18.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1916

tal-15 ta’ Novembru 2019

li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-użu ta’ tagħmir ajrudinamiku ta’ wara skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8b(4) tagħha,

Billi:

(1)

It-titjib fil-prestazzjoni ajrudinamika tal-vetturi għandu potenzjal sinifikanti li jnaqqas il-konsum tal-fjuwil u b’hekk jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Madankollu, ma jistax isir titjib sinifikanti fil-prestazzjoni ajrudinamika tal-vetturi sakemm id-dimensjonijiet awtorizzati tal-vetturi tat-triq, inkluż it-tagħmir ajrudinamiku, ma jkunux jippermettu dan. Għalhekk ġiet emendata d-Direttiva 96/53/KE biex tkun tipprovdi derogi għat-tul massimu awtorizzat tal-vetturi, fuq quddiem u fuq wara, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet.

(2)

Biex tkun żgurata s-sikurezza tat-tagħmir ajrudinamiku ta’ wara li jkun jista’ jiġi rtirat jew jintewa, jenħtieġ jiġu speċifikati s-sitwazzjonijiet meta jkun jista’ jintuża, jew jingħalaq, dan it-tagħmir, b’mod partikolari, fir-rigward tal-qrubija ta’ utenti oħra tat-triq, il-karatteristiċi speċjali taż-żona u l-limiti tal-veloċità. Jenħtieġ ikun żgurat li t-tagħmir ajrudinamiku ta’ wara li jkun jista’ jiġi rtirat jew jintewa, ikun kompatibbli ma’ operazzjonijiet tat-trasport intermodali, b’mod partikolari waqt l-immanuvrar fuq jew ’il barra mill-unitajiet tat-trasport intermodali u biex ikun jiftaħ għall-forzi tar-riħ meta jkun qed jiġi trasportat fuq dawn l-unitajiet.

(3)

Jenħtieġ jiġi nnotat ukoll li l-vetturi jew il-kombinazzjonijiet tal-vetturi mmuntati b’tagħmir ajrudinamiku ta’ wara jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 96/53/KE, u b’mod partikolari ma’ dawk relatati maċ-ċirku stabbilit fil-punt 1.5 tal-Anness I tagħha.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10i(2) tad-Direttiva 96/53/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-użu ta’ tagħmir ajrudinamiku ta’ wara mmuntat fuq vetturi u kombinazzjonijiet ta’ vetturi skont id-Direttiva 96/53/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“tagħmir” tfisser tagħmir ajrudinamiku mmuntat fuq wara ta’ vetturi jew ta’ kombinazzjonijiet ta’ vetturi;

(b)

“pożizzjoni ta’ waqt l-użu” tfisser il-pożizzjoni ta’ tagħmir skjerat f’pożizzjoni ajrudinamika li tnaqqas il-frizzjoni;

(c)

“pożizzjoni magħluqa” tfisser il-pożizzjoni ta’ tagħmir f’pożizzjoni li jkun jista’ jiġi rtirat jew jintewa, b’mod li jkun sigur u sikur.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet operattivi

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi jew ta’ kombinazzjonijiet ta’ vetturi mgħammra b’tagħmir fil-pożizzjoni ta’ waqt l-użu f’żoni urbani jew interurbani, meta dan ikun meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali ta’ dawn iż-żoni, b’mod partikolari fejn il-limiti tal-veloċità jkunu 50 km/h jew anqas u fejn jaf ikun hemm utenti tat-triq vulnerabbli.

2.   It-tagħmir għandu jkun fil-pożizzjoni magħluqa meta jew fejn ikun hemm bżonn ċertu attenzjoni jew kunsiderazzjoni speċjali. Dan jiġifieri:

(a)

waqt l-immanuvrar, l-irriversjar jew l-ipparkjar tal-vettura;

(b)

meta l-vettura tkun ipparkjata;

(c)

waqt li jkunu qed jgħabbu jew iħottu xi oġġetti.

3.   L-użu tat-tagħmir fl-operazzjonijiet tat-trasport intermodali għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

waqt it-tħejjija tat-trasport intermodali jew waqt it-trasport innifsu, it-tagħmir għandu jkun fil-pożizzjoni magħluqa;

(b)

it-tagħmir ma għandux jisporġi ’l barra b’aktar minn 25 mm fuq kull naħa tal-vettura u l-wisa’ totali tal-vettura, inkluż it-tagħmir, ma għandhiex tkun aktar minn 2 600 mm;

4.   It-tagħmir difettuż, mhux sikur jew bil-ħsara għandu jinżamm fil-pożizzjoni magħluqa jew, meta possibbli, jitneħħa minnufih.

5.   B’eċċezzjoni għall-paragrafi 2 u 3(a), it-tagħmir mhuwiex meħtieġ li jkun fil-pożizzjoni magħluqa jekk, skont il-punt 1.3.1.1.3 tal-Parti B, il-punt 1.3.1.1.3 tal-Parti C, u l-punt 1.4.1.1.3 tal-Parti D tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1230/2012, ma jkunx meħtieġ li dan it-tagħmir irid ikun jista’ jiġi rtirat jew irid ikun jista’ jintewa, billi jkunu qed jiġu ssodisfati r-rekwiżiti dimensjonali massimi fil-kundizzjonijiet kollha.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59.