5.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/267


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2022

tal-1 ta’ Ottubru 2019

li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1016/2010

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2009/125/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija li jirrappreżentaw ammonti sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ fl-Unjoni u li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib minħabba d-disinn tagħhom f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jiġu involuti kostijiet eċċessivi.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016)773 (2) (pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn) stabbilita mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2009/125/KE tistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ ħidma skont il-qafas tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għall-perjodu 2016-2019. Il-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn jidentifika l-gruppi ta’ prodotti relatati mal-enerġija li għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet għat-twettiq ta’ studji preparatorji u l-adozzjoni eventwali tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, kif ukoll ir-rieżami tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1016/2010 (3) u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1059/2010 (4).

(3)

Il-miżuri tal-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn għandhom potenzjal stmat li jwasslu għal total ta’ aktar minn 260 Twh ta’ ffrankar annwali finali tal-enerġija fl-2030, li huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ madwar 100 miljun tunnellata fis-sena fl-2030. Il-grupp tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi huwa fost il-gruppi ta’ prodotti elenkati fil-pjan ta’ ħidma, b’iffrankar stmat annwali ta’ elettriku ta’ 2,1 TWh, li jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ 0,7 Mt CO2 ek/sena, u ffrankar stmat ta’ ilma ta’ 16-il miljun m3 fl-2030.

(4)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi fir-Regolament (UE) Nru 1016/2010 u skont dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq rieżami tiegħu fid-dawl tal-progress teknoloġiku.

(5)

Il-Kummissjoni wettqet rieżami tar-Regolament (UE) Nru 1016/2010 u analizzat l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi kif ukoll l-imġiba tal-utenti fil-ħajja reali. Ir-rieżami sar b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u l-partijiet interessati mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi. Ir-riżultati tar-rieżami ġew ippubblikati u ġew ippreżentati lill-Forum Konsultattiv stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE.

(6)

Mill-istudju ta’ rieżami, jidher li hemm bżonn li jiġu riveduti r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi u r-rekwiżiti relatati mal-użu ta’ riżorsi essenzjali bħall-enerġija u l-ilma, u wkoll li jiġu introdotti rekwiżiti relatati mal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi bħar-riparabbiltà u r-riċiklabbiltà.

(7)

L-aspetti ambjentali tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi, li ġew identifikati bħala sinifikanti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, huma l-konsum tal-enerġija u tal-ilma matul il-fażi tal-użu, il-ġenerazzjoni tal-iskart fi tmiem il-ħajja u l-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma fil-fażi tal-produzzjoni (minħabba l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-materja prima) u fil-fażi tal-użu (minħabba l-konsum tal-elettriku).

(8)

Il-konsum annwali tal-enerġija ta’ prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament fl-Unjoni ġie stmat għal 31,3 TWh fl-Unjoni fl-2015, li jikkorrispondi għal 11,1 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti għas-CO2. Huwa mistenni li l-konsum projettat tal-enerġija ta’ magni tal-ħasil tal-platti domestiċi f’xenarju ta’ żamma tal-istatus quo se jiżdied għal 49,0 TWh fl-2030, l-aktar minħabba ż-żieda fl-għadd totali ta’ magni tal-ħasil tal-platti li se jkunu qed jintużaw. Madankollu, dik iż-żieda fil-konsum tal-enerġija tista’ tiġi limitata jekk ir-rekwiżiti tal-ekodisinn eżistenti jiġu aġġornati. Bl-istess mod, il-konsum tal-ilma tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi ġie stmat għal 318 miljun m3 fl-2015 u huwa mistenni li jiżdied sa 531 miljun m3 fl-2030 fin-nuqqas ta’ rekwiżiti aġġornati. Fl-aħħar nett, f’dawn l-aħħar snin it-tul tal-ħajja operattiva tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi ġie stmat li naqas għal madwar 12,5 sena, u fin-nuqqas ta’ inċentivi, it-tendenza hija mistennija li tkompli.

(9)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni COM(2015)614 final (5) (pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari) u l-Komunikazzjoni dwar il-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn (6) jissottolinjaw l-importanza tal-użu tal-qafas tal-ekodisinn sabiex tiġi appoġġata l-bidla lejn ekonomija ċirkolari aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tirreferi għad-Direttiva 2009/125/KE u tindika li r-rekwiżiti tal-ekodisinn jenħtieġ li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid, iż-żarmar u l-irkupru ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) billi jittrattaw il-kwistjonijiet minn qabel. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi rekwiżiti xierqa li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari.

(10)

Il-magni tal-ħasil tal-platti mhux domestiċi għandhom karatteristiċi u użi distinti. Huma soġġetti għal xogħol regolatorju ieħor, b’mod partikolari d-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) dwar il-makkinarju, u ma għandhomx jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandhom japplikaw għall-magni tal-ħasil tal-platti bl-istess karatteristiċi tekniċi, irrispettivament minn kif jintużaw. Il-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi kollha għandhom jissodisfaw rekwiżiti minimi dwar it-tindif u t-tnixxif, irrispettivament mill-metodi li jintużaw.

(11)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għall-modalitajiet b’konsum baxx tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi. Ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 (9) ma għandhomx japplikaw għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-parametri rilevanti tal-prodott għandhom jitkejlu permezz ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli. Dawk il-metodi għandhom iqisu metodi ta’ kejl rikonoxxuti tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, inkluż, fejn ikunu disponibbli, standards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, kif elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(13)

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-proċeduri applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità.

(14)

Sabiex jiffaċilitaw il-verifiki tal-konformità, fid-dokumentazzjoni teknika l-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jenħtieġ li jipprovdu t-tagħrif imsemmi fl-Annessi IV u V tad-Direttiva 2009/125/KE, safejn dak it-tagħrif ikollu x’jaqsam mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(15)

Meta parametri tad-dokumentazzjoni teknika, kif definiti minn dan ir-Regolament, ikunu identiċi għal parametri tal-iskeda ta’ informazzjoni dwar il-prodott definiti mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2017 (11), il-manifatturi għandhom idaħħlu d-data korrispondenti fil-bażi tad-data tal-prodott definita mir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ma jkollhomx bżonn aktar li jipprovduhom lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq bħala parti mid-dokumentazzjoni teknika.

(16)

Sabiex jiġu żgurati l-effikaċja u l-kredibbiltà ta’ dan ir-Regolament u biex jiġu protetti l-konsumaturi, il-prodotti li fil-kundizzjonijiet tat-test jibdlu l-prestazzjoni tagħhom awtomatikament biex itejbu l-parametri ddikjarati għandhom jiġu pprojbiti milli jitqiegħdu fis-suq.

(17)

Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu identifikati punti ta’ referenza indikattivi għall-aħjar teknoloġiji disponibbli biex l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament tkun disponibbli b’mod wiesgħa u tkun faċilment aċċessibbli, skont il-punt (2) tal-parti 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/125/KE.

(18)

Għandu jsir rieżami ta’ dan ir-Regolament sabiex jiġu vvalutati l-adegwatezza u l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet tiegħu fil-kuntest tal-kisba tal-għanijiet tiegħu. Il-kronoloġija tar-rieżami għandha tkun biżżejjed biex id-dispożizzjonijiet kollha jiġu implimentati u jħallu effett fuq is-suq.

(19)

Ir-Regolament (UE) Nru 1016/2010 għandu jitħassar.

(20)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni bejn ir-Regolament (UE) Nru 1016/2010 u dan ir-Regolament, l-isem “eco” għandu jitħalla jintuża minflok “programm standard” sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(21)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-introduzzjoni fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz ta’ magni tal-ħasil tal-platti domestiċi li jaħdmu bil-mejns tal-elettriku, inklużi magni tal-ħasil tal-platti domestiċi inkorporati u magni tal-ħasil tal-platti domestiċi li jaħdmu bil-mejns tal-elettriku u li jistgħu jitħaddmu wkoll bil-batteriji.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

magni tal-ħasil tal-platti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/42/KE;

(b)

magni tal-ħasil tal-platti domestiċi li jitħaddmu bil-batteriji u li jistgħu jitqabbdu mal-mejns tal-elettriku permezz ta’ konvertitur AC/DC li jinxtara separatament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“mejns” jew “mejns tal-elettriku” tfisser il-provvista tal-elettriku mill-grilja ta’ 230 (± 10 %) volt ta’ kurrent alternat b’50 Hz;

(2)

“magna tal-ħasil tal-platti domestika” tfisser magna li tnaddaf u tlaħlaħ pożati u reċipjenti għal fuq il-mejda, u li fid-Dikjarazzjoni tal-Konformità hija ddikjarata mill-manifattur li hija konformi mad-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jew mad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14);

(3)

“magna tal-ħasil tal-platti domestika inkorporata” tfisser magna tal-ħasil tal-platti domestika li tkun iddisinjata, ittestjata u kkummerċjalizzata b’mod esklussiv:

(a)

biex tiġi installata f’kabinett jew imdawwra (minn fuq, taħt u l-ġnub) b’pannelli;

(b)

biex titwaħħal sod mal-ġnub, mal-parti ta’ fuq jew mal-parti ta’ taħt ta’ kabinett jew ma’ pannelli; u

(c)

biex tkun mgħammra b’wiċċ integrali b’finitura tal-fabbrika jew b’pannell frontali magħmul għall-esiġenzi tal-individwu;

(4)

“mudell ekwivalenti” tfisser mudell li jkollu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti fir-rigward tal-informazzjoni teknika li trid tingħata, iżda li jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz mill-istess manifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat bħal mudell ieħor b’identifikatur differenti tal-mudell;

(5)

“identifikatur tal-mudell” tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku ta’ prodott minn mudelli oħrajn bl-istess trademark jew bl-istess isem tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat;

(6)

“bażi tad-data tal-prodotti” tfisser ġabra ta’ data li tikkonċerna l-prodotti, li tkun irranġata b’mod sistematiku u li tikkonsisti minn parti pubblika orjentata lejn il-konsumaturi, fejn l-informazzjoni li tikkonċerna l-parametri tal-prodotti individwali tkun aċċessibbli b’mezzi elettroniċi, portal online għall-aċċessibbiltà u minn parti dwar il-konformità, b’rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ sigurtà speċifikati b’mod ċar, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/1369;

(7)

“programm” tfisser serje ta’ operazzjonijiet definiti minn qabel u li huma ddikjarati mill-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat bħala xierqa għal livelli speċifikati ta’ ħmieġ jew ta’ tipi ta’ tagħbija, jew it-tnejn;

(8)

“eco” tfisser l-isem tal-programm ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika ddikjarat mill-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat bħala adattat għat-tindif ta’ oġġetti tal-mejda li ma jkunux maħmuġin aktar min-normal, u li għalih jirrelataw ir-rekwiżiti tal-ekodisinn dwar l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tat-tindif u tat-tnixxif.

Fl-Anness I jingħataw aktar definizzjonijiet għall-finijiet tal-annessi.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stabbiliti fl-Anness II għandhom japplikaw mid-dati indikati fih.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-disinn stabbilita fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva jew is-sistema ta’ ġestjoni stabbilita fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.

2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi l-valuri dikjarati tal-parametri elenkati fil-punti 2, 3 u 4 tal-Anness II u d-dettalji u r-riżultati tal-kalkoli mwettqa skont l-Anness III.

3.   Meta l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari tkun inkisbet:

(a)

minn mudell li jkollu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti fir-rigward tal-informazzjoni teknika li għandha tiġi pprovduta iżda huwa mudell prodott minn manifattur differenti, jew

(b)

permezz ta’ kalkolu abbażi ta’ disinn jew estrapolazzjoni minn mudell ieħor tal-istess manifattur jew ta’ manifattur differenti, jew it-tnejn li huma,

id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi d-dettalji ta’ tali kalkolu, il-valutazzjoni mwettqa mill-manifattur biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-kalkolu u, fejn xieraq, id-dikjarazzjoni ta’ identità bejn il-mudelli ta’ manifatturi differenti.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi lista tal-mudelli ekwivalenti kollha, inkluż l-identifikaturi tal-mudell.

4.   Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi l-informazzjoni fl-ordni u kif stabbilit fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/2017. Għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-punt 2(g) tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE, jirreferu għad-dokumentazzjoni teknika mtella’ fil-bażi tad-data tal-prodotti li fiha l-istess tagħrif stipulat fir-Regolament (UE) 2019/2017.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness IV meta jwettqu l-kontrolli ta’ sorveljanza tas-suq imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/125/KE.

Artikolu 6

Ċirkomvenzjoni

Il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ma għandux iqiegħed prodotti fis-suq li jkunu ġew iddisinjati biex ikunu kapaċi jindunaw li qed jiġu ttestjati (eż. billi jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tat-test jew iċ-ċiklu tat-test), u biex jirreaġixxu b’mod speċifiku billi jbiddlu awtomatikament il-prestazzjoni tagħhom matul it-test bl-għan li jintlaħaq livell aktar favorevoli għal kwalunkwe wieħed mill-parametri ddikjarati mill-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat fid-dokumentazzjoni teknika jew inklużi fi kwalunkwe dokumentazzjoni pprovduta.

Il-konsum tal-enerġija u tal-ilma tal-prodott u l-parametri ddikjarati l-oħra kollha ma għandhomx jiddeterjoraw wara aġġornament tas-software jew tal-firmware meta dan jitkejjel bl-istess standard tat-test użat oriġinarjament għad-dikjarazzjoni tal-konformità, ħlief bil-kunsens espliċitu tal-utent aħħari qabel l-aġġornament. Ma għandha sseħħ l-ebda bidla fil-prestazzjoni bħala riżultat ta’ rifjut ta’ aġġornament.

Artikolu 7

Parametri referenzjarji indikattivi

Il-parametri referenzjarji indikattivi għall-prodotti u t-teknoloġiji bl-aqwa prestazzjoni li jkunu disponibbli fis-suq fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament huma stipulati fl-Anness V.

Artikolu 8

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u għandha tippreżenta r-riżultati ta’ dan ir-rieżami, inkluż, jekk ikun xieraq, abbozz ta’ proposta għal reviżjoni lill-Forum Konsultattiv sal-25 ta’ Diċembru 2025.

Ir-rieżami għandu jiffoka b’mod partikolari fuq dan li ġej:

(a)

il-potenzjal għal titjib fir-rigward tal-prestazzjoni enerġetika u ambjentali tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi, filwaqt li titqies, inter alia, il-prestazzjoni tat-tnixxif;

(b)

il-livell tat-tolleranzi tal-verifika;

(c)

valutazzjoni tal-evoluzzjoni tal-imġiba tal-konsumaturi u tar-rata ta’ penetrazzjoni tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi fl-Istati Membri tal-UE;

(d)

l-effikaċja tar-rekwiżiti eżistenti dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

(e)

l-adegwatezza li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali dwar l-effiċjenza fir-riżorsi għall-prodotti skont l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari, inkluż jekk għandhomx jiġu inklużi aktar spare parts.

Artikolu 9

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1275/2008

Fil-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008, l-entrata “Magni għall-ħasil tal-platti” titħassar.

Artikolu 10

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 1016/2010 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Marzu 2021.

Artikolu 11

Miżuri tranżizzjonali

Minn mill-25 ta’ Diċembru 2019 sat-28 ta’ Frar 2021, permezz ta’ deroga mir-rekwiżit tal-Punt 1(1) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1016/2010, l-isem “eco” jista’ jintuża għall-programm standard minflok l-isem “programm standard”, f’konformità mal-Punt 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Marzu 2021. Madankollu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 u l-Artikolu 11 għandhom japplikaw mill-25 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019, COM(2016)773 final tat-30.11.2016.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1016/2010 tal-10 ta’ Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni domestiċi tal-ħasil tal-platti (ĠU L 293, 11.11.2010, p. 31).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1059/2010 tat-28 ta’ Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikketti li jindikaw il-konsum tal-enerġija tal-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 1).

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari (COM/2015/0614 final tat-2.12.2015).

(6)  COM(2016) 773 final tat-30.11.2016.

(7)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

(8)  Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfija (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 45).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(11)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2017 tal-11 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1059/2010 (Ara paġna 134 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1).

(13)  Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357).

(14)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).


ANNESS I

Definizzjonijiet applikabbli għall-annessi

Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika” (EEI) tfisser il-proporzjon tal-konsum tal-enerġija tal-programm eco mal-konsum tal-enerġija tal-programm standard;

(2)

“konsum tal-enerġija tal-programm eco” (EPEC) tfisser il-konsum tal-enerġija ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika għall-programm eco, espress f’kilowatt-siegħa għal kull ċiklu;

(3)

“konsum tal-enerġija tal-programm standard” (SPEC) tfisser il-konsum tal-enerġija meħud bħala referenza bħala funzjoni tal-kapaċità nominali, espress f’kilowatt-siegħa għal kull ċiklu;

(4)

“sett individwali” (si) tfisser sett ta’ oġġetti tal-mejda għal użu minn persuna waħda, li ma jinkludix utensili biex jiġi servut l-ikel;

(5)

“utensili biex jiġi servut l-ikel” tfisser oġġetti għall-preparazzjoni tal-ikel u biex jiġi servut l-ikel, li jistgħu jinkludu borom, skutelli, pużati biex jiġi servut l-ikel u platter;

(6)

“kapaċità nominali” tfisser l-għadd massimu ta’ settijiet individwali flimkien mal-utensili biex jiġi servut l-ikel, li jista’ jiġi mnaddaf, imlaħlaħ u mnixxef f’magna tal-ħasil tal-platti domestika f’ċiklu meta jiġi mgħobbi skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, tal-importatur, jew tar-rappreżentant awtorizzat;

(7)

“indiċi tal-prestazzjoni tat-tindif” (IC) tfisser il-proporzjon tal-prestazzjoni tat-tindif ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika mal-prestazzjoni tat-tindif ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika ta’ referenza;

(8)

“indiċi tal-prestazzjoni tat-tnixxif” (ID) tfisser il-proporzjon tal-prestazzjoni tat-tnixxif ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika mal-prestazzjoni tat-tnixxif ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika ta’ referenza;

(9)

“durata tal-programm” (Tt) tfisser it-tul ta’ ħin, li jibda fil-bidu tal-programm magħżul, eskluż kwalunkwe dewmien programmat mill-utent, sakemm jiġi indikat tmiem il-programm u l-utent ikollu aċċess għat-tagħbija;

(10)

“ċiklu” tfisser proċess sħiħ ta’ tindif, tlaħliħ u tnixxif, kif definit mill-programm magħżul, li jikkonsisti minn serje ta’ operazzjonijiet sakemm tieqaf l-attività kollha;

(11)

“modalità mitfi” tfisser kundizzjoni meta l-magna tal-ħasil tal-platti domestika tkun imqabbda mal-mejns tal-elettriku iżda ma taqdi l-ebda funzjoni; dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom ukoll jitqiesu bħala modalità mitfi:

(a)

kundizzjonijiet li jipprovdu biss indikazzjoni ta’ modalità mitfi;

(b)

kundizzjonijiet li jipprovdu biss funzjonalitajiet maħsuba għall-iżgurar tal-kompatibbiltà elettromanjetika skont id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(12)

“modalità standby” tfisser kundizzjoni li fiha l-magna tal-ħasil tal-platti domestika tkun imqabbda mal-mejns tal-elettriku, u tkun tipprovdi biss il-funzjonijiet li ġejjin, li jistgħu jdumu għaddejjin għal żmien indefinit:

(a)

funzjoni ta’ riattivazzjoni, inkella funzjoni ta’ riattivazzjoni u indikazzjoni biss ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni attivata; u/jew

(b)

funzjoni ta’ riattivazzjoni permezz ta’ konnessjoni ma’ netwerk; u/jew

(c)

wiri ta’ informazzjoni jew status; u/jew

(d)

funzjoni ta’ detezzjoni għal miżuri ta’ emerġenza;

(13)

“netwerk” tfisser infrastruttura ta’ komunikazzjoni b’topoloġija ta’ konnessjonijiet, arkitettura, inkluż il-komponenti fiżiċi, prinċipji organizzattivi, proċeduri u formati tal-komunikazzjonijiet (protokolli);

(14)

“bidu differit” tfisser kundizzjoni fejn l-utent ikun għażel dewmien speċifikat għall-bidu taċ-ċiklu ta’ programm magħżul;

(15)

“spare part” tfisser parti separata li tista’ tissostitwixxi parti bl-istess funzjoni jew funzjoni simili fi prodott;

(16)

“sewwej professjonali” tfisser operatur jew impriża li tipprovdi servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni professjonali tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi;

(17)

“konsum tal-ilma tal-programm eco” (EPWC) tfisser il-konsum tal-ilma ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika għall-programm eco, espress f’litri għal kull ċiklu;

(18)

“garanzija” tfisser kwalunkwe impenn li jagħmel il-bejjiegħ bl-imnut jew il-manifattur lill-konsumatur biex:

(a)

jiġi rimborżat il-prezz imħallas; jew

(b)

jissostitwixxi, isewwi jew jimmaniġġja l-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi fi kwalunkwe mod jekk dawn ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar rilevanti.


(1)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).


ANNESS II

Rekwiżiti tal-ekodisinn

1.   REKWIŻITI TAL-PROGRAMM

Mill-1 Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandhom jipprovdu programm eco li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

dan il-programm għandu:

ikun imsemmi “eco” b’mod ċar fuq il-mezz għall-għażla tal-programm tal-magna tal-ħasil tal-platti domestika, fuq id-displej tal-magna tal-ħasil tal-platti domestika, jekk ikun hemm, u fuq l-applikazzjoni tan-netwerk rilevanti, jekk ikun hemm;

ikun stabbilit bħala l-programm predefinit għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi mgħammra b’għażla awtomatika tal-programmi jew bi kwalunkwe funzjoni li żżomm l-għażla ta’ programm, jew ikun disponibbli għall-għażla diretta mingħajr il-bżonn ta’ għażla oħra bħal temperatura jew tagħbija speċifika, jekk ma jkunx hemm għażla ta’ programm awtomatiku;

(b)

l-isem “eco” għandu jintuża esklussivament għal dan il-programm. L-ifformattjar ta’ “eco” mhuwiex ristrett f’termini ta’ tipa, daqs tat-tipa, sensittività jew kulur. L-unika informazzjoni oħra addizzjonali li tista’ tiġi kkombinata mat-terminu “eco” hija t-temperatura tal-programm eco;

(c)

l-indikazzjonijiet “normali”, “ta’ kuljum”, “regolari” u “standard”, u t-traduzzjonijiet tagħhom fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, ma għandhomx jintużaw fl-ismijiet tal-programmi għall-magna tal-ħasil tal-platti domestika, la waħedhom u lanqas flimkien ma’ informazzjoni oħra.

2.   REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA

Mill-1 Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) għandu jkun inqas minn 63.

Mill-1 Marzu 2024, il-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit li ġej:

(b)

l-EEI għandu jkun inqas minn 56 għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 10 settijiet individwali jew aktar.

L-EEI għandu jiġi kkalkulat skont l-Anness III.

3.   REKWIŻITI FUNZJONALI

Mill-1 Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-indiċi tal-prestazzjoni tat-tindif (IC) għandu jkun ogħla minn 1,12;

(b)

l-indiċi tal-prestazzjoni tat-tnixxif (ID) għandu jkun ogħla minn 1,06 għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi li jkollhom kapaċità nominali ta’ aktar minn 7 settijiet individwali;

(c)

l-indiċi tal-prestazzjoni tat-tnixxif (ID) għandu jkun ogħla minn 0,86 għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi li jkollhom kapaċità nominali ugwali għal jew inqas minn 7 settijiet individwali.

L-IC u l-ID għandhom jiġu kkalkulati skont l-Anness III.

4.   MODALITAJIET B’KONSUM BAXX

Mill-1 Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandu jkollhom modalità mitfi jew modalità standby, jew it-tnejn. Il-konsum tal-enerġija ta’ dawn il-modalitajiet m’għandux ikun ogħla minn 0,50 W;

(b)

jekk il-modalità standby tinkludi l-wiri tal-informazzjoni jew tal-istatus, il-konsum tal-enerġija ta’ din il-modalità ma għandux ikun ogħla minn 1,00 W;

(c)

jekk il-modalità standby tipprovdi għal konnessjoni ma’ netwerk u tipprovdi kundizzjoni ta’ standby man-netwerk, kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2013 (1), il-konsum tal-enerġija ta’ din il-modalità ma għandux ikun ogħla minn 2,00 W;

(d)

sa mhux aktar tard minn 15-il minuta wara li tkun inxtegħlet il-magna tal-ħasil tal-platti domestika jew wara li jintemmu kwalunkwe programm u attivitajiet assoċjati, jew wara kull interazzjoni mat-tagħmir, jekk ma tiġi attivata l-ebda modalità oħra, inklużi miżuri ta’ emerġenza, it-tagħmir għandu jaqleb awtomatikament għall-modalità mitfi jew għall-modalità standby;

(e)

jekk il-magna tal-ħasil tal-platti domestika tipprovdi għal bidu differit, il-konsum tal-enerġija f’din il-kundizzjoni, inkluż kwalunkwe modalità standby, ma għandux ikun ta’ aktar minn 4,00 W. L-utent ma għandux ikun jista’ jipprogramma bidu differit għal aktar minn 24 siegħa;

(f)

kwalunkwe magna domestika tal-ħasil tal-platti li tista’ tiġi konnessa ma’ netwerk għandha tipprovdi l-possibbiltà li l-konnessjoni tan-netwerk tiġi attivata u diżattivata. Il-konnessjoni tan-netwerk għandha tiġi diżattivata b’mod awtomatiku.

5.   REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA FIR-RIŻORSI

Mill-1 Marzu 2021, il-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

disponibbiltà ta’ spare parts:

(a)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandhom jagħmlu disponibbli għas-sewwejja professjonali mill-anqas l-ispare parts li ġejjin, għal perjodu minimu ta’ seba’ snin wara l-introduzzjoni fis-suq tal-aħħar unità tal-mudell:

il-mutur;

il-pompa taċ-ċirkolazzjoni u tat-tbattil;

ħiters u elementi tat-tisħin, inklużi l-pompi tas-sħana (separatament jew f’pakkett wieħed);

is-sistema tal-pajpijiet u t-tagħmir relatat inklużi l-pajpijiet, il-valvijiet, il-filtri u s-sistemi ta’ prevenzjoni ta’ ħruġ tal-ilma kollha;

il-partijiet strutturali u interni relatati ma’ assemblaġġi ta’ bibien (separatament jew f’pakkett wieħed);

ċirkwiti stampati;

displejs elettroniċi;

pressostati;

termostati u sensers;

software u firmware, inkluż software għar-risettjar;

(b)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati ta’ magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandhom jagħmlu disponibbli mill-inqas dawn l-ispare parts għas-sewwejja professjonali u għall-utenti aħħarin: ċappetti u s-siġilli tal-bibien, siġilli oħrajn, partijiet li jisprejjaw l-ilma, filtri tal-ilma ta’ skart, xkafef ta’ ġewwa u elementi periferali tal-plastik bħal qfuf u għotjien, għal perjodu minimu ta’ għaxar snin wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar unità tal-mudell;

(c)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati ta’ magni tal-ħasil tal-platti domestiċi għandhom jiżguraw li l-ispare parts imsemmija fil-punti (a) u (b) ikunu jistgħu jinbidlu bl-użu ta’ għodod faċilment disponibbli, u mingħajr ma ssir ħsara permanenti lill-apparat;

(d)

il-lista tal-ispare parts ikkonċernati mill-punt (a), u l-proċedura għall-ordni tagħhom għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web b’aċċess bla ħlas tal-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat, mhux aktar tard minn sentejn wara t-tqegħid fis-suq tal-ewwel unità ta’ mudell u sat-tmiem tal-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ dawn l-ispare parts;

(e)

il-lista tal-ispare parts ikkonċernati mill-punt (b), u l-proċedura għall-ordni tagħhom u l-istruzzjonijiet għat-tiswija għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web b’aċċess bla ħlas tal-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat meta titqiegħed fis-suq l-ewwel unità ta’ mudell, u sat-tmiem tal-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ dawn l-ispare parts;

(2)

żmien massimu għall-konsenja tal-ispare parts:

(a)

matul il-perjodu msemmi fil-punt (1), il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jiżgura l-konsenja tal-ispare parts fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara l-wasla tal-ordni;

(b)

fil-każ tal-ispare parts ikkonċernati mill-punt (1)(a), id-disponibbiltà tal-ispare parts tista’ tkun limitata għal sewwejja professjonali reġistrati skont il-punt (3)(a) u (b);

(3)

aċċess għal Informazzjoni dwar it-Tiswija u l-Manutenzjoni:

wara perjodu ta’ sentejn mit-tqegħid fis-suq tal-ewwel unità ta’ mudell, u sa tmiem il-perjodu msemmi f’(1), il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jipprovdi aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-apparat lis-sewwejja professjonali fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sit web tal-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jindika l-proċess li jridu segwu s-sewwejja professjonali biex jirreġistraw għall-aċċess għall-informazzjoni; biex jaċċettaw tali talba, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jistgħu jitolbu lis-sewwej professjonali juri li:

(i)

is-sewwej professjonali għandu l-kompetenza teknika biex isewwi l-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi u li dan huwa konformi mar-regolamenti applikabbli għas-sewwejja tat-tagħmir elettriku fl-Istati Membri fejn jopera. Referenza għal sistema ta’ reġistrazzjoni uffiċjali bħala sewwej professjonali, fejn sistema bħal din tkun teżisti fl-Istati Membri kkonċernati, għandha tiġi aċċettata bħala prova ta’ konformità ma’ dan il-punt;

(ii)

is-sewwej professjonali huwa kopert minn assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-attività tiegħu, irrispettivament minn jekk dan huwiex meħtieġ jew le mill-Istat Membru;

(b)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jaċċettaw jew jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tat-talba;

(c)

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jistgħu jitolbu ħlas raġonevoli u proporzjonat għall-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni jew biex jibgħatu aġġornamenti regolari. Ħlas jitqies raġonevoli jekk ma jiskoraġġixxix l-aċċess billi jonqos milli jqis il-punt safejn is-sewwej professjonali jagħmel użu mill-informazzjoni;

ladarba jiġi rreġistrat, sewwej professjonali għandu jkollu aċċess, fi żmien jum wieħed tax-xogħol wara li jkun talabha, għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni. L-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta għal mudell jew għal mudell ekwivalenti tal-istess familja, jekk rilevanti;

l-informazzjoni disponibbli dwar it-tiswija u l-manutenzjoni għandha tinkludi:

l-identifikazzjoni mhux ekwivoka tal-apparat;

mappa taż-żarmar jew dijagramma kompożittiva;

lista tat-tagħmir meħtieġ għat-tiswija u l-ittestjar;

l-informazzjoni dwar il-komponenti u informazzjoni dijanjostika (bħal valuri teoretiċi minimi u massimi tal-kejl);

dijagramma deskrittiva tas-sistema tal-wajers u tas-sistema ta’ konnessjoni;

kodiċijiet dijanjostiċi tal-ħsara u tal-errur (inklużi kodiċijiet speċifiċi tal-manifattur, fejn applikabbli);

struzzjonijiet għall-installazzjoni tas-software u tal-firmware rilevanti, inkluż is-software għar-risettjar; u

informazzjoni dwar kif isir l-aċċess għar-rekords tad-data ta’ inċidenti ta’ ħsara rrappurtati u maħżuna fil-magna tal-ħasil tal-platti domestika (fejn applikabbli);

(4)

rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-gassijiet refriġeranti:

mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi mgħammra b’pompa tas-sħana, għandu jintwera b’mod permanenti u b’mod viżibbli u li jinqara fuq in-naħa ta’ barra tal-apparat, pereżempju fuq il-pannell ta’ wara, l-isem kimiku tal-gass refriġeranti użat, jew referenza ekwivalenti bħal simbolu, tikketta jew logo li jintuża u jkun jinftiehem komunement. Jistgħu jintużaw aktar minn referenza waħda għall-istess isem ta’ sustanza kimika;

(5)

rekwiżiti għaż-żarmar għall-irkupru u r-riċiklaġġ tal-materjali filwaqt li jiġi evitat it-tniġġis:

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jiżguraw li l-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi jkunu ddisinjati b’tali mod li l-materjali u l-komponenti msemmija fl-Anness VII tad-Direttiva 2012/19/UE jkunu jistgħu jiġu żarmati bl-użu ta’ għodod faċilment disponibbli;

il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fil-Punt 1 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2012/19/UE.

6.   REKWIŻITI TA’ INFORMAZZJONI

L-istruzzjonijiet għall-utent u għall-installatur għandhom jiġu pprovduti fil-forma ta’ manwal għall-utenti fuq sit web bla ħlas tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat, u għandhom jinkludu:

(1)

informazzjoni li tiddikjara l-programm eco huwa adattat għat-tindif ta’ oġġetti tal-mejda li ma jkunux maħmuġin aktar min-normal, u li għal dan l-użu, huwa l-aktar programm effiċjenti f’termini tal-konsum ikkombinat tiegħu ta’ enerġija u ilma u li jintuża biex tiġi vvalutata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ekodisinn;

(2)

informazzjoni li tiddikjara li jekk l-utent jgħabbi l-magna tal-ħasil tal-platti domestika sal-kapaċità indikata mill-manifattur, dan jikkontribwixxi għal iffrankar tal-enerġija u tal-ilma, u informazzjoni dwar it-tagħbija korretta ta’ oġġetti tal-mejda u l-konsegwenzi ewlenin ta’ tagħbija żbaljata;

(3)

informazzjoni li tiddikjara li t-tlaħliħ manwali minn qabel ta’ oġġetti tal-mejda jwassal għal żieda fil-konsum tal-ilma u tal-enerġija, u għalhekk mhuwiex rakkomandat;

(4)

informazzjoni li tiddikjara li l-ħasil ta’ oġġetti tal-mejda f’magna tal-ħasil tal-platti domestika normalment jikkonsma inqas enerġija u ilma fil-fażi tal-użu minn ħasil tal-platti bl-idejn meta l-magna tal-ħasil tal-platti domestika tintuża skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur;

(5)

valuri dwar id-durata tal-programm, il-konsum tal-enerġija u tal-ilma għall-programmi kollha li joffru ċiklu;

(6)

informazzjoni li l-valuri mogħtija għall-programmi għajr il-programm eco huma biss indikattivi; u,

(7)

struzzjonijiet dwar kif tinstab l-informazzjoni dwar il-mudell maħżuna fil-bażi tad-data tal-prodotti, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/2017 permezz ta’ link elettronika li tirreferi għat-tagħrif dwar il-mudell kif irreġistrat fil-bażi tad-data tal-prodotti jew link elettronika li twassal għall-bażi tad-data tal-prodotti u għal informazzjoni dwar kif wieħed isib l-identifikatur tal-mudell fuq il-prodott.

L-istruzzjonijiet għall-utent għandhom jinkludu wkoll struzzjonijiet biex l-utent ikun jista’ jwettaq operazzjonijiet ta’ manutenzjoni. Dawn l-istruzzjonijiet għandhom mill-inqas jinkludu struzzjonijiet għal:

(8)

installazzjoni korretta (inkluż il-pożizzjonament orizzontali livellat, il-konnessjoni mal-mejns tal-elettriku, il-konnessjoni mal-bokok tal-ilma kiesaħ u/jew sħun jekk ikun xieraq);

(9)

l-użu korrett tad-deterġent, tal-melħ u ta’ addittivi oħra, u l-konsegwenzi ewlenin ta’ dożaġġ mhux korrett;

(10)

it-tneħħija ta’ oġġetti barranin mill-magna tal-ħasil tal-platti domestika;

(11)

it-tindif perjodiku, inkluża l-frekwenza ottimali u l-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni tal-ġebla, u l-proċedura;

(12)

kontrolli perjodiċi tal-filtri, inklużi l-frekwenza ottimali, u l-proċedura;

(13)

identifikazzjoni tal-erruri, it-tifsira tal-erruri, u l-azzjoni meħtieġa, inkluża l-identifikazzjoni ta’ erruri li jeħtieġu assistenza professjonali;

(14)

kif wieħed jaċċessa t-tiswija professjonali (paġni web, indirizzi tal-Internet, dettalji ta’ kuntatt).

Dawn l-istruzzjonijiet għandhom jinkludu wkoll informazzjoni dwar:

(15)

l-implikazzjonijiet ta’ tiswija mill-utent jew minn persuni mhux professjonali għas-sikurezza tal-utent aħħari u għall-garanzija;

(16)

il-perjodu minimu li matulu jkunu disponibbli l-ispare parts għall-magna tal-ħasil tal-platti domestika.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2013 tat-22 ta’ Awwissu 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1275/2008 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfi, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 642/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins (ĠU L 225, 23.8.2013, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195-203).


ANNESS III

Metodi ta’ kejl u ta’ kalkolu

Għall-finijiet tal-konformità u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru bl-użu ta’ standards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ikunu ġew ippubblikati għal dan il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew permezz ta’ metodi oħra affidabbli, akkurati u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ġeneralment rikonoxxuti tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, u li huma konformi mad-dispożizzjonijiet li ġejjin.

Il-programm eco bil-kapaċità nominali għandu jintuża għall-kejl u l-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI), tal-konsum tal-ilma, tad-durata tal-programm, tal-prestazzjoni tat-tindif u tat-tnixxif, u tal-emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja ta’ mudell ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika. Il-konsum tal-enerġija, il-konsum tal-ilma, id-durata tal-programm u l-prestazzjoni tat-tindif u tat-tnixxif għandhom jitkejlu fl-istess ħin.

Il-konsum tal-ilma tal-programm eco (EPWC) huwa espress f’litri/ċiklu, imqarreb sal-ewwel pożizzjoni deċimali.

Id-durata tal-programm eco (Tt) hija espressa f’sigħat u minuti, imqarrba sal-eqreb minuta.

1.   INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA

Għall-kalkolu tal-EEI ta’ mudell ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika, il-konsum tal-enerġija tal-programm eco (“EPEC”) tal-magna tal-ħasil tal-platti domestika jiġi mqabbel mal-konsum tal-enerġija standard tal-programm (“SPEC”) tagħha.

(a)

L-EEI jiġi kkalkulat kif ġej u jitqarreb għal pożizzjoni deċimali waħda:

EEI = (EPEC/SPEC) × 100

fejn:

EPEC huwa l-konsum tal-enerġija tal-programm eco tal-magna tal-ħasil tal-platti domestika mkejjel f’kWh/ċiklu, imqarreb għal tliet pożizzjonijiet deċimali;

SPEC huwa l-konsum tal-enerġija tal-programm standard tal-magna tal-ħasil tal-platti domestika.

(b)

L-SPEC jiġi kkalkulat f’kWh/ċiklu, imqarreb għal tliet pożizzjonijiet deċimali kif ġej:

(i)

għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi b’kapaċità nominali ta’ ps ≥ 10 u wisa’ ta’ > 50 cm:

SPEC = 0,025 × ps + 1,350

(ii)

għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi b’kapaċità nominali ta’ ps ≤ 9 jew wisa’ ta’ ≤ 50 cm:

SPEC = 0,090 × ps + 0,450

fejn ps huwa n-numru ta’ settijiet individwali.

2.   INDIĊI TAL-PRESTAZZJONI TAT-TINDIF

Għall-kalkolu tal-indiċi tal-prestazzjoni tat-tindif (IC) ta’ mudell ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika, il-prestazzjoni tat-tindif tal-programm eco tiġi mqabbla mal-prestazzjoni tat-tindif ta’ magna tal-ħasil tal-platti ta’ referenza.

L-IC jiġi kkalkulat kif ġej, u jitqarreb għal żewġ pożizzjonijiet deċimali:

IC = exp (ln IC)

u

Formula

fejn:

CT,i hija l-prestazzjoni tat-tindif tal-programm eco tal-magna tal-ħasil tal-platti domestika li tkun qed tiġi ttestjata, għal test wieħed (i), imqarrba għal żewġ pożizzjonijiet deċimali;

CR,i hija l-prestazzjoni tat-tindif tal-magna tal-ħasil tal-platti ta’ referenza għal test wieħed (i), imqarrba għal żewġ pożizzjonijiet deċimali;

n huwa n-numru ta’ testijiet.

3.   INDIĊI TAL-PRESTAZZJONI TAT-TNIXXIF

Għall-kalkolu tal-indiċi tal-prestazzjoni tat-tnixxif (ID) ta’ mudell ta’ magna tal-ħasil tal-platti domestika, il-prestazzjoni tat-tnixxif tal-programm eco titqabbel mal-prestazzjoni tat-tnixxif tal-magna tal-ħasil tal-platti ta’ referenza.

L-ID jiġi kkalkulat kif ġej, u jitqarreb għal żewġ pożizzjonijiet deċimali:

ID = exp (ln ID)

u

Formula

fejn:

ID,i huwa l-indiċi tal-prestazzjoni tat-tnixxif tal-programm eco tal-magna tal-ħasil tal-platti domestika li tkun qed tiġi ttestjata, għal test wieħed (i);

n huwa n-numru ta’ testijiet kombinati tat-tindif u tat-tnixxif.

L-ID,i jiġi kkalkulat kif ġej, u jitqarreb għal żewġ pożizzjonijiet deċimali:

ln ID,i = ln (DT,i/DR,t)

fejn:

DT,i huwa l-punteġġ medju tal-prestazzjoni tat-tnixxif tal-programm eco tal-magna tal-ħasil tal-platti domestika li tkun qed tiġi ttestjata, għal test wieħed (i), imqarreb għal żewġ pożizzjonijiet deċimali;

DR,t huwa l-punteġġ mira tat-tnixxif tal-magna tal-ħasil tal-platti ta’ referenza, imqarreb għal żewġ pożizzjonijiet deċimali.

4.   MODALITAJIET B’KONSUM BAXX

Il-konsum tal-enerġija tal-modalità mitfi (Po), tal-modalità standby (Psm) u, fejn applikabbli, tal-modalità bidu differit (Pds). Il-valuri mkejla huma espressi f’W u mqarrba għal żewġ pożizzjonijiet deċimali.

Matul il-kejl tal-konsum tal-enerġija fil-modalitajiet b’konsum tal-enerġija baxx, għandhom jiġu ċċekkjati u rreġistrati dawn li ġejjin:

il-wiri ta’ informazzjoni, jew in-nuqqas tiegħu;

l-attivazzjoni ta’ konnessjoni tan-netwerk, jew in-nuqqas tagħha.


ANNESS IV

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

It-tolleranzi tal-verifika definiti f’dan l-Anness huma marbutin biss mal-verifika tal-parametri ddikjarati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti l-valuri inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew għall-interpretazzjoni ta’ dawn il-valuri bl-għan li tinkiseb il-konformità jew biex tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar bi kwalunkwe mezz.

Meta mudell ikun ġie ddisinjat biex ikun kapaċi jinduna li qed jiġi ttestjat (eż. billi jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tat-test jew iċ-ċiklu tat-test), u biex jirreaġixxi b’mod speċifiku billi jbiddel awtomatikament il-prestazzjoni tiegħu matul it-test bl-objettiv li jintlaħaq livell aktar favorevoli għal kull wieħed mill-parametri speċifikati f’dan ir-Regolament jew inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew f’xi dokumentazzjoni pprovduta, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi.

Meta tkun qed tiġi vverifikata l-konformità ta’ mudell tal-prodott mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw din il-proċedura li ġejja:

(1)

l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw unità waħda tal-mudell;

(2)

il-mudell għandu jitqies bħala konformi mar-rekwiżiti applikabbli, jekk:

(a)

il-valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika skont il-punt (2) tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE (il-valuri dikjarati) u, meta applikabbli, il-valuri użati għall-kalkolu ta’ dawn il-valuri, ma jkunux aktar favorevoli għall-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat milli jkunu r-riżultati tal-kejl korrispondenti mwettaq skont il-paragrafu (g) tiegħu; u

(b)

il-valuri dikjarati jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, u kull informazzjoni meħtieġa dwar il-prodott li jippubblikaw il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ma jkunx fiha valuri aktar favorevoli għall-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat mill-valuri dikjarati; u

(c)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiċċekkjaw l-unità tal-mudell, huma jsibu li l-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ikun implimenta sistema li tikkonforma mar-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6; u

(d)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiċċekkjaw l-unità tal-mudell, din tikkonforma mar-rekwiżiti tal-programmi tal-punt 1, mar-rekwiżiti dwar l-aspetti ta’ effiċjenza fir-riżorsi tal-punt 5 u mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-punt 6 tal-Anness II; u

(e)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri ddeterminati (il-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejla waqt it-testijiet u l-valuri kkalkulati minn dan il-kejl) ikunu konformi mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1;

(3)

jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punti (2)(a), (b), (c) jew (d), il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma’ dan ir-Regolament;

(4)

jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt (2)(e), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet oħra tal-istess mudell biex jiġu ttestjati. B’mod alternattiv, it-tliet unitajiet l-oħra magħżula jistgħu jkunu ta’ mudell(i) ekwivalenti;

(5)

il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għal dawn it-tliet unitajiet, il-medja aritmetika tal-valuri ddeterminati tkun fi ħdan it-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1;

(6)

jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt (5), il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma’ dan ir-Regolament;

(7)

meta tittieħed id-deċiżjoni tan-nuqqas ta’ konformità tal-mudell skont il-punti (3) jew (6), l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu stabbiliti fl-Anness III.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 1 u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti 1 sa 7 għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness. Għall-parametri tat-Tabella 1, ma għandha tiġi applikata l-ebda tolleranza oħra, lanqas dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew fi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kejl.

Tabella 1

Tolleranzi tal-verifika

Parametru

Tolleranzi tal-verifika

Il-konsum tal-enerġija tal-programm eco (EPEC)

Il-valur iddeterminat (*1) ma għandux ikun ogħla mill-valur EPEC dikjarat b’iktar minn 5 %.

Il-konsum tal-ilma tal-programm eco (EPWC)

Il-valur iddeterminat (*1) ma għandux ikun ogħla mill-valur EPWC dikjarat b’iktar minn 5 %.

Indiċi tal-prestazzjoni tat-tindif (IC)

Il-valur iddeterminat (*1) ma għandux ikun inqas mill-valur IC dikjarat b’aktar minn 14 %.

Indiċi tal-prestazzjoni tat-tnixxif (ID)

Il-valur iddeterminat (*1) ma għandux ikun inqas mill-valur ID dikjarat b’aktar minn 12 %.

Durata tal-programm (Tt)

Il-valur iddeterminat (*1) ma għandux ikun akbar mill-valur dikjarat b’aktar minn 5 % jew 10 minuti, skont liema jkun l-itwal.

Il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi (Po)

Il-valur iddeterminat (*1) għall-konsum tal-enerġija Po ma għandux ikun ogħla mill-valur dikjarat b’iktar minn 0,10 W.

Il-konsum tal-enerġija elettrika fil-modalità standby (Psm)

Il-valur iddeterminat (*1) għall-konsum tal-enerġija, Psm ma għandux ikun ogħla mill-valur dikjarat b’aktar minn 10 % jekk il-valur dikjarat ikun ogħla minn 1,00 W, jew b’aktar minn 0,10 W jekk il-valur dikjarat ikun inqas minn jew ugwali għal 1,00 W.

Il-konsum tal-enerġija elettrika fil-modalità bidu differit (Pds)

Il-valur iddeterminat (*1) għall-konsum tal-enerġija, Pds ma għandux ikun ogħla mill-valur dikjarat b’aktar minn 10 % jekk il-valur dikjarat ikun ogħla minn 1,00 W, jew b’aktar minn 0,10 W jekk il-valur dikjarat ikun inqas minn jew ugwali għal 1,00 W.


(*1)  Fil-każ ta’ ttestjar ta’ tliet unitajiet addizzjonali skont kif preskritt fil-punt 4, il-valur iddeterminat ifisser il-medja aritmetika tal-valuri ddeterminati għal dawn it-tliet unitajiet addizzjonali.


ANNESS V

Parametri referenzjarji

1.   PARAMETRI REFERENZJARJI INDIKATTIVI GĦALL-MAGNI TAL-ĦASIL TAL-PLATTI DOMESTIĊI FIR-RIGWARD TAL-KONSUM TAL-ILMA U TAL-ENERĠIJA, L-EMISSJONIJIET TA’ STORBJU AKUSTIKU FL-ARJA U D-DURATA TAL-PROGRAMM

Fiż-żmien li dan ir-Regolament daħal fis-seħħ, ġie ddeterminat li l-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq tal-magni domestiċi tal-ħasil tal-platti f’termini tal-effiċjenza enerġetika, tal-konsum tal-enerġija u tal-ilma, tal-emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja u tad-durata tal-programm eco kienet din li tidher hawn taħt:

(1)

magni tal-ħasil tal-platti domestiċi b’kapaċità ta’ 14-il sett individwali (mingħajr teknoloġija tal-pompa tas-sħana):

(a)

konsum tal-elettriku: 0,67 kWh/ċiklu;

(b)

konsum tal-ilma: 9,9 L/ċiklu;

(c)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja: 44 dB(A);

(d)

durata tal-programm: 222 minuta (3 sigħat u 42 minuta);

(2)

magni tal-ħasil tal-platti domestiċi b’kapaċità ta’ 13-il sett individwali (b’teknoloġija tal-pompa tas-sħana):

(a)

konsum tal-elettriku: 0,55 kWh/ċiklu;

(b)

konsum tal-ilma: 8,8 L/ċiklu;

(c)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja: 46 dB(A);

(d)

durata tal-programm: 295 minuta (4 sigħat u 55 minuta);

(3)

magni tal-ħasil tal-platti domestiċi b’kapaċità ta’ 10 settijiet individwali:

(a)

konsum tal-elettriku: 0,66 kWh/ċiklu;

(b)

konsum tal-ilma: 9,5 L/ċiklu;

(c)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja: 44 dB(A);

(d)

durata tal-programm: 195 minuta (3 sigħat u 15 minuta);

(4)

magni tal-ħasil tal-platti domestiċi b’kapaċità ta’ 6 settijiet individwali:

(a)

konsum tal-elettriku: 0,62 kWh/ċiklu;

(b)

konsum tal-ilma: 8,0 L/ċiklu;

(c)

emissjonijiet ta’ storbju akustiku fl-arja: 48 dB(A);

(d)

durata tal-programm: 225 minuta (3 sigħat u 45 minuta).

2.   PARAMETRI REFERENZJARJI INDIKATTIVI GĦALL-MAGNI TAL-ĦASIL TAL-PLATTI DOMESTIĊI RIGWARD IL-KONSUM TAL-ENERĠIJA FIL-MODALITAJIET B’KONSUM TAL-ENERĠIJA BAXX

Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi f’termini tal-konsum tagħhom tal-enerġija fil-modalitajiet b’konsum tal-enerġija baxx kienet din li tidher hawn taħt:

(1)

modalità standby: 0,20 W;

(2)

kundizzjoni ta’ standby man-netwerk: Ethernet 0,60 W, Wi-Fi 0,70 W.