29.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/72


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1981

tat-28 ta’ Novembru 2019

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 fir-rigward tal-listi ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni Ewropea tal-bebbux, tal-ġelatina u tal-kollaġen maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, fost l-oħrajn, tas-sikurezza tal-ikel fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni. B’mod partikolari, jipprevedi li ċerti annimali u oġġetti jridu jidħlu fl-Unjoni biss minn pajjiż terz jew minn reġjun tiegħu li jidher f’lista mfassla mill-Kummissjoni għal dan il-għan.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/625 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom biex jiġi żgurat li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti mir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 jew mar-rekwiżiti rikonoxxuti li huma tal-inqas ekwivalenti. L-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/625 jistabbilixxi r-regoli dwar ċerti annimali u oġġetti li huma meħtieġa li jiġu biss minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 126(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625. Ir-rekwiżiti għall-inklużjoni fil-lista huma stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/625, flimkien mar-rekwiżiti aktar ġenerali għall-inklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/626 (3) jistabbilixxi jew jirreferi għal listi ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/625 u l-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

(4)

L-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 jawtorizza d-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ bebbux, kif definit fil-punt 6.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 (4), taħt ċerti kundizzjonijiet, sakemm tali kunsinni jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom elenkati fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626.

(5)

Skont l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, prodotti li joriġinaw mill-annimali, inkluż speċijiet oħra ta’ bebbux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, jistgħu jiġu importati fl-Unjoni biss jekk il-pajjiż terz jew ir-reġjuni tiegħu jidhru fuq lista stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626.

(6)

Sakemm dan l-elenkar iseħħ skont ir-Regolament (UE) 2019/626, l-importazzjonijiet ta’ tali bebbux huma permessi skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/185 (5), li jipprovdi deroga li tikkonċerna r-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u li japplika sal-31 ta’ Diċembru 2020. Huwa xieraq li dawn l-ispeċijiet ta’ bebbux jiġu inklużi fil-lista’ ta’ pajjiżi terzi u reġjuni tagħhom stabbilita fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fil-kummerċ wara l-31 ta’ Diċembru 2020.

(7)

Fil-31 ta’ Jannar 2019, l-Armenja talbet li tiġi inkluża fil-lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-Istati Membri jridu jawtorizzaw l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ bebbux maħsub għall-konsum mill-bniedem. L-Armenja pprovdiet garanziji dwar il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/625, sabiex tingħata awtorizzazzjoni għad-dħul fl-Unjoni tal-bebbux. Jenħtieġ għalhekk li l-Armenja tiġi inkluża fil-lista ta’ pajjiżi terzi u reġjuni tagħhom li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni tal-bebbux, stabbilita fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626.

(8)

L-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 jirreferi għal-listi ta’ pajjiżi terzi u reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni tal-ġelatina u tal-kollaġen. L-Artikolu 14 jirrestrinġi d-dħul fl-Unjoni tal-ġelatina u tal-kollaġen derivati minn annimali bovini, ovini, kaprini, porċini u ekwini, u mill-pollam, biss għall-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom li huma awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ laħam frisk ta’ ċerti speċijiet ta’ annimali ungulati u ta’ laħam tal-pollam.

(9)

L-Artikolu 14 jirrestrinġi wkoll id-dħul fl-Unjoni ta’ ġelatina u kollaġen bħal dawn abbażi tar-restrizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali applikabbli għal-laħam frisk. Dawn ir-restrizzjonijiet tal-aħħar mhumiex xierqa minħabba li l-proċess ta’ produzzjoni tal-ġelatina u tal-kollaġen jeskludi l-preżenza ta’ tali perikli tas-saħħa tal-annimali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi applikat approċċ inqas strett għad-dħul fl-Unjoni tal-ġelatina u tal-kollaġen minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li jkun ibbażat biss fuq il-konformità mar-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali u oġġetti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625 u fir-Regolament Delegat (UE) 2019/625.

(10)

L-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 jirreferi għal-lista ta’ pajjiżi terzi u reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ insetti. Dan l-Artikolu jirreferi għal pajjiżi terzi u reġjuni tagħhom li minnhom ġew awtorizzati l-insetti skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u li huma elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 (7). Madankollu, l-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 ma jipprevedix speċifikament biex jiġu identifikati l-pajjiżi u r-reġjuni tagħhom li għandhom tali awtorizzazzjoni. Għalhekk, huwa xieraq li jsir riferiment għal lista konkreta ta’ pajjiżi terzi u reġjuni tagħhom li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ dawn l-insetti f’Anness speċifiku tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626. Il-pajjiżi terzi u r-reġjuni tagħhom jenħtieġ li jingħataw awtorizzazzjoni għad-dħul fl-Unjoni tal-insetti u jiġu elenkati fil-lista biss jekk jipprovdu biżżejjed garanziji li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 127(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/625.

(11)

Fit-8 ta’ Ottubru 2019, il-Kanada pprovdiet biżżejjed garanziji biex tkun awtorizzata għad-dħul fl-Unjoni ta’ insetti.

(12)

Fit-28 ta’ Awwissu 2019, l-Iżvizzera pprovdiet biżżejjed garanziji biex tkun awtorizzata għad-dħul fl-Unjoni ta’ insetti.

(13)

Fil-11 ta’ Settembru 2019, il-Korea t’Isfel pprovdiet biżżejjed garanziji biex tkun awtorizzata għad-dħul fl-Unjoni ta’ insetti.

(14)

Jenħtieġ għalhekk li l-Kanada, l-Iżvizzera u l-Korea t’Isfel jiġu elenkati bħala awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ insetti u l-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(15)

Billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 japplika b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll minn dik id-data sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fil-kummerċ, b’mod partikolari fid-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni tal-ġelatina u tal-kollaġen.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/626 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-punt 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(17)

“bebbux” tfisser bebbux kif definit fil-punt 6.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u kull speċi oħra ta’ bebbux tal-familja ta’ Helicidae, Hygromiidae jew Sphincterochilidae, maħsuba għall-konsum mill-bniedem”

(2)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Lista ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni tal-bebbux

Il-kunsinni tal-bebbux maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni biss jekk jiġu minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li huma elenkati fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.”

(3)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.

Il-kunsinni tal-ġelatina u tal-kollaġen derivati minn annimali bovini, ovini, kaprini, porċini u ekwini, maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni biss jekk dawn jiġu mill-pajjiżi terzi elenkati fil-kolonna 1 tal-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jew mill-Korea t’Isfel, mill-Malasja, mill-Pakistan jew mit-Tajwan.

2.

Il-kunsinni tal-ġelatina u tal-kollaġen derivati minn pollam maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni biss jekk dawn jiġu mill-pajjiżi terzi elenkati fil-kolonna 1 tat-tabella fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008, jew mit-Tajwan”

(4)

L-Artikolu 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni tal-insetti

Il-kunsinni tal-insetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni biss jekk tali prodotti tal-ikel ikunu oriġinaw u jkunu ġew kunsinnati minn pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom, elenkati fl-Anness IIIa ta’ dan ir-Regolament.”

(5)

L-Annessi huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/625 tal-4 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 18).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/626 tal-5 ta’ Marzu 2019 li jikkonċerna listi ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti annimali u oġġetti maħsuba għall-konsum mill-bniedem, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/759 fir-rigward ta’ dawn il-listi (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 31).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/185 tat-2 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 29, 3.2.2017, p. 21).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).


ANNESS

L-Annessi għar-Regolament (UE) 2019/626 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness III, tiddaħħal l-entrata li ġejja bejn l-entrata tal-Albanija u l-entrata tal-Angola:

“AM

L-Armenja”

 

(2)

jiddaħħal l-Anness IIIa li ġej:

“ANNESS IIIa

Lista ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ insetti, imsemmija fl-Artikolu 20

Kodiċi ISO tal-pajjiż

Pajjiż terz jew reġjuni tiegħu

Rimarki

CA

Il-Kanada

 

CH

L-Iżvizzera

 

KR

Il-Korea t’Isfel”