8.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/50


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1873

tas-7 ta’ Novembru 2019

dwar il-proċeduri fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera għat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati mill-awtoritajiet kompetenti fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti komposti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 65(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament (UE) 2017/625 ċerti kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti jkunu soġġetti għal kontrolli sistematiċi fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera qabel ma jidħlu fl-Unjoni.

(2)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 65(4) tar-Regolament (UE) 2017/625, f’każ ta’ suspett ta’ prattiki frodulenti jew qarrieqa minn xi operatur jew fil-każ ta’ ksur serju jew repetut tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-kontrolli uffiċjali fuq kunsinni bl-istess użu jew oriġini mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera jiġu intensifikati. Skont l-Artikolu 65(5) tar-Regolament (UE) 2017/625, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu tali kontrolli intensifikati trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) imsemmija fl-Artikolu 131 ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat għat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati fuq ċerti oġġetti li jidħlu fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri dettaljati għat-twettiq koordinat ta’ dawk il-kontrolli, inklużi regoli dwar ir-rwol tal-IMSOC f’dan ir-rigward. Għal raġunijiet prattiċi, jenħtieġ li t-twettiq koordinat tal-kontrolli intensifikati fuq il-fruntiera jkun limitat għall-kategoriji ta’ kunsinni li għalihom ikun hemm stabbiliment tal-oriġini elenkat identifikabbli, jiġifieri l-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti komposti.

(4)

Meta tirċievi notifiki mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-Artikolu 65(5) tar-Regolament (UE) 2017/625, jenħtieġ li l-Kummissjoni b’mod partikolari tivvaluta jekk in-nonkonformità hijiex ibbażata fuq suspett ta’ prattiki frodulenti jew qarrieqa jew dwar ksur potenzjalment serju jew repetut tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, pereżempju t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li fihom livelli ta’ kontaminanti jew residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji li jaqbżu l-limitu massimu ta’ residwi, jew ta’ prodotti li ma jikkonformawx mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (2).

(5)

Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ prattiki frodulenti jew qarrieqa permezz tal-preżentazzjoni ta’ kunsinni żgħar għall-kontrolli uffiċjali, jenħtieġ li l-piż totali tal-kunsinni konformi li huma meħtieġa biex jintemm it-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati jammonta għal minn tal-inqas għaxar darbiet il-piż tal-kunsinna li inizjalment kienet skattat il-miżura. Madankollu, sabiex jiġi evitat piż amministrattiv u finanzjarju inaċċettabbli għall-awtoritajiet kompetenti u għall-operaturi, jenħtieġ li jiġi stabbilit piż totali massimu tal-kunsinni konformi li huma meħtieġa biex jintemm it-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati.

(6)

Jekk, matul it-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati, tliet kunsinni li jidħlu fl-Unjoni jiżvelaw l-istess tip ta’ ksur indikat fin-notifika f’konformità mal-Artikolu 65(5) tar-Regolament (UE) 2017/625, jenħtieġ li t-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati jinżamm sakemm ir-riżultati tiegħu u l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati jkunu sodisfaċenti. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi jwettqu l-investigazzjonijiet u l-miżuri meħtieġa sabiex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata fl-istabbiliment tal-oriġini u jirrapportaw kollox mill-ġdid lill-Kummissjoni.

(7)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza tas-sistema ta’ kontroll, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jeskludu ċerti kunsinni mit-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati, f’każijiet fejn il-kunsinni ma jitħallewx jiddaħħlu fl-Unjoni għal raġunijiet għajr il-ksur li għalih jitwettqu l-kontrolli uffiċjali intensifikati u koordinati.

(8)

Billi r-Regolament (UE) 2017/625 jibda japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019, jenħtieġ li dan ir-Regolament ukoll jibda japplika minn dik id-data.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistipula r-regoli marbuta mal-proċeduri fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera għat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati mill-awtoritajiet kompetenti fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti komposti li jkunu se jiddaħħlu fl-Unjoni għat-tqegħid fis-suq.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, “stabbiliment tal-oriġini” tfisser l-istabbiliment tal-oriġini f’pajjiż terz, inkluż bastimenti ta’ pajjiżi terzi, li jidhru fuq listi mfassla rigward l-esportazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti komposti lejn l-Unjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 3

Skattar tat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati

1.   Meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-IMSOC bid-deċiżjoni tagħhom f’konformità mal-Artikolu 65(5) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw l-istabbiliment tal-oriġini, il-kategorija ta’ oġġetti, inkluż deskrizzjoni u l-kodiċi tagħhom min-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (3), u l-ksur li għalih irid isir it-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati.

2.   Wara li tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ġewx issodisfati:

(a)

in-notifika tkun ibbażata fuq suspetti ta’ prattiki frodulenti jew qarrieqa, jew fuq ksur potenzjalment serju jew repetut tar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(b)

in-notifika tkun relatata ma’ azzjoni jew ma’ ommissjoni li għaliha jkun responsabbli l-istabbiliment tal-oriġini tal-kunsinna kkonċernata;

(c)

l-kunsinna kkonċernata ma tkunx diġà soġġetta għat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati f’konformità ma’ dan ir-Regolament; u

(d)

il-kunsinna kkonċernata ma tkunx soġġetta għal miżuri ta’ emerġenza adottati f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew mal-Artikolu 261 tar-Regolament (UE) 2016/429 (5), jew għal miżuri speċjali adottati f’konformità mal-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2017/625, għall-istess ksur bħal dak indikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-eżitu tal-valutazzjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 2 fl-IMSOC.

4.   Fejn l-eżitu tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jindika li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu ġew issodisfati, l-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fl-Istati Membri kollha għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali intensifikati u koordinati.

Artikolu 4

Proċeduri għat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati

1.   L-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fl-Istati Membri kollha għandhom iwettqu l-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi msemmija fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2017/625 fuq kull kunsinna li tkun ġejja mill-istess stabbiliment tal-oriġini u li jkun fiha l-istess kategorija ta’ oġġetti, għall-istess tip ta’ ksur, kif indikat fl-IMSOC f’konformità mal-Artikolu 3(1).

2.   Għall-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1, il-kunsinni għandhom jintgħażlu abbażi tal-kodiċijiet min-Nomenklatura Magħquda indikata fl-IMSOC f’konformità mal-Artikolu 3(1).

3.   Fejn dawn il-kodiċijiet ma jkunux speċifiċi biżżejjed biex il-kategorija ta’ oġġetti tiġi identifikata sew, l-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera għandhom jgħaddu biss lill-kunsinni magħżula abbażi ta’ dawn il-kodiċijiet mit-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati jekk jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tal-oġġetti indikata f’konformità mal-Artikolu 3(1).

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreġistraw fl-IMSOC ir-raġunijiet għalfejn kunsinna magħżula ma tkunx ġiet soġġetta għat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati f’konformità mal-paragrafu 3.

Artikolu 5

Verifiki imposti

1.   Jekk matul it-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati, tliet kunsinni li jidħlu fl-Unjoni jiżvelaw l-istess tip ta’ ksur indikat fin-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni għandha titlob lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, li fih jinsab l-istabbiliment tal-oriġini tal-kunsinni mhux konformi, biex:

(a)

tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji biex tidentifika r-raġunijiet għalfejn sar il-ksur (“verifiki imposti”);

(b)

tadotta pjan ta’ azzjoni fir-rigward tal-istabbiliment tal-oriġini sabiex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata b’mod effettiv; u

(c)

tirrapporta kollox mill-ġdid rigward l-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b), inklużi r-riżultati tal-pjan ta’ azzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib ir-riżultati tal-verifiki imposti u tal-pjan ta’ azzjoni u tieħu azzjoni ulterjuri, inkluż miżuri f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u mal-Artikolu 127(4) tar-Regolament (UE) 2017/625, meta:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ma tiħux azzjoni xierqa biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata b’mod effettiv; jew

(b)

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkomplu jinnotifikaw riżultati mhux sodisfaċenti tat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati.

Artikolu 6

Tmiem it-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati

1.   It-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati għandu jintemm fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tirtira n-notifika tagħha msemmija fl-Artikolu 3(1) u tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan permezz tal-IMSOC, filwaqt li tindika r-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha; jew

(b)

meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

(i)

tkun ġiet irreġistrata sekwenza mhux interrotta ta’ minn tal-inqas għaxar riżultati sodisfaċenti fit-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati fl-IMSOC mill-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-Istati Membri; u

(ii)

il-piż totali tal-kunsinni msemmija fil-punt (i) jilħaq minn tal-inqas għaxar darbiet il-piż tal-kunsinna li għaliha tirreferi n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1), jew piż nett ta’ 300 tunnellata, skont liema minnhom ikun l-iktar baxx.

2.   Madankollu, fejn il-Kummissjoni tkun talbet li jsiru verifiki imposti f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 5(1), it-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati għandu jintemm meta:

(a)

tkun ġiet irreġistrata sekwenza mhux interrotta ta’ minn tal-inqas 30 riżultat sodisfaċenti fit-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati fl-IMSOC mill-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-Istati Membri; u

(b)

l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz tkun adottat pjan ta’ azzjoni sodisfaċenti f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 5(1).

Artikolu 7

Spejjeż tat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati

L-ispejjeż tat-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati għandhom jiġġarrbu mill-operatur responsabbli għall-kunsinni li jkunu soġġetti għal dawk il-kontrolli.

Artikolu 8

Kunsinni esklużi mit-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeskludu kunsinna mit-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati, jekk id-dħul tal-kunsinna fl-Unjoni jkun se jiġi rrifjutat f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, għal raġunijiet differenti mill-ksur li għalih jitwettqu l-kontrolli uffiċjali intensifikati u koordinati.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreġistraw fl-IMSOC ir-raġunijiet għalfejn kunsinna ġiet eskluża mit-twettiq koordinat tal-kontrolli uffiċjali intensifikati f’konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).