|
8.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 289/37 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1870
tas-7 ta’ Novembru 2019
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta’ aċidu eruċiku u ċjanur tal-idroġenu f’ċerti oġġetti tal-ikel
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel, inkluż l-aċidu eruċiku f’ċerti oġġetti tal-ikel. |
|
(2) |
Fl-21 ta’ Settembru 2016, il-Bord dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni xjentifika dwar l-aċidu eruċiku fl-għalf u fl-ikel (3). L-EFSA stabbiliet doża tollerabbli ta’ kuljum (TDI) ta’ 7 mg/kg ta’ piż tal-ġisem (bw) kuljum għall-aċidu eruċiku. L-ogħla livelli ta’ esponiment dijetetiku ġew osservati fit-trabi u fi tfal oħra b’livelli ta’ esponiment ogħla mit-TDI. Dan jista’ jindika riskju għall-individwi ta’ età żgħira b’esponiment għoli għall-aċidu eruċiku. |
|
(3) |
Id-data dwar il-preżenza tal-aċidu eruċiku fiż-żjut u fix-xaħmijiet tindika li għall-biċċa l-kbira taż-żjut u tax-xaħmijiet veġetali, jistgħu jinkisbu livelli aktar baxxi permezz tal-applikazzjoni ta’ prattiki tajbin, eż. billi jintużaw varjetajiet b’livell baxx ta’ aċidu eruċiku. Għaldaqstant, huwa xieraq li jitnaqqas il-livell massimu għaż-żjut veġetali, bl-eċċezzjoni taż-żejt tal-camelina, taż-żejt tal-mustarda u taż-żejt tal-fidloqqom, sal-livell stabbilit mill-Codex Alimentarius għaż-żejt tal-kolza b’livell ta’ aċidu eruċiku baxx (4). |
|
(4) |
Għaż-żejt tal-camelina, għaż-żejt tal-mustarda u għaż-żejt tal-fidloqqom ġiet ipprovduta evidenza li turi li mhuwiex possibbli li jintlaħqu livelli aktar baxxi permezz tal-applikazzjoni ta’ prattiki tajba peress li għal dawn l-ispeċijiet m’hemm l-ebda varjetà li minnha jiġu estratti ż-żjut veġetali minn dawn il-pjanti li fiha livelli ta’ aċidu eruċiku aktar baxxi mil-livell massimu propost għaż-żjut veġetali l-oħra. Għaldaqstant u peress li dawn iż-żjut huma ta’ inqas importanza għall-esponiment tal-bniedem minn żjut veġetali oħra, il-livell massimu ta’ aċidu eruċiku fiż-żejt tal-camelina, fiż-żejt tal-mustarda u fiż-żejt tal-fidloqqom jenħtieġ li jibqa’ l-istess. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat l-għeluq ta’ intrapriżi żgħar u mikro f’ċerti Stati Membri, huwa xieraq li ż-żejt tal-mustarda prodott u kkunsmat lokalment fi kwantitajiet żgħar jiġi eżentat mill-applikazzjoni tal-livell massimu, bl-aċċettazzjoni tal-awtorità kompetenti. |
|
(5) |
Peress li l-livell massimu għaż-żjut u x-xaħmijiet veġetali japplika wkoll għaż-żjut veġetali użati bħala ingredjent fl-ikel, m’hemmx bżonn li jiġi stabbilit livell massimu għall-aċidu eruċiku f’ikel li fih żjut u xaħmijiet veġetali miżjuda. |
|
(6) |
Minħabba l-konċentrazzjoni għolja ta’ aċidu eruċiku fil-mustarda hemm riskju ta’ esponiment sinifikanti għall-aċidu eruċiku permezz tal-konsum tal-mustarda. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell massimu ta’ aċidu eruċiku fil-mustarda. |
|
(7) |
Il-livell massimu ta’ aċidu eruċiku fil-formuli tat-trabi u fil-formuli tal-prosegwiment diġà ġie stabbilit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 (5). Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-livell massimu ta’ aċidu eruċiku fil-formuli tat-trabi u fil-formuli tal-prosegwiment li ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jenħtieġ li jitħassar. |
|
(8) |
Fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1237 (6), ma hemm l-ebda unità ta’ kejl stabbilita għal-livell massimu ta’ ċjanur tal-idroġenu. Għaldaqstant, huwa xieraq li dan l-iżball jiġi kkoreġut sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali. |
|
(9) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa kkoreġut skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
L-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima jew sad-data ta’ skadenza tagħhom.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).
(3) EFSA Journal 2016;14(11):4593
(4) Standard għaż-żjut veġetali msemmija (CODEX STAN 210-1999), Codex Alimentarius
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar (ĠU L 25, 2.2.2016, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1237 tas-7 ta’ Lulju 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livell massimu ta’ ċjanur tal-idroġenu fil-lewż tal-berquq mhux ipproċessat sħiħ, mitħun, ikkrekkjat u mqatta’, imqiegħed fis-suq għall-konsumatur finali (ĠU L 177, 8.7.2017, p. 36).
ANNESS I
Fit-Taqsima 8 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, l-entrata 8.1 hija sostitwita b’dan li ġej:
|
Oġġetti tal-Ikel (1) |
Livell massimu (g/kg) |
|
|
“8.1 |
Aċidu eruċiku, inkluż aċidu eruċiku magħqud fix-xaħam |
|
|
8.1.1 |
Żjut u xaħmijiet veġetali mqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali jew għall-użu bħala ingredjent fl-ikel bl-eċċezzjoni taż-żejt tal-camelina, taż-żejt tal-mustarda u taż-żejt tal-fidloqqom |
20.0 |
|
8.1.2. |
Żejt tal-camelina, żejt tal-mustarda (1) u żejt tal-fidloqqom |
50.0 |
|
8.1.3. |
Mustarda (kondiment) |
35.0” |
(1) Bl-aċċettazzjoni mill-awtorità kompetenti, il-livell massimu ma japplikax għaż-żejt tal-mustarda prodott u kkunsmat lokalment.”
ANNESS II
Fit-Taqsima 8 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, l-entrata 8.3 hija sostitwita b’dan li ġej:
|
Oġġetti tal-Ikel (1) |
Livell massimu (mg/kg) |
|
|
“8.3 |
Ċjanur tal-idroġenu, inkluż ċjanur tal-idroġenu magħqud fi glikosidi ċjanoġeniċi |
|
|
8.3.1 |
Lewż tal-berquq mhux ipproċessat sħiħ, mitħun, ikkrekkjat u mqatta’, imqiegħed fis-suq għall-konsumatur finali (1) (2) |
20.0 |
(1) ‘Prodotti mhux proċessati’ kif definita fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).
(2) ‘Tqegħid fis-suq’ u ‘konsumatur finali’ kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1)”.