imġiba tal-konsumatur u l-fattibbiltà ta’ mekkaniżmu ta’ feedback obbligatorju dwar it-tagħbija tal-apparat u l-konsum tal-enerġija tal-programm magħżul;

(c)

l-effikaċja tar-rekwiżiti eżistenti dwar l-effiċjenza tar-riżorsi;

(d)

l-adegwatezza li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali dwar l-effiċjenza tar-riżorsi għall-prodotti skont l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari, inkluż jekk għandhomx jiġu inklużi aktar spare parts;

(e)

il-fattibbiltà u l-adegwatezza ta’ rekwiżiti ġodda dwar id-dożaġġ awtomatiku ta’ deterġenti u ta’ addittivi oħra;

(f)

il-fattibbiltà u l-adegwatezza ta’ rekwiżiti ġodda għat-tnaqqis tal-mikroplastiċi, bħal filtri, fl-iżbokk tal-ilma.

Artikolu 9

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1275/2008

Fil-Punt 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008:

l-annotazzjoni “Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ” titħassar;

l-annotazzjoni “Apparat ieħor għat-tisjir u għal ipproċessar ieħor tal-ikel, tindif u manutenzjoni tal-ħwejjeġ” tinbidel bi “Apparat ieħor għat-tisjir u għal ipproċessar ieħor tal-ikel, tindif u manutenzjoni tal-ħwejjeġ, bl-eċċezzjoni ta’ magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi”.

Artikolu 10

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 1015/2010 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Marzu 2021.

Artikolu 11

Miżura transizzjonali

Minn mill-25 ta' Diċembru 2019 sat-28 ta’ Frar 2021, b’deroga mir-rekwiżit fil-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1015/2010, l-indikazzjonijiet ta’ “programm standard għall-qoton f’60 °C” u “programm standard għall-qoton f’40 °C” m’għandhomx għalfejn jintwerew fuq l-apparat tal-għażla tal-programm tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi jew fuq id-displej tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, jekk jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

il-“programm standard għall-qoton f’60 °C” u l-“programm standard għall-qoton f’40 °C” huma identifikabbli b’mod ċar fil-ktejjeb ta’ struzzjonijiet u fid-dokumentazzjoni teknika bit-tifsira tal-punt (2) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1015/2010; u

il-programm “eco 40–60” huwa muri b’mod ċar fuq l-apparat tal-għażla tal-programm tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi jew fuq id-displej tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, skont il-punt 1(3) tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Marzu 2021. Madankollu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, u l-Artikolu 11, għandhom japplikaw mill-25 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019, COM(2016)773 final tat-30.11.2016.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 tal-10 ta’ Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi (ĠU L 293, 11.11.2010, p. 21).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 tat-28 ta’ Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 47).

(5)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/60/KE tad-19 ta’ Settembru 1996 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE rigward it-tikketti li jindikaw il-konsum tal-enerġija ta’ magni tad-dar għall-ħasil u għat-tnixxif tal-ħwejjeġ f’daqqa (ĠU L 266, 18.10.1996, p. 1).

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari, (COM/2015/0614 final tat-2.12.2015).

(7)  COM(2016) 773 final ta’ 30.11.2016.

(8)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

(9)  Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfija (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 45).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(12)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2014 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 u d-Direttiva tal-Kummissjoni 96/60/KE (Ara paġna 29 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1).

(14)  Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357).

(15)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).


ANNESS I

Definizzjonijiet applikabbli għall-annessi

Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika” (EEI) tfisser il-proporzjon tal-konsum tal-enerġija ponderat mal-konsum tal-enerġija taċ-ċiklu standard;

(2)

“ċiklu tat-tnixxif” tfisser il-proċess sħiħ tat-tnixxif kif definit mill-programm meħtieġ, magħmul minn serje ta’ operazzjonijiet differenti li jinkludu t-tisħin u t-tidwir;

(3)

“ċiklu sħiħ” tfisser proċess tal-ħasil u tat-tnixxif, li huwa magħmul minn ċiklu tal-ħasil u ċiklu tat-tnixxif;

(4)

“ċiklu kontinwu” tfisser ċiklu sħiħ mingħajr interruzzjoni tal-proċess u mingħajr il-bżonn ta’ xi intervent mill-utent fi kwalunkwe waqt matul il-programm;

(5)

“kapaċità nominali” tfisser il-piż massimu f’kilogrammi (kg) iddikjarat mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat f’intervalli ta’ 0,5 kg ta’ tessuti niexfa ta’ tip partikolari, li jista’ jiġi ttrattat f’ċiklu tal-ħasil wieħed ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika, jew f’ċiklu sħiħ wieħed ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika bil-programm magħżul, rispettivament, fejn it-tagħbija ssir skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat;

(6)

“kapaċità tal-ħasil nominali” tfisser il-piż massimu f’kilogrammi (kg) iddikjarat mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat f’intervalli ta’ 0,5 kg ta’ tessuti niexfa ta’ tip partikolari, li jista’ jiġi ttrattat f’ċiklu tal-ħasil wieħed ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika, jew f’ċiklu tal-ħasil wieħed ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika bil-programm magħżul, rispettivament, fejn it-tagħbija ssir skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat;

(7)

“kapaċità tat-tnixxif nominali” tfisser il-piż massimu f’kilogrammi (kg) iddikjarat mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat f’intervalli ta’ 0,5 kg ta’ tessuti niexfa ta’ tip partikolari, li jista’ jiġi ttrattat f’ċiklu tat-tnixxif wieħed ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika bil-programm magħżul, fejn it-tagħbija ssir skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat;

(8)

“konsum tal-enerġija ponderat (EW)” tfisser il-medja ponderata tal-konsum tal-enerġija taċ-ċiklu tal-ħasil ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60” bil-kapaċità tal-ħasil nominali, b’nofs u bi kwart tal-kapaċità tal-ħasil nominali, espress f’kilowatt-siegħa kull ċiklu (kWh/ċiklu);

(9)

“konsum tal-enerġija ponderat (EWD)” tfisser il-medja ponderata tal-konsum tal-enerġija tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif bil-kapaċità tal-ħasil nominali u b’nofs il-kapaċità nominali, espress f’kilowatt-siegħa kull ċiklu (kWh/ċiklu);

(10)

“ħasil u tnixxif” tfisser l-isem taċ-ċiklu sħiħ ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika, li huwa magħmul mill-programm “eco 40-60” għaċ-ċiklu tal-ħasil, u minn ċiklu tat-tnixxif li jikseb l-istatus ta’ “niexef għall-armarju”;

(11)

“konsum tal-enerġija taċ-ċiklu standard” (SCE) tfisser il-konsum tal-enerġija li jittieħed b’referenza bħala funzjoni tal-kapaċità nominali ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika, espress f’kilowatt-siegħa kull ċiklu (kWh/ċiklu);

(12)

“konsum tal-ilma ponderat (WW)” tfisser il-medja ponderata tal-konsum tal-ilma taċ-ċiklu tal-ħasil ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60” bil-kapaċità tal-ħasil nominali, b’nofs u bi kwart tal-kapaċità tal-ħasil nominali, espress f’litri kull ċiklu;

(13)

“konsum tal-ilma ponderat (WWD)” tfisser il-medja ponderata tal-konsum tal-ilma ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif bil-kapaċità tal-ħasil nominali u b’nofs il-kapaċità nominali, espress f’litri kull ċiklu;

(14)

“indiċi tal-effiċjenza tal-ħasil” tfisser il-proporzjon tal-effiċjenza tal-ħasil taċ-ċiklu tal-ħasil ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika (IW) jew taċ-ċiklu sħiħ ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika (JW) mal-effiċjenza tal-ħasil ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika ta’ referenza;

(15)

“effikaċja tat-tlaħliħ” tfisser il-konċentrazzjoni tal-kontenut residwali ta’ sulfonat tal-alkilbenżin lineari (LAS) fit-tessuti ttrattati wara ċ-ċiklu tal-ħasil ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika (IR), jew wara ċ-ċiklu sħiħ ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika (JR), espressa fi grammi għal kull kilogramm ta’ tessut niexef;

(16)

“kontenut ta’ ndewwa residwali” tfisser, għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għaċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, l-ammont ta’ ndewwa li jkun hemm fit-tagħbija fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħasil;

(17)

“kontenut ta’ ndewwa finali” tfisser, għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, l-ammont ta’ ndewwa li jkun hemm fit-tagħbija fi tmiem iċ-ċiklu tat-tnixxif;

(18)

“niexef għall-armarju” tfisser l-istatus tat-tessuti ttrattati mnixxfa f’ċiklu tat-tnixxif sakemm il-kontenut ta’ ndewwa finali jkun ta’ 0 %;

(19)

“durata tal-programm” (tW) tfisser it-tul ta’ żmien minn xħin jibda l-programm magħżul, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe dewmien ipprogrammat mill-utent, sa xħin jiġi indikat tmiem il-programm u l-utent ikollu aċċess għat-tagħbija;

(20)

“durata taċ-ċiklu” (tWD) tfisser, għaċ-ċiklu sħiħ tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika, it-tul ta’ żmien minn xħin jibda l-programm magħżul għaċ-ċiklu tal-ħasil, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe dewmien ipprogrammat mill-utent, sa xħin jiġi indikat tmiem iċ-ċiklu tat-tnixxif u l-utent ikollu aċċess għat-tagħbija;

(21)

“modalità mitfi” (Po) tfisser kundizzjoni li fiha l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew il-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tkun imqabbda mal-mejns u ma tkun qed tipprovdi l-ebda funzjoni; il-kundizzjonijiet li ġejjin ukoll għandhom jitqiesu bħala kundizzjonijiet ta’ modalità mitfi:

(a)

kundizzjonijiet li jipprovdu biss l-indikazzjoni ta’ modalità mitfi;

(b)

kundizzjonijiet li jipprovdu biss funzjonijiet maħsubin biex jiżguraw il-kompatibbiltà elettromanjetika skont id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(22)

“modalità standby” (Psm) tfisser kundizzjoni li fiha l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew il-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tkun imqabbda mal-mejns, u tipprovdi biss il-funzjonijiet li ġejjin, li jistgħu jdumu għaddejjin għal żmien indefinit:

(a)

funzjoni ta’ riattivazzjoni, inkella funzjoni ta’ riattivazzjoni u sempliċement indikazzjoni li din il-funzjoni ġiet riattivata; u/jew

(b)

funzjoni ta’ riattivazzjoni permezz ta’ konnessjoni ma’ netwerk; u/jew

(c)

displej ta’ informazzjoni jew tal-istatus; u/jew

(d)

funzjoni ta’ detezzjoni għal miżuri ta’ emerġenza;

(23)

“netwerk” tfisser infrastruttura ta’ komunikazzjoni b’topoloġija ta’ konnessjonijiet, arkitettura, inkluż il-komponenti fiżiċi, prinċipji organizzattivi, proċeduri u formati tal-komunikazzjonijiet (protokolli);

(24)

“funzjoni ta’ prevenzjoni ta’ tikmix” tfisser operazzjoni tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika wara t-tlestija ta’ programm li tipprevjeni l-ħwejjeġ milli jitkemmxu ħafna;

(25)

“bidu differit” (Pds) tfisser kundizzjoni fejn l-utent ikun għażel dewmien speċifikat għall-bidu jew għat-tmiem taċ-ċiklu tal-programm magħżul;

(26)

“spare part” tfisser parti separata li tista’ tissostitwixxi parti bl-istess funzjoni jew funzjoni simili fi prodott;

(27)

“sewwej professjonali” tfisser operatur jew impriża li tipprovdi servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni professjonali ta’ magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi jew ta’ magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi;

(28)

“garanzija” tfisser kwalunkwe impenn min-naħa tal-bejjiegħ bl-imnut jew tal-manifattur lill-konsumatur biex:

(a)

jirrimborża l-prezz imħallas;

(b)

jissostitwixxi, isewwi jew jieħu ħsieb il-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew il-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika fi kwalunkwe mod jekk din ma tissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar rilevanti.


(1)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).


ANNESS II

Rekwiżiti tal-ekodisinn

1.   REKWIŻITI TAL-PROGRAMM

Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jipprovdu:

(a)

ċiklu tal-ħasil imsejjaħ “eco 40-60”, li jkun kapaċi jnaddaf ħwejjeġ tal-qoton b’ammont normali ta’ ħmieġ li jkunu ddikjarati li jistgħu jinħaslu f’temperatura ta’ 40 °C jew 60 °C, flimkien u fl-istess ċiklu;

(b)

ċiklu tal-ħasil imsejjaħ “20 °C”, li jkun kapaċi jnaddaf ħwejjeġ tal-qoton bi ftit ħmieġ, f’temperatura nominali ta’ 20 °C;

dawn iċ-ċikli għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar fuq l-għażla tal-programm, fuq id-displej jew permezz tal-konnessjoni man-netwerk, skont il-funzjonalitajiet ipprovduti mill-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew mill-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika;

(2)

għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 3(1), 3(3), 4(1), 4(2), 4(5), 5 u 6(1), għandu jintuża l-programm “eco 40-60”;

(3)

il-programm “eco 40-60” għandu jissemma “eco 40-60” fuq l-għażla tal-programm, fuq id-displej u permezz tal-konnessjoni man-netwerk, skont il-funzjonalitajiet ipprovduti mill-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew mill-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika;

l-isem “eco 40-60” għandu jintuża esklussivament għal dan il-programm. L-ifformattjar ta’ “eco 40-60” mhuwiex limitat f’termini tat-tipa, tad-daqs tat-tipa, ta’ ittri kbar jew żgħar jew tal-kulur. L-ebda programm ieħor ma jista’ jkollu f’ismu t-terminu “eco”;

il-programm “eco 40-60” għandu jiġi stabbilit bħala l-programm predefinit għall-għażla awtomatika tal-programm jew għal kwalunkwe funzjoni li żżomm l-għażla ta’ programm, jew, jekk ma jkunx hemm għażla awtomatika tal-programm, il-programm għandu jkun jista’ jintgħażel direttament mingħajr il-bżonn ta’ xi għażla oħra, bħal dik ta’ temperatura jew tagħbija speċifika;

l-indikazzjonijiet “normali”, “ta’ kuljum”, “regolari” u “standard”, u t-traduzzjonijiet tagħhom fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, ma għandhomx jintużaw fl-ismijiet tal-programmi għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi jew għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, la waħedhom u lanqas flimkien ma’ xi informazzjoni oħra.

2.   ĊIKLU TAL-ĦASIL U TAT-TNIXXIF

Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

il-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jipprovdu ċiklu sħiħ għal ħwejjeġ magħmulin mill-qoton, imsejjaħ “ħasil u tnixxif”:

li jkun kontinwu jekk il-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tipprovdi ċiklu kontinwu;

fejn iċ-ċiklu tal-ħasil ikun programm “eco 40-60” kif definit fil-punt 1; u

fejn iċ-ċiklu tat-tnixxif jikseb status ta’ “niexef għall-armarju”;

(2)

iċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif għandu jkunu jista’ jiġi identifikat b’mod ċar fl-istruzzjonijiet għall-utent imsemmija fil-punt 9 ta’ dan l-Anness;

(3)

jekk il-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tipprovdi ċiklu kontinwu, il-kapaċità nominali taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif għandha tkun il-kapaċità nominali għal dan iċ-ċiklu;

(4)

jekk il-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika ma tipprovdix ċiklu kontinwu, il-kapaċità nominali taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif għandu jkollha l-valur l-aktar baxx minn bejn il-kapaċità tal-ħasil nominali tal-programm “eco 40-60” u l-kapaċità tat-tnixxif nominali taċ-ċiklu tat-tnixxif li jikseb l-istatus ta’ “niexef għall-armarju”;

(5)

għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 3(2), 3(4), 4(3), 4(4), 4(6) u 6(2), għandu jintuża l-programm tal-ħasil u tat-tnixxif.

3.   REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA

Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

l-indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEIW) għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għaċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandu jkun inqas minn 105;

(2)

l-indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEIWD) għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandu jkun inqas minn 105.

Mill-1 ta’ Marzu 2024, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 3 kg u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità tal-ħasil nominali ta’ aktar minn 3 kg għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(3)

l-EEIW għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għaċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandu jkun inqas minn 91.

(4)

l-EEIWD għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandu jkun inqas minn 88.

L-EEIW u l-EEIWD għandhom jiġu kkalkolati skont l-Anness III.

4.   REKWIŻITI FUNZJONALI

Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 3 kg u għaċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 3 kg, l-Indiċi tal-Effiċjenza tal-Ħasil (Iw) tal-programm “eco 40-60” għandu jkun akbar minn 1,03 għal kull wieħed minn dawn id-daqsijiet ta’ tagħbija: il-kapaċità tal-ħasil nominali, nofs il-kapaċità tal-ħasil nominali u kwart tal-kapaċità tal-ħasil nominali;

(2)

għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 3 kg jew inqas u għaċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 3 kg jew inqas, l-Indiċi tal-Effiċjenza tal-Ħasil (Iw) tal-programm “eco 40-60” għandu jkun akbar minn 1,00 bil-kapaċità tal-ħasil nominali;

(3)

għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 3 kg, l-Indiċi tal-Effiċjenza tal-Ħasil (Jw) taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif għandu jkun akbar minn 1,03 bil-kapaċità nominali u b’nofs il-kapaċità nominali;

(4)

għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 3 kg jew inqas, l-Indiċi tal-Effiċjenza tal-Ħasil (Jw) taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif għandu jkun akbar minn 1,00 bil-kapaċità nominali;

(5)

għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 3 kg u għaċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 3 kg, l-Effikaċja tat-Tlaħliħ (IR) tal-programm “eco 40-60” għandha tkun ta’ 5,0 g/kg jew inqas għal kull wieħed minn dawn id-daqsijiet ta’ tagħbija: il-kapaċità tal-ħasil nominali, nofs il-kapaċità tal-ħasil nominali u kwart tal-kapaċità tal-ħasil nominali;

(6)

għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ aktar minn 3 kg, l-Effikaċja tat-Tlaħliħ (JR) taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif għandha tkun ta’ 5,0 g/kg jew inqas bil-kapaċità nominali u b’nofs il-kapaċità nominali.

Iw, Jw, IR u JR għandhom jiġu kkalkolati skont l-Anness III.

5.   REKWIŻITI DWAR ID-DURATA

Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

id-durata tal-programm “eco 40-60” (tW), espressa f’sigħat u minuti u mqarrba sal-eqreb minuta, għandha tkun daqs jew inqas mil-limitu ta’ żmien tcap, li jiddependi mill-kapaċità nominali kif ġej:

(1)

għall-kapaċità tal-ħasil nominali, il-limitu ta’ żmien jiġi kkalkolat b’din l-ekwazzjoni:

tcap(in min) =137 + c × 10,2

b’massimu ta’ 240 minuta;

(2)

għal nofs il-kapaċità tal-ħasil nominali u għal kwart tal-kapaċità tal-ħasil nominali, il-limitu ta’ żmien jiġi kkalkolat b’din l-ekwazzjoni:

tcap(in min) =120 + c × 6

b’massimu ta’ 180 minuta;

fejn c hija l-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew il-kapaċità tal-ħasil nominali tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60”.

6.   REKWIŻIT DWAR IL-KONSUM TAL-ILMA PONDERAT

Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għaċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, il-konsum tal-ilma ponderat (WW, f’litri/ċiklu) għall-programm “eco 40-60” għandu jkun:

WW ≤ 2,25 × c + 30

fejn c hija l-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew il-kapaċità tal-ħasil nominali tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60”;

(2)

għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, il-konsum tal-ilma ponderat (WWD, f’litri/ċiklu) għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif għandu jkun:

WWD ≤ 10 × d + 30

fejn d hija l-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif.

WW u WWD għandhom jiġu kkalkolati skont l-Anness III.

7.   MODALITAJIET B’KONSUM TAL-ENERĠIJA BAXX

Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandu jkollhom modalità mitfi jew modalità stand-by jew it-tnejn. Il-konsum tal-enerġija elettrika ta’ dawn il-modalitajiet m’għandux ikun ogħla minn 0,50 W;

(2)

jekk il-modalità stand-by tinkludi l-wiri ta’ informazzjoni jew tal-istatus, il-konsum tal-enerġija elettrika f’din il-modalità m’għandux ikun ogħla minn 1,00 W;

(3)

jekk il-modalità stand-by tipprovdi konnessjoni ma’ netwerk u tipprovdi kundizzjoni ta’ standby ta’ netwerk kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2013 (1), il-konsum tal-enerġija elettrika ta’ din il-modalità m’għandux ikun ogħla minn 2,00 W;

(4)

sa mhux aktar tard minn 15-il minuta wara li l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika u l-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika jkunu ġew mixgħula jew wara t-tmiem ta’ kwalunkwe programm u attivitajiet assoċjati jew wara l-interruzzjoni tal-funzjoni ta’ prevenzjoni ta’ tikmix jew wara kwalunkwe interazzjoni oħra mal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika u mal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika, jekk ma tiġi attivata l-ebda modalità oħra, inklużi miżuri ta’ emerġenza, il-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika u l-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għandhom jaqilbu awtomatikament għall-modalità mitfi jew għall-modalità standby;

(5)

jekk il-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika u l-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika jipprovdu għal bidu differit, il-konsum tal-enerġija elettrika ta’ din il-kundizzjoni, inkluż kwalunkwe modalità standby, ma għandux ikun aktar minn 4,00 W. Il-bidu differit ma għandux ikun programmabbli mill-utent għal ħin itwal minn 24 siegħa;

(6)

kwalunkwe magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika u kwalunkwe magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika li tista’ tiġi konnessa ma’ netwerk għandha tipprovdi l-possibbiltà li l-konnessjoni(jiet) man-netwerk tiġi/jiġu attivata/i u diżattivata/i. Il-konnessjoni(jiet) man-netwerk għandha/għandhom tiġi/jiġu diżattivata/i awtomatikament.

8.   REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA TAR-RIŻORSI

Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

id-disponibbiltà ta’ spare parts:

(a)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jagħmlu disponibbli għas-sewwejja professjonali tal-inqas l-ispare parts li ġejjin, għal perjodu minimu ta’ għaxar snin wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar unità tal-mudell:

il-mutur u l-brushes tal-mutur;

it-trażmissjoni ta’ bejn il-mutur u t-tanbur;

il-pompi;

l-ammortizzaturi u l-molol;

it-tanbur tal-ħasil, l-irfid tat-tanbur (drum spider) u ball bearings relatati (separatament jew f’pakkett wieħed);

ħiters u elementi tat-tisħin, inkluż pompi tas-sħana (separatament jew f’pakkett wieħed);

il-pajpijiet u tagħmir relatat inkluż il-pajpijiet, il-valvi, il-filtri kollha u s-sistemi ta’ prevenzjoni ta’ ħruġ tal-ilma (separatament jew f’pakkett wieħed);

bords ta’ ċirkwiti stampati (PCBs);

displejs elettroniċi;

pressostati;

termostati u sensuri;

software u firmware inkluż is-software tar-risettjar;

(b)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jagħmlu disponibbli għas-sewwejja professjonali u għall-utenti finali tal-inqas l-ispare parts li ġejjin: bibien, ċpiepet u siġilli tal-bieba, siġilli oħrajn, l-assemblaġġ tal-illokkjar tal-bieba u elementi periferali tal-plastik bħal dispensers tad-deterġent, għal perjodu minimu ta’ għaxar snin wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar unità tal-mudell;

(c)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jiżguraw li l-ispare parts imsemmija fil-punti (a) u (b) ikunu jistgħu jiġu sostitwiti bl-użu ta’ għodod li huma faċilment disponibbli u mingħajr ma ssir ħsara permanenti lill-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew lill-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika;

(d)

il-lista tal-ispare parts ikkonċernati mill-punt (a) u l-proċedura għall-ordni tagħhom għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web b’aċċess bla ħlas tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat, mhux aktar tard minn sentejn wara t-tqegħid fis-suq tal-ewwel unità ta’ mudell u sat-tmiem tal-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ dawn l-ispare parts;

(e)

il-lista tal-ispare parts ikkonċernati mill-punt (b) u l-proċedura għall-ordni tagħhom kif ukoll l-istruzzjonijiet għat-tiswija għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web b’aċċess bla ħlas tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat, meta titqiegħed fis-suq l-ewwel unità ta’ mudell u sat-tmiem tal-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ dawn l-ispare parts;

(2)

żmien massimu għall-konsenja tal-ispare parts:

fil-perjodu msemmi fil-punt (1), il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jiżgura l-konsenja tal-ispare parts fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta jkun irċieva l-ordni;

fil-każ tal-ispare parts ikkonċernati mill-punt (1)(a), id-disponibbiltà tal-ispare parts tista’ tkun limitata għas-sewwejja professjonali reġistrati skont il-punt (3)(a) u (b);

(3)

aċċess għal Informazzjoni dwar it-Tiswija u l-Manutenzjoni:

wara perjodu ta’ sentejn mit-tqegħid fis-suq tal-ewwel unità ta’ mudell u sa tmiem il-perjodu msemmi fil-punt (1), il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jipprovdi aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika lis-sewwejja professjonali fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sit web tal-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jindika l-proċess li jridu jsegwu s-sewwejja professjonali biex jirreġistraw għall-aċċess għall-informazzjoni; biex jaċċettaw tali talba, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jistgħu jitolbu lis-sewwej professjonali juri li:

(i)

is-sewwej professjonali għandu l-kompetenza teknika biex isewwi l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi u li huwa konformi mar-regolamenti applikabbli għas-sewwejja tat-tagħmir elettriku fl-Istati Membri fejn jopera. Referenza għal sistema ta’ reġistrazzjoni uffiċjali bħala sewwej professjonali, fejn sistema bħal din tkun teżisti fl-Istati Membri kkonċernati, għandha tiġi aċċettata bħala prova ta’ konformità ma’ dan il-punt;

(ii)

is-sewwej professjonali huwa kopert minn assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-attività tiegħu, irrispettivament minn jekk dan huwiex meħtieġ jew le mill-Istat Membru;

(b)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jaċċettaw jew jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tat-talba;

(c)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jistgħu jitolbu ħlas raġonevoli u proporzjonat għall-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni jew biex jibgħatu aġġornamenti regolari. Ħlas jitqies raġonevoli jekk ma jiskoraġġixxix l-aċċess billi jonqos milli jqis il-punt safejn is-sewwej professjonali jagħmel użu mill-informazzjoni;

(d)

ladarba jiġi rreġistrat, sewwej professjonali għandu jkollu aċċess, fi żmien jum wieħed tax-xogħol wara li jkun talabha, għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni. L-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta għal mudell ekwivalenti jew għal mudell tal-istess familja, jekk rilevanti;

(e)

l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika msemmija fil-punt (a) għandha tinkludi:

l-identifikazzjoni inekwivoka tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ u tat-tnixxif domestika;

mappa taż-żarmar jew dijagramma kompożittiva;

manwal tekniku tal-istruzzjonijiet għat-tiswija;

lista ta’ tagħmiri tat-tiswija u ta’ tagħmir tat-test meħtieġ;

informazzjoni dwar il-komponenti u d-dijanjosi (bħall-valuri teoretiċi minimi u massimi għall-kejl);

dijagrammi tal-wajers u tal-konnessjonijiet;

kodiċijiet dijanjostiċi tal-ħsara u tal-iżbalji (inklużi kodiċijiet speċifiċi tal-manifattur, fejn applikabbli);

struzzjonijiet għall-installazzjoni ta’ software u firmware rilevanti inkluż is-software tar-risettjar; u

informazzjoni dwar kif taċċessa r-rekords tad-data ta’ inċidenti ta’ ħsara rappurtati maħżuna fil-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew fil-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika (fejn applikabbli);

(4)

rekwiżiti ta’ informazzjoni għal gassijiet refriġeranti:

mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi mgħammra b’pompa tas-sħana, l-isem kimiku tal-gass refriġeranti użat, jew referenza ekwivalenti bħal simbolu, tikketta jew logo li jintuża u jinftiehem komunement, għandu jintwera b’mod permanenti, viżibbli u li jinqara fuq in-naħa ta’ barra tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi jew tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, pereżempju fuq il-pannell ta’ wara. Tista’ tintuża aktar minn referenza waħda għall-istess isem kimiku;

(5)

rekwiżiti għaż-żarmar għall-irkupru u r-riċiklaġġ tal-materjali filwaqt li jiġi evitat it-tniġġis:

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jiżguraw li l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi huma ddisinjati b’tali mod li l-materjali u l-komponenti msemmija fl-Anness VII tad-Direttiva 2012/19/UE jistgħu jiġu mneħħija bl-użu ta’ kwalunkwe għodod li huma faċilment disponibbli;

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fil-punt 1 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2012/19/UE.

9.   REKWIŻITI TA’ INFORMAZZJONI

Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

l-istruzzjonijiet għall-utenti u għall-installaturi għandhom jiġu pprovduti fil-forma ta’ manwal għall-utenti fuq sit web b’aċċess bla ħlas tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat, u għandhom jinkludu:

(1)

din l-informazzjoni ġenerali:

(a)

informazzjoni li l-programm “eco 40-60” huwa kapaċi jnaddaf ħwejjeġ tal-qoton b’ammont normali ta’ ħmieġ li jkunu ddikjarati li jistgħu jinħaslu f’temperatura ta’ 40 °C jew 60 °C, flimkien u fl-istess ċiklu, u li dan il-programm jintuża biex tiġi evalwata l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn tal-UE;

(b)

informazzjoni li l-aktar programmi effiċjenti f’termini ta’ konsum tal-enerġija ġeneralment huma dawk li jagħtu prestazzjoni tajba f’temperaturi aktar baxxi u b’durata itwal;

(c)

għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi: informazzjoni li ċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif huwa kapaċi jnaddaf ħwejjeġ tal-qoton b’ammont normali ta’ ħmieġ li jkunu ddikjarati li jistgħu jinħaslu f’temperatura ta’ 40 °C jew 60 °C, flimkien u fl-istess ċiklu, u li jnixxifhom b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu maħżuna f’armarju immedjatament, u li dan il-programm jintuża biex tiġi evalwata l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn tal-UE;

(d)

informazzjoni li t-tagħbija tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika sal-kapaċità indikata mill-manifattur għall-programmi rispettivi tikkontribwixxi għal iffrankar tal-enerġija u tal-ilma;

(e)

rakkomandazzjonijiet dwar it-tipi ta’ deterġenti adattati għad-diversi temperaturi tal-ħasil u programmi tal-ħasil;

(f)

informazzjoni li l-istorbju u l-kontenut ta’ ndewwa residwali huma influwenzati mill-veloċità tat-tidwir: aktar ma tkun għolja l-veloċità tat-tidwir fil-fażi tat-tidwir, aktar jiżdied l-istorbju, filwaqt li jonqos il-kontenut ta’ ndewwa residwali;

(g)

informazzjoni dwar kif wieħed jattiva u jiddiżattiva l-konnessjoni man-netwerk (jekk applikabbli) u l-impatt fuq il-konsum tal-enerġija;

(h)

struzzjonijiet dwar kif tinstab l-informazzjoni dwar il-mudell maħżuna fil-bażi tad-data tal-prodotti, kif definit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2014 permezz ta’ link elettronika li tirreferi għat-tagħrif dwar il-mudell kif irreġistrat fil-bażi tad-data tal-prodotti jew link elettronika li twassal għall-bażi tad-data tal-prodotti u għal informazzjoni dwar kif wieħed isib l-identifikatur tal-mudell fuq il-prodott;

(2)

valuri għal dawn il-parametri:

(a)

il-kapaċità nominali f’kg;

(b)

id-durata tal-programm, espressa f’sigħat u minuti;

(c)

il-konsum tal-enerġija, espress f’kWh/ċiklu;

(d)

il-konsum tal-ilma, espress f’litri/ċiklu;

(e)

it-temperatura massima milħuqa għal minimu ta’ 5 minuti fil-ħwejjeġ, li jkunu fl-istadju taċ-ċiklu tal-ħasil, espressa fi gradi ċentigradi; u

(f)

il-kontenut ta’ ndewwa residwali wara ċ-ċiklu tal-ħasil, espress f’perċentwal ta’ kontenut ta’ ilma, u l-veloċità tat-tidwir li fiha jkun inkiseb dan il-kontenut;

għal kull wieħed minn dawn il-programmi (mill-inqas):

(i)

il-programm “eco 40-60” bil-kapaċità nominali, b’nofs il-kapaċità nominali u bi kwart tal-kapaċità nominali;

(ii)

il-programm f’temperatura ta’ 20 °C bil-kapaċità nominali għal dan il-programm;

(iii)

programm wieħed għall-qoton f’temperatura nominali ta’ 60 °C jew ogħla (jekk preżenti), bil-kapaċità nominali għal dan il-programm;

(iv)

programm wieħed għal tessuti li mhumiex tal-qoton jew għal taħlita ta’ tessuti (jekk preżenti), bil-kapaċità nominali għal dan il-programm;

(v)

programm wieħed għall-ħasil rapidu ta’ ħwejjeġ bi ftit ħmieġ (jekk preżenti), bil-kapaċità nominali għal dan il-programm;

(vi)

programm wieħed għall-ħasil ta’ tessuti b’ħafna ħmieġ (jekk preżenti), bil-kapaċità nominali għal dan il-programm;

(vii)

għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi: iċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif bil-kapaċità nominali u b’nofs il-kapaċità nominali; u

l-informazzjoni li l-valuri mogħtija għall-programmi l-oħra għajr għall-programm “eco 40-60” u ċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif huma indikattivi biss;

(3)

l-istruzzjonijiet għall-utenti għandhom jinkludu wkoll struzzjonijiet għall-utent biex iwettaq operazzjonijiet ta’ manutenzjoni. Bħala minimu, dawn l-istruzzjonijiet għandhom jinkludu struzzjonijiet għal:

(a)

l-installazzjoni korretta (inkluż il-pożizzjonament invell, il-konnessjoni mal-mejns tal-elettriku, il-konnessjoni mal-bokki tal-ilma, kiesaħ u/jew sħun jekk xieraq);

(b)

l-użu korrett tad-deterġent, ta’ prodotti tat-tlaħliħ tal-ħwejjeġ u ta’ addittivi oħra, u l-konsegwenzi ewlenin ta’ dożaġġ mhux korrett;

(c)

it-tneħħija ta’ oġġetti barranin mill-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew mill-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika;

(d)

it-tindif perjodiku, inkluż il-frekwenza ottimali, u l-proċedura tat-tneħħija tal-ġebla;

(e)

il-ftuħ tal-bieba bejn iċ-ċikli, jekk ikun xieraq;

(f)

l-iċċekkjar perjodiku tal-filtri, inkluż il-frekwenza ottimali, u l-proċedura;

(g)

l-identifikazzjoni ta’ żbalji, it-tifsira tal-iżbalji, u l-azzjoni meħtieġa, inkluża l-identifikazzjoni ta’ żbalji li jeħtieġu assistenza professjonali;

(h)

kif taċċessa t-tiswija professjonali (paġni web tal-Internet, indirizzi, dettalji ta’ kuntatt);

dawn l-istruzzjonijiet għandhom jinkludu wkoll informazzjoni dwar:

(i)

l-implikazzjonijiet ta’ tiswija mill-utent jew minn persuni mhux professjonali għas-sikurezza tal-utent aħħari u għall-garanzija;

(j)

il-perjodu minimu li matulu l-ispare parts għall-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew għall-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika huma disponibbli.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2013 tat-22 ta’ Awwissu 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1275/2008 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfi, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 642/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins (ĠU L 225, 23.8.2013, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195).


ANNESS III

Metodi tal-kejl u kalkoli

Għall-finijiet tal-konformità u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru billi jintużaw standards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dan il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew metodi oħrajn li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi l-aktar avvanzati ġeneralment irrikonoxxuti, u li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet li ġejjin.

Għall-kejl tal-parametri definiti fl-Anness II u f’dan l-anness għall-programm “eco 40-60” u għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif, għandha tintuża l-għażla tal-ogħla veloċità tat-tidwir għall-programm “eco 40-60” bil-kapaċità nominali, b’nofs il-kapaċità nominali u bi kwart tal-kapaċità nominali.

Għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 3 kg jew inqas u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità tal-ħasil nominali ta’ 3 kg jew inqas, il-parametri għall-programm “eco 40-60” u għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif għandhom jitkejlu biss bil-kapaċità nominali.

Id-durata tal-programm “eco 40-60” (tW) u d-durata taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif (tWD) għandhom jiġu espressi f’sigħat u minuti u mqarrba sal-eqreb minuta.

1.   INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA

1.1.   L-indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEIW) tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi

Għall-kalkolu tal-EEIW, il-konsum tal-enerġija ponderat tal-programm “eco 40-60” bil-kapaċità tal-ħasil nominali, b’nofs il-kapaċità tal-ħasil nominali u bi kwart tal-kapaċità tal-ħasil nominali jitqabbel mal-konsum tal-enerġija taċ-ċiklu standard tiegħu.

(a)

L-EEIW jiġi kkalkolat kif ġej, u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali:

EEIW = (EW/SCEW) × 100

fejn:

EW huwa l-konsum tal-enerġija ponderat tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika;

SCEW huwa l-konsum tal-enerġija standard taċ-ċiklu tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika.

(b)

L-SCEW jiġi kkalkolat f’kWh/ċiklu kif ġej, u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali:

SCEW = -0,0025 × c2 + 0,0846 × c + 0,3920

fejn c hija l-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew il-kapaċità tal-ħasil nominali tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60”.

(c)

L-EW jiġi kkalkolat f’kWh/ċiklu kif ġej, u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali:

Formula

fejn:

EW,full huwa l-konsum tal-enerġija tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60” bil-kapaċità tal-ħasil nominali u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali;

EW,½ huwa l-konsum tal-enerġija tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60” b’nofs il-kapaċità tal-ħasil nominali u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali;

EW,1/4 huwa l-konsum tal-enerġija tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60” bi kwart tal-kapaċità tal-ħasil nominali u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali;

A huwa l-fattur ta’ ponderazzjoni għall-kapaċità tal-ħasil nominali u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali;

B huwa l-fattur ta’ ponderazzjoni għal nofs il-kapaċità tal-ħasil nominali u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali;

C huwa l-fattur ta’ ponderazzjoni għal kwart tal-kapaċità tal-ħasil nominali u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali;

għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 3 kg jew inqas u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità tal-ħasil nominali ta’ 3 kg jew inqas, il-valur ta’ A għandu jkun 1; Il-valur ta’ B u C għandu jkun 0;

għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, il-valuri tal-fatturi ta’ ponderazzjoni jiddependu fuq il-kapaċità nominali skont l-ekwazzjonijiet li ġejjin:

A = –0,0391 × c + 0,6918

B = –0,0109 × c + 0,3582

C = 1 – (A + B)

fejn c hija l-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew il-kapaċità tal-ħasil nominali tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika.

1.2.   L-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEIWD) taċ-ċiklu sħiħ tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi

Għall-kalkolu tal-EEIWD ta’ mudell ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika, il-konsum tal-enerġija ponderat taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif bil-kapaċità nominali u b’nofs il-kapaċità nominali jitqabbel mal-konsum tal-enerġija taċ-ċiklu standard tiegħu.

(a)

L-EEIWD jiġi kkalkolat kif ġej, u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali:

EEIWD = (EWD/SCEWD) × 100

fejn:

EWD huwa l-konsum tal-enerġija ponderat taċ-ċiklu sħiħ tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika;

SCEWD huwa l-konsum tal-enerġija taċ-ċiklu standard taċ-ċiklu sħiħ tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika.

(b)

L-EWD jiġi kkalkolat f’kWh/ċiklu kif ġej, u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali:

SCEWD = –0,0502 × d2 + 1,1742 × d – 0,644

fejn d hija l-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif.

(c)

Għal magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità tal-ħasil nominali ta’ 3 kg jew inqas, il-konsum tal-enerġija ponderat huwa l-konsum tal-enerġija bil-kapaċità nominali u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali.

(d)

Għal magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi oħrajn, il-konsum tal-enerġija ponderat (EWD) jiġi kkalkolat f’kWh/ċiklu kif ġej, u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali:

Formula

fejn:

EWD,full huwa l-konsum tal-enerġija tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif bil-kapaċità nominali u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali;

EWD,½ huwa l-konsum tal-enerġija tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għaċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif b’nofs il-kapaċità nominali u mqarreb sat-tielet pożizzjoni deċimali.

2.   INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA TAL-ĦASIL

L-indiċi tal-effiċjenza tal-ħasil tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi (Iw) u l-indiċi tal-effiċjenza tal-ħasil taċ-ċiklu sħiħ tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi (Jw) għandhom jiġu kkalkolati bl-użu ta’ standards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dan il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew metodi oħrajn li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi l-aktar avvanzati ġeneralment irrikonoxxuti, u mqarrba sat-tieni pożizzjoni deċimali.

3.   EFFIKAĊJA TAT-TLAĦLIĦ

L-effikaċja tat-tlaħliħ tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi (IR) u l-effikaċja tat-tlaħliħ taċ-ċiklu sħiħ tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi (JR) għandhom jiġu kkalkolati bl-użu ta’ standards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dan il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew metodi oħrajn li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jkunu bbażati fuq id-detezzjoni tal-markatur ta’ sulfonat tal-alkilbenżin lineari (LAS), u mqarrba sal-ewwel pożizzjoni deċimali.

4.   TEMPERATURA MASSIMA

It-temperatura massima milħuqa għal 5 minuti fil-ħwejjeġ li jkunu qed jiġu trattati fil-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u fl-istadju taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi għandha tiġi ddeterminata bl-użu ta’ standards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dan il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew metodi oħrajn li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli u mqarrba sal-eqreb numru sħiħ.

5.   KONSUM TAL-ILMA PONDERAT

(1)

Il-konsum tal-ilma ponderat (WW) ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew taċ-ċiklu tal-ħasil ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika jiġi kkalkolat f’litri kif ġej, u mqarreb sal-eqreb numru sħiħ:

Wt = (A × WW,full + B × WW,1/2 + C × WW,1/4)

fejn:

WW,full huwa l-konsum tal-ilma tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60” bil-kapaċità tal-ħasil nominali, f’litri u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali;

WW,½ huwa l-konsum tal-ilma tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60” b’nofs il-kapaċità tal-ħasil nominali, f’litri u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali;

WW,1/4 huwa l-konsum tal-ilma tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm “eco 40-60” bi kwart tal-kapaċità tal-ħasil nominali, f’litri u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali;

A, B u C huma l-fatturi ta’ ponderazzjoni kif deskritti fil-punt 1.1(c).

(2)

Għal magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità tal-ħasil nominali ta’ 3 kg jew inqas, il-konsum tal-ilma ponderat huwa l-konsum tal-ilma bil-kapaċità nominali u mqarreb sal-eqreb numru sħiħ.

Għal magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi oħrajn, il-konsum tal-ilma ponderat (WWD) taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika jiġi kkalkolat kif ġej, u mqarreb sal-eqreb numru sħiħ:

Formula

fejn:

WWD,full huwa l-konsum tal-ilma taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika bil-kapaċità nominali, f’litri u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali;

WWD,½ huwa l-konsum tal-ilma taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika b’nofs il-kapaċità nominali, f’litri u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali.

6.   KONTENUT TA’ NDEWWA RESIDWALI

Il-kontenut ta’ ndewwa residwali ponderat (D) ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika u taċ-ċiklu tal-ħasil ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika jiġi kkalkolat f’perċentwali kif ġej, u mqarreb sal-eqreb numru perċentwali sħiħ:

Formula

fejn:

Dfull huwa l-kontenut ta’ ndewwa residwali għall-programm “eco 40-60” bil-kapaċità tal-ħasil nominali, f’perċentwali u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali;

D1/2 huwa l-kontenut ta’ ndewwa residwali għall-programm “eco 40-60” b’nofs il-kapaċità tal-ħasil nominali, f’perċentwali u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali;

D1/4 huwa l-kontenut ta’ ndewwa residwali għall-programm “eco 40-60” bi kwart tal-kapaċità tal-ħasil nominali, f’perċentwali u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali;

A, B u C huma l-fatturi ta’ ponderazzjoni kif deskritti fil-punt 1.1(c).

7.   KONTENUT TA’ NDEWWA FINALI

Għaċ-ċiklu tat-tnixxif ta’ magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika, l-istatus ta’ “niexef għall-armarju” jikkorrispondi għal 0 % ta’ kontenut ta’ ndewwa finali, li huwa l-ekwilibriju termodinamiku tat-tagħbija b’kundizzjonijiet ta’ temperatura tal-arja ambjentali (ittestjati f’temperatura ta’ 20 ± 2 °C) u umdità relattiva (ittestjati f’umdità relattiva ta’ 65 ± 5 %).

Il-kontenut ta’ ndewwa finali jiġi kkalkolat skont l-istandards armonizzati li n-numri ta’ r-referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dan il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u mqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali.

8.   MODALITAJIET B’KONSUM TAL-ENERĠIJA BAXX

Għandu jiġi mkejjel il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi (Po), fil-modalità standby (Psm), u fejn applikabbli, bil-bidu differit (Pds). Il-valuri mkejla jiġu espressi f’W u mqarrba sat-tieni pożizzjoni deċimali.

Waqt il-kejl tal-konsum tal-enerġija elettrika f’modalitajiet b’konsum tal-enerġija baxx, dawn l-elementi li ġejjin għandhom jiġu ċċekkjati u rreġistrati:

id-displej ta’ informazzjoni, jew in-nuqqas tiegħu;

l-attivazzjoni ta’ konnessjoni man-netwerk, jew in-nuqqas tagħha.

Jekk il-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika u l-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika jipprovdu funzjoni ta’ prevenzjoni ta’ tikmix, din l-operazzjoni għandha tiġi interrotta billi tinfetaħ il-bieba tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jew tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika, jew permezz ta’ kwalunkwe intervent xieraq ieħor 15-il minuta qabel il-kejl tal-konsum tal-enerġija.


ANNESS IV

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

It-tolleranzi tal-verifika definiti f’dan l-Anness huma relatati biss mal-verifika tal-parametri ddikjarati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur jew mill-importatur bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti l-valuri fid-dokumentazzjoni teknika jew għall-interpretazzjoni ta’ dawn il-valuri ħalli tinkiseb il-konformità jew biex tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar bi kwalunkwe mezz.

Meta mudell ikun ġie ddisinjat biex ikun kapaċi jinduna li qed jiġi ttestjat (eż. billi jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tat-test jew iċ-ċiklu tat-test), u biex jirreaġixxi b’mod speċifiku billi jbiddel awtomatikament il-prestazzjoni tiegħu matul it-test bl-objettiv li jintlaħaq livell aktar favorevoli għal kwalunkwe wieħed mill-parametri speċifikati f’dan ir-Regolament jew inkluż fid-dokumentazzjoni teknika jew f’xi dokumentazzjoni pprovduta, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi.

Meta tkun qed tiġi vverifikata l-konformità ta’ mudell ta’ prodott mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw din il-proċedura li ġejja:

(1)

l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw unità waħda tal-mudell;

(2)

il-mudell għandu jitqies bħala konformi mar-rekwiżiti applikabbli, jekk:

(a)

il-valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika skont il-punt (2) tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE (il-valuri ddikjarati) u, meta applikabbli, il-valuri użati għall-kalkolu ta’ dawn il-valuri, ma jkunux aktar favorevoli għall-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat milli jkunu r-riżultati tal-kejl korrispondenti mwettaq skont il-paragrafu (g) tiegħu; u

(b)

il-valuri ddikjarati jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, u kull informazzjoni meħtieġa dwar il-prodott li jippubblikaw il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ma jkunx fiha valuri aktar favorevoli għall-manifattur, għall-importatur jew għar-rappreżentant awtorizzat mill-valuri ddikjarati; u

(c)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiċċekkjaw l-unità tal-mudell, isibu li l-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ikun implimenta sistema li tikkonforma mar-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6; u

(d)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiċċekkjaw l-unità tal-mudell, din tkun konformi mar-rekwiżiti tal-programm imsemmija fil-punti 1 u 2, mar-rekwiżiti tal-effiċjenza tar-riżorsi msemmija fil-punt 8 u mar-rekwiżiti tal-informazzjoni msemmija fil-punt 9 tal-Anness II; u

(e)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri ddeterminati (il-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejla waqt it-testijiet u l-valuri kkalkolati minn dan il-kejl) ikunu konformi mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1;

(3)

jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punt (2)(a), (b), (c) jew (d), il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma’ dan ir-Regolament;

(4)

jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt (2)(e), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet oħra tal-istess mudell biex jiġu ttestjati. Bħala alternattiva, it-tliet unitajiet l-oħra magħżula jistgħu jkunu ta’ xi wieħed jew aktar mill-mudelli ekwivalenti;

(5)

il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għal dawn it-tliet unitajiet, il-medja aritmetika tal-valuri ddeterminati tkun fi ħdan it-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1;

(6)

jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt (5), il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma’ dan ir-Regolament;

(7)

meta tittieħed id-deċiżjoni tan-nuqqas ta’ konformità tal-mudell skont il-punti (3) jew (6), l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu mogħtija fl-Anness III.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 1 u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti 1 sa 7 għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness. Għall-parametri tat-Tabella 1, ma għandha tiġi applikata l-ebda tolleranza tal-verifika oħra, bħalma huma dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew fi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kejl.

Tabella 1

Tolleranzi tal-verifika

Parametru

Tolleranzi tal-verifika

EW,full, EW,½, EW,1/4, EWD,full, EWD,½

Il-valur iddeterminat (*1) m’għandux jkun ogħla mill-valur iddikjarat ta’ EW,full, EW,½, EW,1/4, EWD,full u EWD,½, rispettivament, b’aktar minn 10 %.

Il-konsum tal-enerġija ponderat (EW u EWD)

Il-valur iddeterminat (*1) m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat ta’ EW u EWD rispettivament, b’aktar minn 10 %.

WW,full, WW,½ WW,1/4, WWD,full, WWD,½

Il-valur iddeterminat (*1) m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat ta’ WW,full, WW,½, WW,1/4, WWD,full u WWD,½, rispettivament, b’aktar minn 10 %.

Il-konsum tal-ilma ponderat (WW u WWD)

Il-valur iddeterminat (*1) m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat ta’ WW u WWD rispettivament, b’aktar minn 10 %.

Indiċi tal-effiċjenza tal-ħasil (IW u JW)

Il-valur iddeterminat (*1) m’għandux ikun inqas mill-valur iddikjarat ta’ IW u Jw rispettivament, b’aktar minn 8 %.

L-effikaċja tat-tlaħliħ (IR u JR)

Il-valur iddeterminat (*1) m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat ta’ IR u JR rispettivament, b’aktar minn 1,0 g/kg.

Id-durata tal-programm “eco 40-60” (tW)

Il-valur iddeterminat (*1) tad-durata tal-programm m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat ta’ tW b’aktar minn 5 % jew b’aktar minn 10 minuti, liema minnhom ikun l-iżgħar.

Id-durata taċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif (tWD)

Il-valur iddeterminat tad-durata ta-ċiklu m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat ta’ tWD b’aktar minn 5 % jew b’aktar minn 10 minuti, liema minnhom ikun l-iżgħar.

It-temperatura massima fil-ħwejjeġ (T)

Il-valur iddeterminat m’għandux ikun inqas mill-valuri ddikjarati ta’ T b’aktar minn 5 K u m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat ta’ T b’aktar minn 5 K.

Dfull, D½ D1/4

Il-valur iddeterminat (*1) m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat ta’ Dfull, D½ u D1/4, rispettivament, b’aktar minn 10 %.

Kontenut ta’ ndewwa residwali wara l-ħasil (D)

Il-valur iddeterminat (*1) m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat ta’ D b’aktar minn 10 %.

Kontenut ta’ ndewwa finali wara t-tnixxif

Il-valur iddeterminat (*1) m’għandux ikun ogħla minn 3,0 %.

Il-konsum tal-enerġija elettrika fil-modalità mitfi (Po)

Il-valur iddeterminat (*1) tal-konsum tal-enerġija elettrika, Po, m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat b’aktar minn 0,10 W.

Il-konsum tal-enerġija elettrika fil-modalità Standby (Psm)

Il-valur iddeterminat (*1) tal-konsum tal-enerġija elettrika Psm m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat b’aktar minn 10 % jekk il-valur iddikjarat huwa ogħla minn 1,00 W, jew b’aktar minn 0,10 W jekk il-valur iddikjarat huwa daqs jew inqas minn 1,00 W.

Il-konsum tal-enerġija elettrika fil-modalità bidu differit (Pds)

Il-valur iddeterminat (*1) tal-konsum tal-enerġija elettrika Pds m’għandux ikun ogħla mill-valur iddikjarat b’aktar minn 10 % jekk il-valur iddikjarat huwa ogħla minn 1,00 W, jew b’aktar minn 0,10 W jekk il-valur iddikjarat huwa daqs jew inqas minn 1,00 W.


(*1)  Fil-każ ta’ tliet unitajiet addizzjonali ttestjati kif preskritt fil-punt 4, il-valur iddeterminat ifisser il-medja aritmetika tal-valuri ddikjarati għal dawn it-tliet unitajiet addizzjonali.


ANNESS V

Parametri referenzjarji

1.   PARAMETRI REFERENZJARJI INDIKATTIVI GĦALL-MAGNI TAL-ĦASIL TAL-ĦWEJJEĠ DOMESTIĊI FIR-RIGWARD TAL-KONSUM TAL-ILMA U TAL-ENERĠIJA, TAL-EFFIĊJENZA TAL-ĦASIL U TAL-EMISSJONIJIET TA’ STORBJU AKUSTIKU FL-ARJA

Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, f’termini tal-konsumi tal-ilma u tal-enerġija, u tal-emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir għall-programm standard għall-qoton f’60 °C bil-kapaċità nominali u b’nofs il-kapaċità nominali u għall-programm standard għall-qoton f’40 °C b’nofs il-kapaċità nominali, ġiet identifikata kif ġej (1):

(1)

magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 5 kg:

(a)

konsum tal-enerġija: 0,56 kWh/ċiklu (jew 0,11 kWh/kg) ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 82 kWh/sena;

(b)

konsum tal-ilma: 40 L/ċiklu, ekwivalenti għal 8 800 L/sena, għal 220 ċiklu;

(c)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir: 58/82 dB(A);

(2)

magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 6 kg:

(a)

konsum tal-enerġija: 0,55 kWh/ċiklu (jew 0,092 kWh/kg) ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 122 kWh/sena;

(b)

konsum tal-ilma: 40,45 L/ċiklu, ekwivalenti għal 8 900 L/sena, għal 220 ċiklu;

(c)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir: 47/77 dB(A);

(3)

magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 7 kg:

(a)

konsum tal-enerġija: 0,6 kWh/ċiklu (jew 0,15 kWh/kg) ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 124 kWh/sena;

(b)

konsum tal-ilma: 39 L/ċiklu, ekwivalenti għal 8 500 L/sena, għal 220 ċiklu;

(c)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir: 52/73 dB(A);

(4)

magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 8 kg (meta mgħammra b’pompa tas-sħana):

(a)

konsum tal-enerġija: 0,52 kWh/ċiklu (jew 0,065 kWh/kg) ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 98 kWh/sena;

(b)

konsum tal-ilma: 44,55 L/ċiklu, ekwivalenti għal 9 800 L/sena, għal 220 ċiklu;

(5)

magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 8 kg (meta mhux mgħammra bit-teknoloġija ta’ pompa tas-sħana):

(a)

konsum tal-enerġija: 0,54 kWh/ċiklu (jew 0,067 kWh/kg) ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 116 kWh/sena;

(b)

konsum tal-ilma: 36,82 L/ċiklu, ekwivalenti għal 8 100 L/sena, għal 220 ċiklu;

(6)

magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 9 kg:

(a)

konsum tal-enerġija: 0,35 kWh/ċiklu (jew 0,038 kWh/kg) ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 76 kWh/sena;

(b)

konsum tal-ilma: 47,72 L/ċiklu, ekwivalenti għal 10 499 L/sena, għal 220 ċiklu.

2.   PARAMETRI REFERENZJARJI INDIKATTIVI GĦALL-MAGNI TAL-ĦASIL U TAT-TNIXXIF TAL-ĦWEJJEĠ DOMESTIĊI FIR-RIGWARD TAL-KONSUM TAL-ILMA U TAL-ENERĠIJA, TAL-EFFIĊJENZA TAL-ĦASIL U TAL-EMISSJONIJIET TA’ STORBJU AKUSTIKU FL-ARJA

Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, f’termini tal-konsumi tal-ilma u tal-enerġija, u tal-emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir/it-tnixxif għaċ-ċiklu tal-ħasil standard għall-qoton f’60 °C bil-kapaċità nominali u għaċ-ċiklu tat-tnixxif “tnixxif tal-qoton”, hija identifikata kif ġej (2):

(1)

magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi bil-kapaċità tal-ħasil nominali ta’ 6 kg:

(a)

il-konsum tal-enerġija ta’ ċiklu sħiħ (ħasil, tidwir u tnixxif) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 3,64 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 800,8 kWh/sena;

(b)

il-konsum tal-enerġija ta’ ċiklu tal-ħasil (ħasil u tidwir biss) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 0,77 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 169,4 kWh/sena;

(c)

il-konsum tal-ilma ta’ ċiklu sħiħ (ħasil, tidwir u tnixxif) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 78 L/ċiklu, ekwivalenti għal 17 160 L/sena, għal 220 ċiklu;

(d)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir/it-tnixxif: 51/77/66 dB(A);

(2)

magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi bil-kapaċità tal-ħasil nominali ta’ 7 kg:

(a)

il-konsum tal-enerġija ta’ ċiklu sħiħ (ħasil, tidwir u tnixxif) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 4,76 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 1 047 kWh/sena;

(b)

il-konsum tal-enerġija ta’ ċiklu tal-ħasil (ħasil u tidwir biss) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 0,8 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 176 kWh/sena;

(c)

il-konsum tal-ilma ta’ ċiklu sħiħ (ħasil, tidwir u tnixxif) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 72 L/ċiklu, ekwivalenti għal 15 840 L/sena, għal 220 ċiklu;

(d)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir/it-tnixxif: 47/73/58 dB(A);

(3)

magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi bil-kapaċità tal-ħasil nominali ta’ 8 kg:

(a)

il-konsum tal-enerġija ta’ ċiklu sħiħ (ħasil, tidwir u tnixxif) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 3,8 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 836 kWh/sena;

(b)

il-konsum tal-enerġija ta’ ċiklu tal-ħasil (ħasil u tidwir biss) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 1,04 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 229 kWh/sena;

(c)

il-konsum tal-ilma ta’ ċiklu sħiħ (ħasil, tidwir u tnixxif) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 70 L/ċiklu, ekwivalenti għal 15 400 L/sena, għal 220 ċiklu;

(d)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir/it-tnixxif: 49/73/66 dB(A);

(4)

magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi bil-kapaċità tal-ħasil nominali ta’ 9 kg:

(a)

il-konsum tal-enerġija ta’ ċiklu sħiħ (ħasil, tidwir u tnixxif) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 3,67 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 807 kWh/sena;

(b)

il-konsum tal-enerġija ta’ ċiklu tal-ħasil (ħasil u tidwir biss) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 1,09 kWh/ċiklu, ekwivalenti għal konsum annwali globali ta’ 240 kWh/sena;

(c)

il-konsum tal-ilma ta’ ċiklu sħiħ (ħasil, tidwir u tnixxif) bil-kapaċità nominali u programm standard għall-qoton f’60 °C: 69 L/ċiklu, ekwivalenti għal 15 180 L/sena, għal 220 ċiklu;

(d)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir/it-tnixxif: 49/75/66 dB(A).


(1)  Għall-evalwazzjoni tal-konsumi tal-ilma u tal-enerġija, u tal-effiċjenza tal-ħasil, ġew użati l-metodi ta’ kalkolu stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1015/2010 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi; għall-emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir, ġie użat il-kejl standard skont EN 60704

(2)  Għall-evalwazzjoni tal-konsumi tal-ilma u tal-enerġija, u tal-prestazzjoni tal-ħasil, ġew użati l-metodi ta’ kalkolu stabbiliti fid-Direttiva 96/60/KE fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi; għall-emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir/it-tnixxif, ġie użat il-kejl standard skont EN 60704.


ANNESS VI

Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’diversi tnabar u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’diversi tnabar

Għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’diversi tnabar u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’diversi tnabar, id-dispożizzjonijiet tal-punti 1 sa 6 u 9(2) tal-Anness II, skont il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu stabbiliti fl-Anness III, għandhom japplikaw għal kull tanbur. Id-dispożizzjonijiet tal-punti 7, 8, 9(1) u 9(3) tal-Anness II japplikaw għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’diversi tnabar kollha u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’diversi tnabar kollha.

Id-dispożizzjonijiet tal-punti 1 sa 6 u 9(2) tal-Anness II, għandhom japplikaw għat-tnabar kollha indipendentement, għajr meta t-tnabar ikunu mibnija fl-istess għeluq u jistgħu, fil-programm “eco 40-60” jew fiċ-ċiklu tal-ħasil u tat-tnixxif, joperaw simultanjament biss. Fil-każ imsemmi l-aħħar, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika b’diversi tnabar jew għall-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika b’diversi tnabar sħiħa, kif ġej:

(a)

il-kapaċità tal-ħasil nominali hija l-ammont totali tal-kapaċitajiet tal-ħasil nominali ta’ kull tanbur; għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’diversi tnabar, il-kapaċità nominali hija l-ammont totali tal-kapaċitajiet nominali ta’ kull tanbur;

(b)

il-konsum tal-enerġija u tal-ilma tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika b’diversi tnabar u taċ-ċiklu tal-ħasil tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika b’diversi tnabar huwa l-ammont totali tal-konsum tal-enerġija, jew tal-konsum tal-ilma, ta’ kull tanbur;

(c)

il-konsum tal-enerġija u tal-ilma taċ-ċiklu sħiħ tal-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika b’diversi tnabar huwa l-ammont totali tal-konsum tal-enerġija, jew tal-konsum tal-ilma, ta’ kull tanbur;

(d)

l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEIW) jiġi kkalkolat bl-użu tal-kapaċità tal-ħasil nominali u tal-konsum tal-enerġija; għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’diversi tnabar, l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEIWD) jiġi kkalkolat bl-użu tal-kapaċità nominali u tal-konsum tal-enerġija;

(e)

kull tanbur għandu jkun konformi individwalment mar-rekwiżiti minimi tal-effiċjenza tal-ħasil u mar-rekwiżiti minimi tal-effikaċja tat-tlaħliħ;

(f)

kull tanbur għandu jkun konformi individwalment mar-rekwiżit dwar id-durata applikabbli għat-tanbur bl-akbar kapaċità nominali;

(g)

ir-rekwiżiti dwar il-modalitajiet b’konsum tal-enerġija baxx japplikaw għall-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika sħiħa jew għall-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika sħiħa;

(h)

il-kontenut ta’ ndewwa residwali wara l-ħasil jiġi kkalkolat bħala l-medja ponderata, skont il-kapaċità nominali ta’ kull tanbur;

(i)

għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi b’diversi tnabar, ir-rekwiżit dwar il-kontenut ta’ ndewwa finali wara t-tnixxif japplika individwalment għal kull tanbur.

Il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness IV tapplika għall-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika b’diversi tnabar sħiħa u għall-magna tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika b’diversi tnabar sħiħa, u t-tolleranzi tal-verifika japplikaw għal kull wieħed mill-parametri ddeterminati bl-applikazzjoni ta’ dan l-anness.