8.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/9


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1868

tat-28 ta’ Awwissu 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010 sabiex jallinja l-irkantar ta’ kwoti mar-regoli tal-EU ETS għall-perjodu mill-2021 sal-2030 u mal-klassifikazzjoni tal-kwoti bħala strumenti finanzjarji skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3d(3), 10(4) u 10a(8) tagħha,

Billi:

(1)

Mill-2012, il-kwoti tal-emissjonijiet bdew jiġu rkantati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (2). L-irkantar tal-kwoti jsir permezz ta’ pjattaforma ta’ rkantar komuni għal 25 Stat Membru u għal tliet stati tal-EFTA fiż-ŻEE u minn numru żgħar ta’ pjattaformi ta’ esklużjoni.

(2)

Id-Direttiva 2003/87/KE ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) sabiex jissaħħu t-tnaqqisiet kosteffettivi tal-emissjonijiet u l-investimenti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju permezz tal-iskema għan-negozjar tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan l-Unjoni (“EU ETS”) mill-2021. L-irkantar tal-kwoti baqa’ r-regola ġenerali għall-allokazzjoni tal-kwoti li bih is-sehem ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati jenħtieġ li jkun ta’ 57 % mill-kwantità totali ta’ kwoti.

(3)

Xieraq li jiġu inkorporati l-elementi l-ġodda introdotti mid-Direttiva (UE) 2018/410 relatati mad-determinazzjoni tal-volum annwali tal-irkantijiet fir-Regolament (UE) Nru 1031/2010. B’mod partikolari, huwa neċessarju li titqies il-possibbiltà li l-volum tal-irkantijiet jitnaqqas b’sa 3 % mill-kwantità totali ta’ kwoti sabiex jiżdied l-ammont disponibbli għall-allokazzjoni bla ħlas (bafer ta’ allokazzjoni bla ħlas). Barra minn hekk, id-Direttiva riveduta 2003/87/KE tippermetti li jsiru bidliet fil-volumi tal-irkantijiet annwali minħabba: il-kanċellazzjoni volontarja tal-kwoti mill-Istati Membri f’każ ta’ għeluq tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku; l-introduzzjoni mill-ġdid fl-EU ETS ta’ installazzjonijiet li jeħilsu anqas minn 2 500 tunnellata diossidu tal-karbonju; u l-flessibbiltà stabbilita bejn is-setturi tal-ETS u mhux tal-ETS għall-iffaċilitar tal-kisba tal-miri ta’ tnaqqis nazzjonali tal-Istati Membri f’setturi mhux tal-ETS kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Id-Direttiva 2003/87/KE tistabbilixxi l-Fond ta’ Modernizzazzjoni sabiex titjieb l-effiċjenza enerġetika u jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-enerġija ta’ ċerti Stati Membri u l-Fond ta’ Innovazzjoni sabiex jappoġġja l-investimenti f’teknoloġiji innovattivi. Iż-żewġ fondi huma ffinanzjati bl-irkantar tal-kwoti fuq il-pjattaforma ta’ rkantijiet komuni mill-Bank Ewropew tal-Investiment (il-“BEI”). Għal dan l-għan, il-BEI jenħtieġ li jsir l-irkantatur għaż-żewġ fondi mingħajr ma jsir parti mill-proċedura ta’ akkwist konġunt għall-pjattaforma komuni tal-irkant. Il-volumi rilevanti ta’ kwoti jenħtieġ li jiġu rkantati fl-istess irkantijiet bħall-volumi rkantati mill-Istati Membri u mill-istati tal-EFTA taż-ŻEE li jieħdu sehem fil-pjattaforma komuni tal-irkant.

(5)

Fid-dawl tal-istabbiliment tal-Fond ta’ Modernizzazzjoni, id-Direttiva 2003/87/KE tipprevedi li 2 % tal-kwantità totali ta’ kwoti jridu jiġu rkantati u, barra minn hekk, l-Istati Membri eliġibbli jistgħu jżidu kwoti ma’ dan il-fond skont l-Artikoli 10(2)(b) u 10(c) tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-BEI huwa meħtieġ jiżgura li dawk il-kwoti jiġu rkantati skont il-prinċipji u l-modalitajiet tal-proċess ta’ rkantar, fejn it-tqassim ugwali tal-volumi tal-irkant huwa element kruċjali.

(6)

Sabiex jiżguraw id-disponibbiltà tal-fondi għall-innovazzjoni f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u l-funzjonament xieraq tas-suq tal-karbonju, jenħtieġ li l-volumi tal-Fond ta’ Innovazzjoni fil-prinċipju jiġu rkantati f’volumi annwali indaqs. Madankollu, il-Kummissjoni kull sentejn jenħtieġ li tirrieżamina t-tqassim tal-kwoti li jridu jiġu rkantati għall-Fond ta’ Innovazzjoni filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ kull sejħa għal proposti. L-ewwel rieżami jenħtieġ li jsir mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2022.

(7)

Bl-għan li Stat Membru jkun jista’ jikkanċella kwoti mill-volumi tal-irkant tiegħu f’każ ta’ għeluq ta’ kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fit-territorju tiegħu, jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura ta’ notifika. L-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jikkanċella l-kwoti billi juża mudell uniformi li jipprovdi evidenza u informazzjoni dwar l-installazzjoni magħluqa, il-volum fil-mira u t-twaqqit tal-kanċellazzjoni. Sabiex jiġi ppreservat il-funzjonament tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq (l-“MSR”) stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-volum tal-kanċellazzjoni jenħtieġ li jitnaqqas mill-volumi tal-irkant tal-Istat Membru biss wara li jsiru l-aġġustamenti fl-MSR għas-sena rispettiva. Sabiex tiżgura t-trasparenza, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont il-mudell, ħlief meta din l-informazzjoni tkun protetta għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

(8)

Sabiex tissaħħaħ l-integrità tas-suq tal-karbonju, mill-2018 il-kwoti bdew jiġu kklassifikati bħala strumenti finanzjarji mid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Qabel, id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) kienet tirrikonoxxi d-derivattivi ta’ kwoti biss bħala strumenti finanzjarji. Il-klassifikazzjoni l-ġdida ddaħħal in-negozju spot tas-suq sekondarju fil-kwoti fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni, fost l-oħrajn, tad-Direttiva 2014/65/UE, tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Madankollu, il-proċess ta’ rkantar tal-kwoti (is-suq primarju) jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 biss.

(9)

Sabiex l-irkantar tal-kwoti jiġi allinjat mar-reġim regolatorju tas-suq finanzjarju l-ġdid, is-sistema stabbilita għall-monitoraġġ u għar-rapportar tal-irkantijiet jenħtieġ li tiġi riveduta. Minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ġie estiż u japplika wkoll għall-irkantar tal-kwoti, il-funzjonijiet tal-monitoraġġ u tal-prevenzjoni tal-abbuż mis-suq fir-rigward tal-irkantijiet huma responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma meħtieġa bir-Regolament (UE) Nru 596/2014 sabiex jindividwaw u jinvestigaw b’mod attiv l-okkorrenzi ta’ abbuż mis-suq. Il-funzjonijiet neċessarji ta’ monitoraġġ tal-irkantijiet jenħtieġ li jitwettqu mill-pjattaformi tal-irkant, mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu obbligu li jinħatar sorveljatur tal-irkant jenħtieġ li jitħassru. Barra minn hekk, peress li r-Regolament (UE) Nru 596/2014 japplika b’mod dirett għall-irkantijiet, id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-abbuż mis-suq tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 m’għadhomx utli u jenħtieġ li jitħassru.

(10)

Sabiex tiġi pprovduta d-data neċessarja tar-rapportar lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għas-sorveljanza tal-abbuż is-suq b’mod kosteffiċjenti u proporzjonat, ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jenħtieġ li jirrifletti l-obbligi neċessarji ta’ rapportar tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u jagħmilhom applikabbli għall-pjattaformi tal-irkant fir-rigward tar-rapportar dwar it-tranżazzjonijiet tal-irkant. Dan huwa neċessarju peress li r-Regolament (UE) Nru 596/2014 li issa huwa applikabbli għall-irkantijiet, ma jistabbilixxix mekkaniżmu awtonomu ta’ rapportar tat-tranżazzjonijiet, iżda jiddependi mill-ġbir ta’ data skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(11)

Huwa essenzjali li jiġi żgurat proċess tal-akkwist kompetittiv għall-pjattaformi tal-irkant u li l-kriterji rilevanti jkunu stabbiliti kif xieraq. B’rabta mat-tariffi li jridu jitħallsu mill-offerenti li jirnexxu, jenħtieġ li jkun possibbli li jiżdied il-livell massimu kurrenti ta’ tariffi b’mod limitat fejn dan ikun previst mill-proċedura tal-akkwist u l-volumi tal-irkant annwali jitnaqqsu b’aktar minn 200 miljun kwota minħabba l-operazzjoni tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq.

(12)

L-akkwist pubbliku għall-pjattaforma komuni tal-irkant jista’ jipprovdi għall-espansjoni tal-kriterji tal-għażla anki għal swieq regolati fi prodotti tal-enerġija li għadhom ma stabbilixxewx suq sekondarju fil-kwoti ta’ emissjonijiet. F’każ li suq regolat bħal dan jintgħażel sabiex isir pjattaforma tal-irkant, jenħtieġ li dan ikun meħtieġ li tal-anqas jagħmel 60 jum ta’ negozjar qabel l-ewwel irkant. Dan huwa neċessarju sabiex jiġi stabbilit il-prezz tas-suq sekondarju fiż-żmien tal-irkant (il-“prezz ta’ riżerva”) għall-każijiet ta’ kanċellazzjoni tal-irkantijiet, u t-tariffi tal-offerent, li huma marbuta mat-tariffa komparabbli mħallsa fis-suq sekondarju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li jkunu jistgħu jestendu d-durata massima kurrenti ta’ ħames snin tal-kuntratti għal seba’ snin skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (“ir-Regolament Finanzjarju”) f’ċirkustanzi li jkunu diffiċilment prevedibbli minn awtorità kontraenti diliġenti. Sabiex tivverifika l-kundizzjonijiet tas-suq u tħejji l-akkwisti l-ġodda matul id-durata tal-kuntratt, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ twettaq konsultazzjoni preliminari tas-suq skont ir-Regolament Finanzjarju.

(13)

Sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess tal-irkant, l-issettjar tal-volumi annwali tal-irkant jenħtieġ li jsiru aktar flessibbli f’każ li jkun hemm bżonn ta’ bidliet sa 50 000 kwota. Jenħtieġ li kwalunkwe bidla anqas minn dak il-limitu ma twassalx għal bidla fil-volum tal-irkant tas-sena ta’ wara, sakemm Stat Membru ma jitlobx dan b’mod espliċitu. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-proċedura għad-determinazzjoni u għall-pubblikazzjoni tal-kalendarji tal-irkant tiġi ssimplifikata fis-sens li l-Kummissjoni ma tibqax tipprovdi opinjoni dwarha. Madankollu, il-kalendarju tal-irkant jenħtieġ li jiġi ppubblikat wara li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni interna dwar it-tabella tal-irkant li tikkorrispondi għall-kalendarju tal-irkant taħt l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(14)

Sabiex tiġi ssimplifikata l-ħatra mill-ġdid tal-pjattaformi ta’ esklużjoni, jenħtieġ li emenda fl-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 tkun meħtieġa biss għall-elenkar ta’ entitajiet ġodda bħala pjattaformi ta’ esklużjoni, jew għall-elenkar mill-ġdid taħt kundizzjonijiet mibdula. B’hekk, f’każ li l-istess pjattaforma ta’ esklużjoni tinħatar mill-Istat Membru tagħha taħt l-istess kundizzjonijiet, l-elenkar tagħha jenħtieġ li jiġi estiż bl-istess patti u kundizzjonijiet bħall-elenkar inizjali mingħajr emenda għall-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 1031/2010. Jenħtieġ li dan ikun soġġett għal konferma mill-Istat Membru u mill-Kummissjoni li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u l-objettivi tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE huma ssodisfati.

(15)

Sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni ta’ volumi kkanċellati f’każ li jiġu kkanċellati diversi rkanti, jenħtieġ li jsir possibbli li l-volumi kkanċellati jitqassmu b’mod indaqs fl-irkantijiet li jmiss li ma jinkludux volumi kkanċellati minn irkantijiet ikkanċellati qabel.

(16)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

It-titolu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità”.

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassru l-punti (1) u (2);

(b)

il-punti (3) u (4) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“3.

“spot ta’ jumejn” tfisser kwoti rkantati għall-konsenja f’data miftiehma li ma tiġix aktar tard mit-tieni jum ta’ negozjar mill-jum tal-irkant;

4.

“futuri ta’ ħamest ijiem” tfisser kwoti rkantati għall-konsenja f’data miftiehma li ma tiġix aktar tard mill-ħames jum ta’ negozjar mill-jum tal-irkant;”;

(c)

il-punti (8), (9) u (10) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“8.

“ditta ta’l-investiment” għandha l-istess tifsira bħal dik fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

9.

“istituzzjoni ta’ kreditu” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**);

10.

“strument finanzjarju” għandha l-istess tifsira bħal dik fil-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(*)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)."

(**)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).”;"

(d)

il-punti (12), (13) u (14) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“12.

“impriża prinċipali” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

13.

“impriża sussidjarja” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 2(10) tad-Direttiva 2013/34/UE;

14.

“impriża affiljata” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 2(12) tad-Direttiva 2013/34/UE;

(*)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;"

(e)

il-punti (17) sa (19) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“17.

“ħasil tal-flus” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) wara li jitqiesu l-Artikoli 1(4) u (6) ta’ dik id-Direttiva;

18.

“finanzjament tat-terroriżmu” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 wara li jitqies l-Artikolu 1(6) ta’ dik id-Direttiva;

19.

“attività kriminali” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(*)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;"

(f)

il-punt 21 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“21.

“kont tal-kwoti ddeżinjat” tfisser tip wieħed jew aktar ta’ kont ta’ depożitu previst fl-atti delegati applikabbli adottati skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċess tal-irkant jew fit-twettiq tiegħu, inkluża ż-żamma ta’ kwoti għand terzi sakemm ikunu kkonsenjati skont dan ir-Regolament;”;

(g)

il-punti (23) u (24) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“23.

“miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti” għandha l-istess tifsira bħal miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2015/849 u l-miżuri mtejba ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti fl-Artikolu 18, fl-Artikolu 18a u fl-Artikolu 20 b’rabta mal-Artikoli 22 u 23 ta’ dik id-Direttiva;

24.

“sid benefiċjarju” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva (UE) 2015/849;”;

(h)

il-punti (26), (27) u (28) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“26.

“persuna politikament esposta” tfisser l-istess bħal fl-Artikolu 3(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

27.

“abbuż mis-suq” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

28.

“abbuż minn informazzjoni privileġġata” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u kif ipprojbita mill-punti (a) u (b) tal-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament;

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).”;"

(i)

jiddaħħal il-punt (28a) li ġej:

“28a.

“divulgazzjoni illegali ta’ informazzjoni privileġġata” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u kif ipprojbita mill-punt (c) tal-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament;”;

(j)

il-punti (29) u (30) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“29.

“ informazzjoni privileġġata” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

30.

“manipulazzjoni tas-suq” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u kif ipprojbita mill-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament;”;

(k)

il-punt (39) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“39.

“suq regolat” għandha l-istess tifsira bħal dik fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;”;

(l)

jitħassar il-punt (41);

(m)

il-punt (42) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“42.

“operatur tas-suq” għandha l-istess tifsira bħal dik fil-punt (18) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;”;

(n)

fil-punt (43), il-punti (b) u (f) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(b)

l-istess bħal fil-punt (55)(a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE b’kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(4) ta’ dik id-Direttiva għall-finijiet tal-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-Regolament;

(c)

l-istess bħal fil-punt (55)(a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE b’kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(4) ta’ dik id-Direttiva għall-finijiet tal-Artikolu 19(2), fil-każ ta’ persuni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-Regolament;

(d)

l-istess bħal fil-punt (43) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-finijiet tal-Artikolu 19(2), fil-każ ta’ persuni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-Regolament;

(e)

l-istess bħal fil-punt (55)(a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE għall-finijiet tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-Regolament fil-każ ta’ raggruppament ta’ negozji msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-Regolament;

(f)

l-istess bħal fil-punt 55(b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE għall-finijiet tal-Artikolu 35(4), (5) u (6) ta’ dan ir-Regolament;”;

(o)

il-punt (44) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“44.   strateġija ta’ ħruġ tfisser dokument wieħed jew iktar determinati skont il-kuntratti li jaħtru l-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata, li jistipula miżuri dettaljati ppjanati biex jiżgura dawn li ġejjin:“”

(a)

it-trasferiment tal-assi kollha tanġibbli u intanġibbli meħtieġa għall-kontinwazzjoni mingħajr interruzzjoni tal-irkantijiet u l-operat bla xkiel tal-proċess tal-irkant minn suċċessur tal-pjattaforma tal-irkant;

(b)

il-provvista tal-informazzjoni kollha relatata mal-proċess tal-irkant, li hija neċessarja għall-proċedura tal-akkwist għall-ħatra tas-suċċessur tal-pjattaforma tal-irkant;

(c)

il-provvista tal-assistenza teknika li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jew lis-suċċessur tal-pjattaforma tal-irkant jew kwalunkwe taħlita ta’ dawn, jifhmu, jaċċessaw jew jużaw l-informazzjoni rilevanti pprovduta skont il-punti (a) u (b).”.

(3)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu huwa mħassar;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-volum tal-offerti bħala għadd tal-kwoti f’multipli integrali ta’ lottijiet ta’ 500 kwota;”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“5.   Ir-riċevuta, it-trażmissjoni u s-sottomissjoni ta’ offerta minn ditta tal-investiment jew minn istituzzjoni ta’ kreditu fuq kwalunkwe pjattaforma tal-irkant għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu servizz ta’ investiment skont it-tifsira tal-punt (2) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.”.

(4)

Fl-Artikolu 7, il-paragrafi 7 u 8 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“7.   Qabel ma jinbeda rkant, il-pjattaforma tal-irkant għandha tiddetermina l-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, wara li tikkonsulta lill-awtorità kontraenti rilevanti skont l-Artikolu 26(1) jew l-Artikolu 30(5), u tinnotifika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 56.

Bejn żewġ perjodi għall-offerti fuq l-istess pjattaforma tal-irkant, il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata tista’ timmodifika l-metodoloġija. Għandha tinnotifika lill-awtorità kontraenti rilevanti skont l-Artikolu 26(1) jew l-Artikolu 30(5) u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 56 mingħajr dewmien.

Il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata għandha tqis sewwa ħafna l-opinjoni tal-awtorità kontraenti rilevanti, fejn din tkun mogħtija.

8.   Meta jiġi kkanċellat irkant tal-kwoti kopert mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE, il-volum tiegħu għandu jitqassam b’mod indaqs fuq l-erba’ rkantijiet li jmiss skedati fuq l-istess pjattaforma tal-irkant. Meta l-volum tal-Istati Membri minn irkantijiet ikkanċellati ma jkunx jista’ jitqassam b’mod indaqs skont l-ewwel sentenza, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkanta dawk il-kwoti fuq anqas minn erba’ darbiet f’volumi skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

Meta jiġi kkanċellat irkant tal-kwoti kopert mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE, il-volum tiegħu għandu jitqassam b’mod indaqs fuq iż-żewġ irkantijiet li jmiss skedati fuq l-istess pjattaforma tal-irkant. Meta l-volum tal-Istati Membri minn irkantijiet ikkanċellati ma jkunx jista’ jitqassam b’mod indaqs skont is-sentenza preċedenti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirkanta dawn il-kwoti fl-ewwel irkant li jmiss f’volumi skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

Meta jiġi kkanċellat irkant li diġà jinkludi volumi minn irkant ikkanċellat preċedentement, il-volum tiegħu għandu jitqassam skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi mill-ewwel irkant li ma jkunx soġġett għal aġġustamenti oħra minħabba l-kanċellazzjonijiet preċedenti.”.

(5)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafi 3 sa 6 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“3.   F’ċirkustanzi eċċezzjonali, kull pjattaforma tal-irkant tista’, wara li tikkonsulta mal-Kummissjoni, tibdel il-ħinijiet ta’ kwalunkwe perjodu għall-offerti, billi tavża lill-persuni kollha li x’aktarx jintlaqtu. Il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata għandha tqis sewwa ħafna l-opinjoni tal-Kummissjoni, fejn din tkun mogħtija.

4.   Mis-sitt irkant jew qabel, il-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament għandha tmexxi rkantijiet ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE mill-anqas fuq bażi ta’ darba fil-ġimgħa, u rkantijiet ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE mill-anqas fuq bażi ta’ darba kull xahrejn.

L-ebda pjattaforma tal-irkant oħra ma għandha tikkonduċi rkant fi kwalunkwe minn massimu ta’ jumejn fil-ġimgħa li pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) tkun qed tikkonduċi rkant. Fil-każ li l-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) tikkonduċi rkantijiet f’aktar minn jumejn fil-ġimgħa, din għandha tiddetermina u tippubblika f’liema jumejn ma jista’ jseħħ l-ebda rkant ieħor. Għandha tagħmel dan mhux aktar tard minn meta tagħmel id-determinazzjoni u l-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 11.

5.   Il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li għandu jiġi rkantat mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament għandu jitqassam b’mod ugwali bejn l-irkantijiet li jsiru f’sena partikolari, ħlief li volumi rkantati f’Awwissu ta’ kull sena għandhom ikunu n-nofs tal-volum irkantat f’irkantijiet li jsiru f’xhur oħra tas-sena.

Il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE li għandu jiġi rkantat mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament fil-prinċipju għandu jitqassam b’mod ugwali bejn l-irkantijiet li jsiru f’sena partikolari, ħlief li volumi rkantati f’Awwissu ta’ kull sena għandhom ikunu n-nofs tal-volum irkantat f’irkantijiet li jsiru f’xhur oħra tas-sena.

Meta l-volum annwali tal-irkant ta’ kwoti ta’ Stat Membru ma jkunux jistgħu jitqassam b’mod ugwali fuq l-irkantijiet f’sena partikolari f’lottijiet ta’ 500 kwota skont l-Artikolu 6(1), il-pjattaforma tal-irkant rilevanti għandha tqassam dak il-volum fuq anqas dati tal-irkant, filwaqt li tiżgura li l-volum mill-anqas ikun irkantat fuq bażi trimestrali.

6.   Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar l-għażla taż-żmien u l-frekwenza tal-irkantijiet immexxija minn kwalunkwe pjattaforma tal-irkant ħlief il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) huma stabbiliti fl-Artikolu 32.”.

(6)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli msemmija fl-Artikolu 58 fejn ikun xieraq, pjattaforma tal-irkant tista’ tikkanċella rkant meta l-kondotta xierqa ta’ dak l-irkant tiġi sfrattata jew aktarx ikun ser tiġi sfrattata. Il-volum ta’ kwoti tal-irkantijiet ikkanċellati għandu jitqassam skont l-Artikolu 7(8).”;

(b)

jitħassru t-tieni u t-tielet paragrafi.

(7)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafi 1 sa 4 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   Il-volum ta’ kwoti kopert mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jrid jiġi rkantat fi kwalunkwe sena partikolari mill-2019 ’il quddiem għandu jkun il-kwantità ta’ kwoti stabbilita skont l-Artikoli 10(1) u 10(1a) ta’ dik id-Direttiva.

2.   Il-volum ta’ kwoti kopert mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jrid jiġi rkantat fi kwalunkwe sena partikolari minn kull Stat Membru għandu jkun ibbażat fuq il-volum ta’ kwoti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u s-sehem ta’ kwoti ta’ dak l-Istat Membru ddeterminat skont l-Artikolu 10(2) ta’ dik id-Direttiva.

3.   Il-volum ta’ kwoti kopert mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jrid jiġi rkantat fi kwalunkwe sena partikolari minn kull Stat Membru skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jqis l-Artikolu 10a(5a) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-bidliet li jridu jsiru skont l-Artikoli 1(5) u (8) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), il-bidliet skont l-Artikoli 10c, 12(4), 24, 27 u 27a tad-Direttiva 2003/87/KE, u skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

4.   Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, kwalunkwe bidla li jkun hemm wara fil-volum tal-kwoti li jkollu jkun irkantat f’sena kalendarja partikolari għandha titqies fil-volum tal-kwoti li jkollu jkun irkantat fis-sena kalendarja ta’ wara.

F’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari meta l-valur annwali kumulattiv tat-tali bidliet ma jaqbiżx il-50 000 kwota għal Stat Membru partikolari, dawn il-bidliet jistgħu jingħaddu fil-volum ta’ kwoti li jrid jiġi rkantat fis-snin kalendarji sussegwenti, sakemm Stat Membru jitlob lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2020 li dan il-limitu m’għandux japplika għalih għall-perjodu li jibda mill-2021.

Kwalunwke volum ta’ kwoti li ma jistax jiġi rkantat f’sena kalendarja partikolari minħabba l-arrotondament meħtieġ mill-Artikolu 6(1) għandu jingħadd fil-volum ta’ kwoti li jrid jiġi rkantat fis-sena kalendarja sussegwenti.

(*)  Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1)."

(**)  Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).”."

(8)

L-Artikolu 11 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Kalendarju għal irkantijiet individwali ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE rkantati mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament

Il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-irkant, inklużi l-perjodi għall-offerti, il-volumi individwali, id-dati tal-irkant kif ukoll il-prodott irkantat, id-dati tal-ħlas u tal-konsenja tal-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li jridu jiġu rkantati fi rkantijiet individwali kull sena kalendarja wara li jkunu kkonsultaw lill-Kummissjoni. Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom jippubblikaw il-kalendarju tal-irkant sal-15 ta’ Lulju tas-sena ta’ qabel jew mill-aktar fis prattikabbli wara din id-data, dment li l-Kummissjoni tkun ordnat lill-amministratur ċentrali tar-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (l-“EUTL”) sabiex idaħħal it-tabella tal-irkant li tikkorrispondi għall-kalendarju tal-irkant fl-EUTL skont l-atti delegati adottati f’konformità mal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.”.

(9)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-Artikolu 10(4) għandu japplika għal kwalunkwe bidla sussegwenti fil-volum ta’ kwoti li jrid jiġi rkantat.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għal kull sena kalendarja f’perjodu ta’ negozjar partikolari, il-volum ta’ kwoti kopert mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE li jrid jiġi rkantat minn kull Stat Membru għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-volum skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u s-sehem ta’ kwoti ta’ dak l-Istat Membru ddeterminat skont l-Artikolu 3d(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.”.

(10)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija ssostitwita b’din li ġejja:

Kalendarju għal irkantijiet individwali ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE rkantati mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament”;

(b)

jitħassar il-paragrafu 1;

(c)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiddeterminaw il-kalendarji tal-irkantijiet, inklużi l-perjodi għall-offerti, il-volumi individwali, id-dati tal-irkant kif ukoll il-prodott irkantat, id-dati tal-ħlas u tal-konsenja tal-kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE li jridu jiġu rkantati fi rkantijiet individwali għal kull sena kalendarja, wara li jkunu kkonsultaw lill-Kummissjoni. Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom jippubblikaw il-kalendarju tal-irkant sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ qabel jew mill-aktar fis prattikabbli wara din id-data, dment li l-Kummissjoni tkun ordnat lill-amministratur ċentrali tal-EUTL sabiex idaħħal it-tabella tal-irkant li tikkorrispondi għall-kalendarju tal-irkant fl-EUTL skont l-atti delegati adottati f’konformità mal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE. Mingħajr preġudizzju għall-iskadenza tal-pubblikazzjoni tal-kalendarju tal-irkantijiet għall-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE skont l-Artiklu 11 ta’ dan ir-Regolament, il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernati jistgħu simultanjament jiddeterminaw il-kalendarji tal-irkantijiet għall-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE.”;

(d)

il-paragrafi 3 u 4 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“3.   Il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jibbażaw id-determinazzjonijiet u l-pubblikazzjonijiet tagħhom skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 3e(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.

4.   Id-dispożizzjonijiet dwar il-kalendarju għal irkantijiet individwali ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE kondotti minn pjattaforma tal-irkant, barra mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu ddeterminati u ppubblikati skont l-Artikolu 32 ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 32 għandu japplika wkoll rigward l-irkantijiet immexxija skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(7) mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1).”.

(11)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

kwalunkwe sospensjoni ta’ pjattaforma tal-irkant għajr il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament prevista fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE;”;

(ii)

il-punt (f) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(f)

il-kwoti li jifdal fir-riżerva għal parteċipanti ġodda msemmija fl-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE u kwoti mhux allokati skont l-Artikolu 10c ta’ dik id-Direttiva;”;

(iii)

il-punt (j) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(j)

kwalunkwe żamma ta’ kwoti mill-irkantijiet skont l-Artikolu 22(5);”;

(iv)

il-punt (l) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(l)

l-aġġustamenti meħtieġa skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 li għandhom jiġu stabbiliti u ppubblikati sal-15 ta’ Lulju tas-sena partikolari, jew malajr kemm jista’ jkun minn dakinhar’ il quddiem;”;

(v)

jiżdied il-punt (m) li ġej:

“(m)

kanċellazzjoni ta’ kwoti skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Meta l-mod li bih tkun trid tiġi implimentata modifika ma jkunx stipulat f’dan ir-Regolament, il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata ma għandhiex timplimenta dik il-modifika qabel ma l-ewwel tkun ikkonsultat lill-Kummissjoni. L-Artikoli 11 u 13(2) għandhom japplikaw.”.

(12)

L-Artikolu 15 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Persuni li jistgħu jissottomettu offerti direttament f’irkant

Hija biss persuna li tkun eliġibbli sabiex tapplika għal ammissjoni għal offerta skont l-Artikolu 18 u tkun ammessa għall-offerti skont l-Artikoli 19 u 20 li tista’ tissottometti offerti direttament fi rkant.”.

(13)

fl-Artikolu 16(2), it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Barra minn hekk, pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew 30(1) tista’ toffri lill-offerenti l-alternattiva ta’ aċċess għall-irkantijiet tagħha permezz ta’ konnessjonijiet dedikati għall-interfaċċja elettronika.”.

(14)

L-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(b)

ditti tal-investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE li joffru f’isimhom jew f’isem il-klijenti tagħhom;

(c)

istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) li joffru f’isimhom jew f’isem il-klijenti tagħhom;

(*)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176 27.6.2013, p. 338).”;"

(b)

il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Mingħajr ħsara għall-eżenzjoni tal-Artikolu 2(1)(j) tad-Direttiva 2014/65/UE, persuni koperti minn din l-eżenzjoni u awtorizzati skont l-Artikolu 59 ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu eliġibbli japplikaw għall-ammissjoni biex jissottomettu offerti direttament fl-irkantijiet jew f’isimhom jew f’isem klijenti tan-negozju prinċipali tagħhom bil-kundizzjoni li l-Istat Membru ta’ stabiliment jkun għadda leġiżlazzjoni biex l-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti tkun tista’ f’dak l-Istat Membru tawtorizzahom jissottomettu offerta f’isimhom stess jew f’isem klijenti tan-negozju prinċipali tagħhom.”;

(c)

jitħassar il-paragrafu 3;

(d)

jitħassar il-paragrafu 6.

(15)

L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4.   Applikazzjoni għal ammissjoni għal offerta, inkluż kwalunkwe dokument sustantiv, għandha, meta tintalab, tkun tista’ tinkiseb għal spezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għall-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru li jkun qed imexxi l-investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 62(3)(e) u minn kwalunkwe korp kompetenti tal-Unjoni involut f’investigazzjonijiet immexxijin fuq bażi transkonfinali.”;

(b)

jitħassar il-paragrafu 6.

(16)

Fl-Artikolu 21(2), it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“F’każ bħal dan il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata għandha tirrapporta lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja msemmija fl-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2015/849 (“UIF”) skont l-Artikolu 55(2) ta’ dan ir-Regolament.”.

(17)

Fl-Artikolu 22, il-paragrafi 3 u 4 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“3.   Għall-Istati Membri li ma jkunux qed jipparteċipaw f’azzjonijiet konġunti kif previst fl-Artikolu 26(1), l-irkantatur għandu jinħatar mill-Istat Membru li qed jaħtru, biex jiġu konklużi u implimentati l-arranġamenti meħtieġa ma’ dawn il-pjattaformi tal-irkantijiet maħtura skont l-Artikolu 26(1), inkluż kull sistema tal-ikklirjar u sistema tas-saldu konnessa magħhom, biex jippermetti lill-irkantatur jirkanta l-kwoti f’isem l-Istat Membru li qed jaħtru fil-pjattaformi tal-irkantar skont termini u kundizzjonijiet miftiehma reċiprokament, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(7) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(8).

4.   L-Istati Membri ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni privileġġata ma’ persuni li jaħdmu mal-irkantatur sakemm il-persuna li tkun qed taħdem għall-Istat Membru jew taġixxi f’ismu ma tagħtix din l-informazzjoni fuq bażi ta’ ħtieġa għall-informazzjoni, b’mod normali waqt l-eżerċizzju tax-xogħol, tal-professjoni jew tal-kompiti tagħhom normali ta’ kuljum, u l-Istat Membru kkonċernat ikun sodisfatt li l-irkantatur ikollu stabbiliti l-miżuri xierqa biex jevita l-abbuż minn informazzjoni privileġġata, jew id-divulgazzjoni illegali ta’ informazzjoni privileġġata minn kull persuna li taħdem ma’ rkantatur, minbarra l-miżuri previsti fl-Artikoli 18(8) u 19(10) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.”.

(18)

Jitħassar it-titolu tal-Kapitolu VI.

(19)

L-Artikoli 24 u 25 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“Artikolu 24

Irkantar ta’ kwoti għall-Fond ta’ Innovazzjoni u għall-Fond ta’ Modernizzazzjoni

1.   Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu jkun l-irkantatur għall-kwoti li jridu jiġu rkantati mill-2021 skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) u l-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva 2003/87/KE fuq il-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament. L-Artikoli 22(2), 22(4), 23(1) u 52(1) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-BEI. Bħala rkantatur, il-BEI għandu jiżgura li l-qligħ mill-irkant, għall-iskopijiet tal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, jiġi żbursat f’kont notifikat lilu mill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn 15-il jum wara tmiem ix-xahar li fih il-qligħ mill-irkant ikun ġie ġġenerat. Qabel l-iżborż, il-BEI jista jnaqqas kwalunkwe spejjeż addizzjonali għaż-żamma u l-iżborż tal-qligħ, f’konformità mal-ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni u l-BEI, skont l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 (*).

2.   Il-volumi annwali ta’ kwoti tal-irkant skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu rkantati flimkien mal-volumi annwali li jridu jiġu rkantati mill-Istati Membri li jieħdu sehem fl-azzjoni konġunta skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament u għandhom jitqassmu b’mod ugwali skont l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Fil-prinċipju, il-volumi ta’ kwoti skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiġu rkantati f’volumi annwali ugwali matul il-perjodu ta’ għaxar snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2021.

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina t-tqassim tal-kwoti li jkunu għadhom iridu jiġu rkantati wara d-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni ta’ kull sejħa għal proposti mwettqa skont l-atti delegati adottati skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE. Rieżamijiet bħal dawn għandhom isiru kull sentejn, bl-ewwel rieżami li ma jseħħx wara t-30 ta’ Ġunju 2022. Kull rieżami għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-appoġġ disponibbli għal sejħiet futuri għal proposti, għall-ammont massimu tal-appoġġ mill-Fond ta’ Innovazzjoni disponibbli għall-assistenza fl-iżvilupp tal-proġetti, għall-parti tal-ammont totali tal-appoġġ mill-Fond ta’ Innovazzjoni disponibbli għas-sejħa għal proġetti fuq skala żgħira riżervat mill-Kummissjoni, għall-appoġġ previst għall-proġetti aġġudikati kif ukoll għall-iżborż u għar-rata ta’ rkupru.

Artikolu 25

Proċedura għall-kanċellazzjoni ta’ kwoti skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE

1.   Kwalunkwe Stat Membru li biħsiebu jħassar kwoti mill-kwantità totali ta’ kwoti tiegħu li jridu jiġu rkantati f’każ ta’ għeluq tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fit-territorju tiegħu skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja wara s-sena tal-għeluq billi juża l-mudell ipprovdut fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

2.   Il-volum ta’ kwoti li jrid jiġi kkanċellat skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jitnaqqas mill-volum li jrid jiġi rkantat mill-Istat Membru kkonċernat stabbilit skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament wara kwalunkwe aġġustament skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont l-Anness I ħlief għar-rapporti msemmija fil-punt 6 ta’ dak l-Anness.

(*)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 tas-26 ta’ Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-operat tal-Fond għall-Innovazzjoni (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 6).”."

(20)

L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a)

Jitħassar il-paragrafu 2;

(b)

Il-paragrafi 3 sa 6 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“3.   Il-proċedura tal-akkwist konġunt imsemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir skont l-Artikolu 165(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

4.   Kwalunkwe perjodu ta’ ħatra tal-pjattaformi tal-irkant imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandux ikun itwal minn ħames snin. Meta l-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 172(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ikunu ssodisfati, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jestendu l-perjodu massimu ta’ ħatra tal-pjattaforma tal-irkant għal seba’ snin. Matul id-durata tal-kuntratt, il-Kummissjoni tista’ tagħmel konsultazzjoni preliminari tas-suq skont l-Artikolu 166(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 bl-għan li tivverifika l-kundizzjonijiet tas-suq u tħejji l-proċedura tal-akkwist il-ġdida.

5.   L-identità u d-dettalji tal-pjattaformi tal-irkant imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

6.   Kwalunkwe Stat Membru li jingħaqad fl-azzjonijiet konġunti kif previst fil-paragrafu 1 wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim tal-akkwist konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw f’dik l-azzjoni għandu jaċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li jingħaqdu fl-azzjoni konġunta qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dak il-ftehim kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni diġà adottata skont dak il-ftehim.

Kwalunkwe Stat Membru li jiddeċiedi skont l-Artikolu 30(4) li ma jipparteċipax fl-azzjoni konġunta kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu imma li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess jista’ jingħata status ta’ osservatur skont it-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma fil-ftehim tal-akkwist konġunt bejn l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta kif previst fil-paragrafu 1 u l-Kummissjoni soġġett għal kwalunkwe regola applikabbli tal-akkwist pubbliku.

(*)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”."

(21)

L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (f) u (g) huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(f)

tipprovdi lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni relatata mat-twettiq tal-irkantijiet skont l-Artikolu 53;

(g)

tistħarreġ l-irkantijiet, tinnotifika suspetti ta’ ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu, attività kriminali jew abbuż mis-suq, tamministra kull miżura rimedjali meħtieġa jew sanzjoni, inkluż il-provediment ta’ mekkaniżmu straġudizzjali għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim, skont l-Artikoli 54 sa 59 u l-Artikolu 64(1);”;

(ii)

jiżdied il-punt (h) li ġej:

“(h)

ir-rapportar skont l-Artikolu 36.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fi żmien tliet xhur mid-data tal-ħatra tagħha, il-pjattaforma tal-irkant għandha tissottometti l-istrateġija ta’ ħruġ dettaljata tagħha lill-Kummissjoni.”.

(22)

Jitħassar l-Artikolu 28.

(23)

L-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-intestatura hija ssostitwita b’din li ġejja:

Servizzi mogħtija lill-Kummissjoni mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1)”

(b)

Il-frażi introduttorja hija ssostitwita b’din li ġejja:

“Pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni servizzi ta’ għajnuna teknika fir-rigward tax-xogħol tal-Kummissjoni relatat ma’ dan li ġej:”;

(c)

il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)

kwalunkwe koordinazzjoni tal-kalendarju tal-irkant għall-Anness III;”;

(d)

il-punti (b) u (c) jitħassru;

(e)

il-punt (d) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(d)

ir-rapporti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2003/87/KE;”;

(f)

il-punt (f) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(f)

kwalunkwe eżami mill-ġdid ta’ dan ir-Regolament, id-Direttiva 2003/87/KE jew l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 19(3) ta’ dik id-Direttiva li jkollu impatt fuq il-funzjonament tas-suq tal-karbonju, inkluża l-implimentazzjoni tal-irkantijiet;”.

(24)

L-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija ssostitwita b’din li ġejja:

Il-ħatra ta’ kwalunkwe pjattaforma tal-irkant barra mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1)”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej

“1.   Kwalunkwe Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) jista’ jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess għall-irkantar tal-volum ta’ kwoti tiegħu kopert mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE li jkollu jkun irkantat kif previst fl-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-Regolament.”;

(c)

jitħassar il-paragrafu 2;

(d)

il-paragrafi 3, 4 u 5 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“3.   L-Istati Membri li ma jiħdux sehem fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) jistgħu jaħtru l-istess pjattaforma tal-irkant jew pjattaformi tal-irkant separati għall-irkant skont l-Artikolu 31(1).

4.   Kwalunkwe Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1), għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li ma jipparteċipax f’azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) imma li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

5.   Kwalunkwe Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1), għandu jagħżel il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess maħtura skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu abbażi ta’ proċedura ta’ għażla konformi mal-liġi ta’ akkwist tal-Unjoni u dik nazzjonali fejn il-proċess tal-akkwist pubbliku jkun meħtieġ jew mil-liġi tal-Unjoni jew minn dik nazzjonali, rispettivament. Il-proċedura tal-għażla għandha tkun soġġetta għar-rimedji u proċeduri ta’ infurzar kollha applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

Kwalunkwe perjodu ta’ ħatra tal-pjattaformi tal-irkant imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandux ikun itwal minn tliet snin li jista’ jiġġedded għal mhux aktar minn sentejn oħra.

Il-ħatra tal-pjattaformi tal-irkant imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-elenkar tal-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata fl-Anness III skont il-paragrafu 7. Ma għandhiex tiġi implimentata qabel id-dħul fis-seħħ tal-elenkar tal-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata fl-Anness III kif previst fil-paragrafu 7.”;

(e)

il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-frażi introduttorja hija ssostitwita b’din li ġejja:

“Kull Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) imma li jagħżel li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’notifika kompleta li jkun fiha dan kollu li ġej:”;

(ii)

il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-prodott irkantat u kull informazzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kalendarju tal-irkantijiet maħsub huwiex kompatibbli ma’ kull kalendarju tal-irkantijiet kurrenti jew maħsub tal-pjattaformi tal-irkantijiet maħtura skont l-Artikoli 26(1), kif ukoll ma’ kalendarji oħrajn tal-irkantijiet proposti minn Stati Membri oħra li ma jkunux qegħdin jieħdu sehem fl-azzjoni konġunta stipulata fl-Artikolu 26, iżda li jagħżlu li jaħtru l-pjattaformi tal-irkantijiet tagħhom;”;

(f)

il-paragrafi 7 u 8 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“7.   Pjattaformi tal-irkant barra dawk maħtura skont l-Artikolu 26(1), l-Istati Membri li jaħtruhom, it-terminu tal-ħatra, u kwalunkwe kundizzjoni jew obbligi applikabbli għandhom ikunu stipulati fl-Anness III fejn ikunu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u l-għanijiet tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-Kummissjoni għandha taġixxi unikament fuq il-bażi ta’ dawn ir-rekwiżiti u l-objettivi u għandha tagħti kunsiderazzjoni sħiħa lil kwalunkwe informazzjoni sottomessa mill-Istat Membru kkonċernat.

F’każ li Stat Membru li jkun ħatar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess jiddeċiedi li jaħtar l-istess pjattaforma tal-irkant bl-istess kundizzjonijiet u obbligi skont l-elenkar previst fl-ewwel subparagrafu, dan l-elenkar għandu jibqa’ validu meta dak l-Istat Membru u l-Kummissjoni jikkonfermaw li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u l-objettivi tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE huma ssodisfati. Għal dan l-għan, l-Istat Membru għandu, b’mod partikolari, jipprovdi notifika li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 lill-Kummissjoni u jaqsam kwalunkwe informazzjoni rilevanti mal-Istati Membri l-oħra. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pubbliku dwar il-validità estiża tal-elenkar.

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe elenkar previst fl-ewwel subparagrafu, Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) imma li jagħżel li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu juża l-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) biex jirkanta sehmu mill-kwoti li kieku kienu jiġu rkantati fil-pjattaforma tal-irkant li jkollha tinħatar skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fil-perjodu sal-iskadenza ta’ tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-elenkar previst fl-ewwel subparagrafu.

Mingħajr ħsara għall-paragrafu 8, Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) imma li jagħżel li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’, xorta waħda, jipparteċipa fl-azzjoni konġunta għall-uniku fini li jkun jista’ jagħmel użu tal-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) kif previst fit-tielet subparagrafu. Tali parteċipazzjoni għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(6) u soġġetta għat-termini u kundizzjonijiet tal-ftehim tal-akkwist konġunt.

8.   Kwalunkwe Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) imma li jagħżel li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jingħaqad mal-azzjoni konġunta prevista fl-Artikolu 26, skont l-Artikolu 26(6).

Il-volum ta’ kwoti li jkun skedat biex jiġi rkantat fuq pjattaforma tal-irkant barra mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1), għandu jinqsam b’mod ugwali mal-irkantijiet immexxija mill-pjattaforma tal-irkant rilevanti maħtura skont l-Artikolu 26(1);”.

(25)

L-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija ssostitwita b’din li ġejja:

Il-funzjonijiet ta’ pjattaformi tal-irkant barra mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1)”;

(b)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Madankollu, pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) għandha tkun eżentata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(c) u għandha tissottometti l-istrateġija ta’ ħruġ imsemmija fl-Artikolu 27(3) lill-Istat Membru ħattar.”;

(c)

jitħassar il-paragrafu 2;

(d)

il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Id-dispożizzjonijiet dwar il-kalendarju tal-irkant previst fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-Artikoli 9, 10, 12, 14 u 32 għandhom japplikaw għall-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30 (1).”.

(26)

L-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija ssostitwita b’din li ġejja:

Kalendarju tal-irkant għal kwalunkwe pjattaforma tal-irkant barra mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1)”;

(b)

il-paragrafi 1, 2, 3, 4 u 5 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   Il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE rkantati fi rkantijiet individwali mwettqa minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-Regolament ma għandux ikun ikbar minn 20 miljun kwota u mhux inqas minn 3,5 miljun kwota; għajr meta l-volum totali ta’ kwoti, koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE, li jrid jiġi rkantat mill-Istat Membru li qed jaħtar ikun inqas minn 3,5 miljun f’sena kalendarja partikolari, u f'dan il-każ il-kwoti għandhom jiġu rkantati fi rkant wieħed kull sena kalendarja. Madankollu, il-volum ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE rkantati fi rkant individwali mwettaq minn dawk il-pjattaformi tal-irkant ma għandux ikun inqas minn 1,5 miljun kwota fil-perjodi rispettivi ta’ 12-il xahar meta għadd ta’ kwoti jrid jitnaqqas mill-volum ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati skont l-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.

2.   “Il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE rkantati fi rkantijiet individwali mwettqa minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-Regolament ma għandux ikun ikbar minn 5 miljun kwota u mhux inqas minn 2,5 miljun kwota; għajr meta l-volum totali ta’ kwoti, koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE, li jrid jiġi rkantat mill-Istat Membru li qed jaħtar ikun inqas minn 2,5 miljun f’sena kalendarja partikolari, u f’dan il-każ il-kwoti għandhom jiġu rkantati fi rkant wieħed kull sena kalendarja.

3.   Il-volum totali ta’ kwoti kopert mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE li jrid ikun irkantat mill-pjattaformi tal-irkant kollha maħtura skont l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-Regolament kollettivament għandu jitqassam b’mod ugwali tul sena kalendarja partikolari, ħlief li volum rkantat f’irkantijiet organizzati f’Awwissu ta’ kull sena għandu jkun nofs il-volum irkantat f’irkantijiet organizzati f’xhur oħra matul is-sena. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu kkunsidrati bħala ssodisfati meta kull pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) tkun tissodisfa dawn ir-rekwiżiti b’mod individwali.”

4.   Il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-irkant, inklużi l-perjodi għall-offerti, il-volumi individwali, id-dati tal-irkant kif ukoll il-prodott irkantat, id-dati tal-ħlas u tal-konsenja tal-kwoti li jridu jiġu rkantati fi rkantijiet individwali kull sena, wara li jkunu kkonsultaw lill-Kummissjoni. Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom jagħmlu d-determinazzjoni tagħhom tal-volumi ta’ rkant individwali skont l-Artikoli 10 u 12.

Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom jippubblikaw il-kalendarju tal-irkantijiet għall-kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE sal-31 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel jew mill-aktar fis possibbli fil-prattika wara din, u għal dawk koperti mill-Kapitolu III ta’ dik id-Direttiva, sal-15 ta’ Lulju tas-sena ta’ qabel jew mill-aktar fis possibbli fil-prattika wara din, dment li l-Kummissjoni tkun ordnat lill-amministratur ċentrali tal-EUTL sabiex idaħħal it-tabella tal-irkant rispettiva fl-EUTL f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom jagħmlu l-istabbiliment u l-pubblikazzjoni tal-kalendarji tal-irkantijiet tagħhom biss wara l-istabbiliment u l-pubblikazzjoni skont l-Artikoli 11 u 13(2) ta’ dan ir-Regolament mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament, sakemm tali pjattaforma tal-irkant ma tkunx għadha ġiet maħtura. Mingħajr preġudizzju għall-iskadenza tal-pubblikazzjoni tal-kalendarju tal-irkantijiet għall-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE, il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernati jistgħu simultanjament jiddeterminaw il-kalendarji tal-irkantijiet għall-kwoti koperti mill-Kapitolu II u III tad-Direttiva 2003/87/KE.

Il-kalendarji ppubblikati għandhom ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe kundizzjoni jew obbligu elenkati fl-Anness III.

5.   Meta rkant imwettaq minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) jiġi kkanċellat mill-pjattaforma tal-irkant skont l-Artikolu 7(5) jew (6) jew l-Artikolu 9, il-volum tal-irkant għandu jitqassam jew skont l-Artikolu 7(8) jew, jekk il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata tagħmel anqas minn erba’ rkantijiet f’sena kalendarja partikolari, matul iż-żewġ irkantijiet li jmiss skedati fuq l-istess pjattaforma tal-irkant.”.

(27)

Jitħassar l-Artikolu 33.

(28)

L-intestatura tal-Kapitolu IX hija ssostitwita b’din li ġejja:

REKWIŻITI TA’ ĦATRA APPLIKABBLI GĦALL-IRKANTATUR U KWALUNKWE PJATTAFORMA TAL-IRKANT”.

(29)

L-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija ssostitwita b’din li ġejja:

Rekwiżiti ta’ ħatra applikabbli għall-irkantatur”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-frażi introduttorja hija ssostitwita b’din li ġejja:

“Meta jaħtru l-irkantaturi, l-Istati Membri għandhom iqisu kemm il-kandidati:”;

(ii)

il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

huma kapaċi jissodisfaw il-funzjonijiet tal-irkantatur, b’mod puntwali, skont l-ogħla standards professjonali u ta’ kwalità.”.

(30)

L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiddaħħal it-tieni subparagrafu:

“Mingħajr ħsara għall-ewwel subparagrafu, meta dan ikun previst fid-dokumenti tal-akkwist għall-proċedura tal-akkwist konġunt skont l-Artikolu 26(1), suq regolat li l-operatur tiegħu jorganizza suq tal-enerġija bl-ingrossa kif definit fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), iżda ma jorganizzax suq sekondarju fi kwoti jew f’derivattivi minn kwoti, jista’ jieħu sehem fil-proċedura tal-akkwist skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament. F’dak il-każ, meta t-tali suq regolat jinħatar bħala pjattaforma tal-irkant skont l-Artikolu 26(1) u l-operatur tiegħu ma jorganizzax suq sekondarju fi kwoti jew f’derivattivi minn kwoti sal-mument tal-pubblikazzjoni tal-proċedura tal-akkwist skont l-Artikolu 26(1), dak l-operatur għandu jikseb awtorizzazzjoni u għandu jorganizza suq sekondarju fi kwoti jew f’derivattivi minn kwoti tal-anqas 60 jum ta’ negozjar qabel il-ftuħ tal-ewwel tieqa tal-offerti mmexxija mill-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata.

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).”;"

(b)

fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

aċċess sħiħ, ġust u ekwitabbli għall-offerti fl-irkantijiet għall-SMEs koperti bl-iskema tal-Unjoni u aċċess għall-offerti fl-irkantijiet għal emittenti żgħar, kif definiti fl-Artikoli 27(1), 27a(1) u 28a(6) tad-Direttiva 2003/87/KE;”;

(c)

fil-paragrafu 4, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“4.   Pjattaforma tal-irkant tista’ tkun biss maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) ta’ dan ir-Regolament fejn l-Istat Membru, fejn huma stabbiliti s-suq regolat tal-kandidat u l-operatur tas-suq tiegħu, ikun żgura li l-miżuri nazzjonali li jittrasponu t-Titolu III tad-Direttiva 2014/65/UE ikunu japplikaw għall-irkant ta’ spot ta’ jumejn jew futuri ta’ ħamest ijiem sa fejn ikun rilevanti.

Pjattaforma ta’ rkant tista’ tkun biss maħtura skont l-Artikoli 26(1) u 30(1) ta’ dan ir-Regolament wara li l-Istat Membru, fejn huma stabbiliti s-suq regolat tal-kandidat u l-operatur tas-suq tiegħu, ikun żgura li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jkunu jistgħu jawtorizzawhom u jissorveljawhom skont il-miżuri nazzjonali li jittrasponu t-Titolu VI tad-Direttiva 2014/65/UE sa fejn ikun rilevanti.”;

(d)

il-paragrafi 5 u 6 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“5.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu maħtura skont l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jiddeċiedu dwar l-awtorizzazzjoni ta’ suq regolat maħtur, jew li għandu jiġi maħtur, skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) ta’ dan ir-Regolament, sakemm is-suq regolat u l-operatur tas-suq tiegħu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tad-Direttiva 2014/65/UE, kif trasposti fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-istabbiliment tagħhom skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni għandha tittieħed skont it-Titolu VI tad-Direttiva 2014/65/UE kif trasposta fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-istabbiliment tagħhom skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

6.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom iwettqu sorveljanza effikaċi tas-suq u jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li r-rekwiżiti msemmija f’dak il-paragrafu jitħarsu. Għal dak il-għan, għandhom ikunu kapaċi jeżerċitaw direttament, jew bl-għajnuna ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra maħtura skont l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, is-setgħat previsti fil-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 69 ta’ dik id-Direttiva fir-rigward tas-suq regolat u l-operatur tas-suq tiegħu msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

L-Istat Membru ta’ kull awtorità nazzjonali kompetenti msemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għandu jiżgura li l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 70, 71 u 74 tad-Direttiva 2014/65/UE japplikaw fir-rigward tal-persuni responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tagħhom skont it-Titolu III tad-Direttiva 2014/65/UE, kif trasposti fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-istabbiliment tagħhom skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, il-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 79 sa 87 tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom japplikaw għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ Stati Membri differenti u mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*)

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).”."

(31)

It-titolu tal-Kapitolu X huwa ssostitwit b’dan li ġej:

IR-RAPPORTAR DWAR IT-TRANŻAZZJONIJIET”.

(32)

L-Artikolu 36 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 36

Obbligu ta’ rapportar tat-tranżazzjonijiet

1.   Il-pjattaforma tal-irkant għandha tirrapporta mal-awtorità nazzjonali kompetenti maħtura skont l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/65/UE id-dettalji kompluti u preċiżi ta’ kull tranżazzjoni eżegwita fuq il-pjattaforma tal-irkant li tirriżulta fit-trasferiment ta’ kwoti ta’ emissjonijiet lill-offerenti rebbieħa.

2.   Ir-rapporti dwar it-tranżazzjonijiet skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu sottomessi mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mill-għeluq tal-jum ta’ negozjar li jmiss wara t-tranżazzjoni kkonċernata.

3.   Meta l-offerent rebbieħ ikun persuna ġuridika, il-pjattaforma tal-irkant, meta tirrapporta l-ħatra għall-identifikazzjoni tal-offerent rebbieħ kif jeħtieġ il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, għandha tuża identifikatur tal-entità ġuridika msemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590 (*).

4.   Il-pjattaforma tal-irkant għandha tkun responsabbli għall-kompletezza, għall-preċiżjoni u għas-sottomissjoni puntwali tar-rapporti. Meta jkun hemm dettalji dwar it-tranżazzjonijiet li ma jkunux disponibbli għall-pjattaformi tal-irkant, l-offerenti u l-irkantaturi għandhom jissottomettu t-tali informazzjoni lill-pjattaforma tal-irkant.

Meta jkun hemm żbalji jew ommissjonijiet fir-rapporti tat-tranżazzjonijiet, il-pjattaforma tal-irkant li tirrapporta t-tranżazzjoni għandha tikkoreġi l-informazzjoni u tippreżenta rapport ikkoreġut lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

5.   Ir-rapport skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu, b’mod partikolari, jinkludi l-isem tal-kwoti jew tad-derivattivi ta’ kwoti, il-kwantità mixtrija, id-dati u l-ħinijiet tal-eżekuzzjoni, il-prezzijiet tat-tranżazzjoni, deżinjazzjoni għall-identifikazzjoni tal-offerenti rebbieħa u, jekk applikabbli, il-klijenti li f’isimhom ġiet eżegwita t-tranżazzjoni.

Ir-rapport għandu jitfassal billi jintużaw standards u formats tad-data stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590 u għandu jinkludi d-dettalji rilevanti kollha msemmija fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590.

(*)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/590 tat-28 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti. (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 449).”."

(33)

Jitħassru l-Artikoli 37 sa 43.

(34)

L-Artikolu 44(2) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Pjattaforma tal-irkant inkluż is-sistema jew sistemi tal-ikklirjar jew is-sistema jew sistemi tas-saldu konnessa jew konnessi magħha, għandha tittrasferixxi l-pagamenti mħallsa mill-offerenti jew is-suċċessuri tagħhom fit-titolu li joriġinaw mill-irkantar tal-kwoti koperti mill-Kapitolu II u III tad-Direttiva 2003/87/KE lill-irkantaturi li jkunu rkantaw il-kwoti inkwistjoni.”.

(35)

L-Artikolu 46 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 46

Trasferiment tal-kwoti rkantati

Kwoti rkantati minn kwalunkwe pjattaforma tal-irkant għandhom ikunu ttrasferiti mir-reġistru tal-Unjoni, qabel il-ftuħ tal-perjodu għall-offerti, f’kont tal-kwoti ddeżinjat, biex jinżammu fil-kustodja tas-sistema tal-ikklirjajr jew tas-saldu li taġixxi bħala l-kustodi sakemm issir il-konsenja tal-kwoti lil offerenti rebbieħa jew lis-suċċessuri tagħhom fit-titolu, skont ir-riżultati tal-irkant, kif previst fl-atti delegati applikabbli adottati skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.”.

(36)

Fl-Artikolu 51, fil-paragrafu 1, jiddaħħal it-tieni subparagrafu li ġej:

“Mingħajr ħsara għall-ewwel subparagrafu, fejn huwa previst fid-dokumenti tal-akkwist għall-proċeduri tal-akkwist skont l-Artikolu 26(1) jew l-Artikolu 30(5), l-operatur tal-pjattaforma tal-irkant jista’ jżid it-tariffi mħallsa mill-offerenti rebbieħa skont l-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-Regolament għal massimu ta’ 120 % tat-tariffi standard komparabbli mħallsa mix-xerrejja rebbieħa tal-kwoti fis-suq sekondarju matul is-snin li fihom il-volumi tal-irkant jitnaqqsu b’aktar minn 200 miljun kwota skont id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814.”.

(37)

L-Artikolu 52 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

1.   “Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, l-ispejjeż tas-servizzi previsti fl-Artikoli 27(1) u fl-Artikolu 31 għandhom jitħallsu permezz ta’ tariffi mħallsa mill-offerenti, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe spiża tal-arranġamenti bejn l-irkantatur u l-pjattaforma tal-irkant imsemmija fl-Artikolu 22(2) u (3) jippermettu lill-irkantatur li jirkanta kwoti f’isem l-Istat Membru li qed jaħtar, iżda mhux inklużi l-ispejjeż ta’ kwalunkwe sistema ta’ kklirjar jew saldu konnessa mal-pjattaforma tal-irkant konċernata, għandhom ikunu mġarrba mill-Istat Membru li qed jirkanta.”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2.   Mingħajr ħsara għat-tielet subparagrafu, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-akkwist konġunt msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(6) jew il-kuntratt li jaħtar pjattaforma tal-irkant skont l-Artikolu 26(1), jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi jeħtieġu lill-Istati Membri li jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(4) dwar id-deċiżjoni tagħhom li ma jipparteċipawx fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1), iżda mbagħad jagħmlu użu mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1), sabiex iħallsu lill-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata, inkluża/i s-sistema/i tal-ikklirjar jew is-sistema/i tas-saldu konnessa/i magħha, il-kostijiet tas-servizzi previsti fl-Artikolu 27(1) relatati mal-volum ta’ kwoti li dak l-Istat Membru jirkanta mid-data li fiha l-Istat Membru jibda jirkanta permezz tal-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) sat-terminazzjoni jew sal-iskadenza tat-terminu tal-ħatra ta’ dik il-pjattaforma tal-irkant.

Dak li ssemma qabel japplika għall-Istati Membri li ma ngħaqdux fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim tal-akkwist konġunt imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(6).

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fejn Stat Membru jingħaqad f’azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) wara l-iskadenza tal-perjodu tal-ħatra msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5), jew fejn juża l-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) biex jirkanta s-sehem tiegħu ta’ kwoti fin-nuqqas ta’ elenkar, skont l-Artikolu 30(7), ta’ pjattaforma tal-irkant li ġiet notifikata skont l-Artikolu 30(6).”;

(c)

jitħassar il-paragrafu 3.

(38)

L-Artikolu 53 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 53

Monitoraġġ tal-irkanti

1.   Sat-tmiem ta’ kull xahar, il-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew l-Artikolu 30(1) għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-irkantijiet li tkun wettqet fix-xahar ta’ qabel b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

aċċess ġust u miftuħ;

(b)

trasparenza;

(c)

formazzjoni tal-prezz;

(d)

aspetti tekniċi u operazzjonali tal-implimentazzjoni tal-kuntratt li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata;

(e)

ir-relazzjoni bejn il-proċessi ta’ rkant u s-suq sekondarju fir-rigward tal-informazzjoni fil-punti (a) sa (d);

(f)

kwalunkwe evidenza ta’ mġiba antikompetittiva, abbuż mis-suq, ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu jew attività kriminali li l-pjattaforma tal-irkant tkun saret konxja dwarhom matul it-twettiq tal-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 27 jew l-Artikolu 31(1);

(g)

kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament jew nuqqas ta’ konformità mal-objettivi tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE li l-pjattaforma tal-irkant tkun saret konxja dwaru matul it-twettiq tal-funzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 27 jew l-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-Regolament;

(h)

segwitu għal kwalunkwe informazzjoni rrapportata fil-punti (a) sa (g).

Barra minn hekk, sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, il-pjattaforma tal-irkant għandha tipprovdi sommarju u analiżi ta’ dawn ir-rapporti ta’ kull xahar tas-sena ta’ qabel.

2.   Il-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-Regolament għandha tipprovdi r-rapporti skont il-paragrafu 1 lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri tal-ħatra tagħha u lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħha maħtura skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

3.   L-awtoritajiet kontraenti rilevanti għandhom isegwu l-implimentazzjoni tal-kuntratti li jaħtru l-pjattaformi tal-irkant. L-Istati Membri li jaħtru pjattaforma tal-irkant skont l-Artikolu 30(1) għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe nuqqas min-naħa ta’ dik il-pjattaforma tal-irkant sabiex tikkonforma mal-kuntratt li jaħtarha li aktarx ikollu impatt sinifikanti fuq il-proċessi tal-irkant.

4.   Skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni, f’isem l-Istati Membri li jieħdu sehem fl-azzjoni konġunta skont l-Artikolu 26(1), u l-Istati Membri li jaħtru pjattaforma tal-irkant skont l-Artikolu 30(1) għandhom jippubblikaw rapporti ta’ sinteżi fir-rigward tal-elementi elenkati fil-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

5.   L-irkantaturi, il-pjattaformi tal-irkant u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jissorveljawhom għandhom jikkooperaw b’mod attiv u, meta jintalbu, jagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni fil-pussess tagħhom relatata mal-irkantijiet, kif raġjonevolment tkun meħtieġa għall-monitoraġġ tal-irkantijiet.

6.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jissorveljaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jissorveljaw persuni awtorizzati jissottomettu offerti f’isem oħrajn skont l-Artikolu 18(2) għandhom, fi ħdan il-kompetenza tagħhom, jikkooperaw b’mod attiv mal-Kummissjoni, kif ikun raġjonevolment meħtieġ għall-monitoraġġ tal-irkantijiet.

7.   L-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-paragrafi 5 u 6 għandhom iqisu l-kunsiderazzjonijiet tas-segretezza professjonali li għalihom huma soġġetti skont il-liġi tal-Unjoni.”.

(39)

L-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)

timmonitorja tranżazzjonijiet magħmulin minn persuni ammessi biex jagħmlu offerti skont l-Artikoli 19(1), (2) u (3) u minn persuni kif definiti fl-Artikolu 3(26) bl-użu tas-sistemi tagħha biex tidentifika ksur tar-regoli msemmijin fil-punt (b) ta’ dan is-subparagrafu, kundizzjonijiet inġusti jew diżordinati ta’ rkantar jew kondotta li tista’ tinvoka abbuż mis-suq.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)

titlob kwalunkwe informazzjoni dwar l-offerent, skont l-Artikolu 19(2) u (3) u l-Artikolu 20(5) u (7), għall-finijiet ta’ monitoraġġ tar-relazzjoni ma’ dak l-offerent wara li jkun ammess biex jissottomettu offerti fl-irkantijiet, tul kemm iddum teżisti dik ir-relazzjoni u għall-perjodu ta’ ħames snin wara li tintemm;”;

(ii)

il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)

tesiġi li kwalunkwe persuna ammessa biex toffri li tinnotifika minnufih lill-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata bi kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni sottomessa lilha skont l-Artikolu 19(2) u (3) u l-Artikolu 20(5) u (7).”.

(40)

L-Artikolu 55 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 55

Notifika ta’ ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu jew attività kriminali

1.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fl-Artikolu 48(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 għandhom jimmonitorjaw u jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-konformità ta’ pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew 30(1) ta’ dan ir-Regolament mal-miżuri ta’ diliġenza dovuta mill-klijent imsemmija fl-Artikolu 19(2)(e) u fl-Artikolu 20(10) ta’ dan ir-Regolament, bl-obbligu li jirrifjutaw milli jagħtu ammissjoni għall-offerta, jirrevokaw jew jissospendu kwalunkwe ammissjoni għall-offerta diġà mogħtija skont l-Artikolu 21(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament, mar-rekwiżiti dwar il-monitoraġġ u ż-żamma ta’ rekords tal-Artikolu 54 ta’ dan ir-Regolament u mar-rekwiżiti ta’ notifika tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkollhom is-setgħat previsti mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 48(2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) tista’ tinżamm responsabbli għal infrazzjonijiet tal-Artikolu 20(7) u (10), l-Artikolu 21(1) u (2) u l-Artikolu 54 ta’ dan ir-Regolament u l-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. F’dan ir-rigward għandhom ikunu japplikaw il-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 58 sa 62 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

2.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew 30(1), id-diretturi u l-impjegati tagħha, għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-UIF billi minnufih:

(a)

jinformaw lill-UIF, inkluż permezz tal-preżentazzjoni ta’ rapport, fuq inizjattiva tagħhom stess, meta jkunu jafu, jissuspettaw jew ikollhom raġunijiet validi biex tissuspetta li l-fondi relatati mal-irkantijiet, irrispettivament mill-ammont ikkonċernat, huma r-rikavat ta’ attività kriminali jew huma relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu, u billi jwieġbu minnufih għal talbiet għal aktar informazzjoni mill-UIF f’każijiet bħal dawn;

(b)

jipprovdu lill-UIF fuq talba mingħandha, direttament, l-informazzjoni kollha meħtieġa.

It-tranżazzjonijiet suspettużi kollha, inklużi tentattivi ta’ tranżazzjonijiet, għandhom jiġu rrapportati.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tintbagħat lill-UIF tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata.

Il-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-politiki u l-proċeduri ta’ ġestjoni u komunikazzjoni tal-konformità, imsemmija fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849, għandhom jaħtru l-persuna jew il-persuni responsabbli sabiex jibagħtu l-informazzjoni skont dan l-Artikolu.

4.   L-Istat Membru, li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-pjattaforma maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) ta’ dan ir-Regolament, għandu jiżgura li l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 37 sa 39, 42, l-Artikoli 45(1) u 46 tad-Direttiva (UE) 2015/849 japplikaw għall-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata.”.

(41)

Fl-Artikolu 56, il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew 30(1) ta’ dan ir-Regolament għandha tirrapporta mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u skont il-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2014/65/UE, suspetti ta’ abbuż mis-suq jew ta’ tentattiv ta’ abbuż mis-suq minn kwalunkwe persuna ammessa għall-offerta fl-irkantijiet jew minn kwalunkwe persuna li f’isimha tkun qed taġixxi l-persuna ammessa għall-offerta fl-irkantijiet.

2.   Il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-fatt li hija tkun għamlet notifika skont il-paragrafu 1, u tiddikjara liema miżura rimedjali tkun ħadet jew ipproponiet li tieħu biex teħodha kontra l-għemejjel ħżiena msemmija fil-paragrafu 1.”.

(42)

Fl-Artikolu 57, il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   Id-daqs massimu ta’ offerta, jew kwalunkwe miżura rimedjali oħra meħtieġa biex jiġi mmitigat riskju reali jew li jista’ jidher li jkun hemm ta’ abbuż mis-suq, finanzjament tat-terroriżmu jew attività kriminali oħra, kif ukoll imġiba antikompetittiva, jistgħu jkunu imposti minn kwalunkwe pjattaforma tal-irkant wara li din tikkonsulta mal-Kummissjoni u tikseb l-opinjoni tagħha, bil-kundizzjoni li l-implimentazzjoni ta’ offerta ta’ daqs massimu jew ta’ kwalunkwe miżura rimedjali oħra jkunu jistgħu b’mod effikaċi jimmitigaw ir-riskju inkwistjoni. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Istati Membri kkonċernati u tikseb l-opinjoni tagħhom dwar il-proposta magħmula mill-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata. Il-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata għandha tqis sewwa ħafna l-opinjoni tal-Kummissjoni.

2.   L-offerta ta’ daqs massimu għandha tkun jew espressa bħala perċentwal tal-għadd totali ta’ kwoti rkantati fi rkant partikolari jew perċentwal tal-għadd totali ta’ kwoti rkantati f’sena waħda partikolari, skont liema minnhom tkun l-aktar xierqa biex ikun ittrattat ir-riskju ta’ abbuż mis-suq.”.

(43)

L-Artikolu 59 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jitħassar il-punt (b);

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

huma għandhom jirrifjutaw li joffru f’isem klijent jekk ikollhom motivi raġjonevoli biex jissuspettaw ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu, attività kriminali jew abbuż mis-suq, bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikoli 35 u 39 tad-Direttiva (UE) 2015/849;”;

(c)

fil-paragrafu 3, il-punt (a) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)

dawn għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni mitluba minn kwalunkwe pjattaforma tal-irkant fejn huma ammessi għall-offerta sabiex din tissodisfa l-funzjonijiet tagħha skont dan ir-Regolament;”;

(d)

fil-paragrafu 5, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)

dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2015/849;”;

(44)

Fl-Artikolu 60 jitħassar il-paragrafu 2.

(45)

L-Artikolu 61 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   Pjattaforma tal-irkant għandha tħabbar ir-riżultati ta’ kull irkant li tagħmel filwaqt li tal-anqas tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-volum tal-kwoti rkantati;

(b)

il-prezz tal-ikklirjar tal-irkant f’euro;

(c)

il-volum totali ta’ offerti sottomessi;

(d)

l-għadd totali ta’ offerenti u l-għadd ta’ offerenti rebbieħa;

(e)

fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ rkant, l-irkantijiet li dak il-volum jgħaddi għal għandhom;

(f)

id-dħul totali rikavat mill-irkant;

(g)

id-distribuzzjoni tad-dħul bejn l-Istati Membri, fil-każ ta’ pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1).

2.   Il-pjattaforma tal-irkant għandha tħabbar ir-riżultati ta’ kull irkant mill-aktar fis raġjonevolment possibbli. L-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-irkantijiet skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandha titħabbar mhux aktar tard minn 5 minuti wara l-għeluq tat-tieqa tal-offerti, filwaqt li l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-irkant skont il-punti (c) sa (g) tal-paragrafu 1 għandha titħabbar mhux aktar tard minn 15-il minuta wara l-għeluq tat-tieqa tal-offerti.”;

(b)

il-frażi introduttorja tal-paragrafu 3 hija ssostitwita b’din li ġejja:

“Fl-istess ħin li l-pjattaforma tal-irkant tħabbar skont il-paragrafu 2 l-informazzjoni elenkata fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, il-pjattaforma tal-irkant għandha tinnotifika lil kull offerent rebbieħ li jissottometti l-offerti permezz tas-sistemi tagħha:”.

(46)

L-Artikolu 62 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

jitħassar il-punt (f);

(ii)

il-punt (g) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(g)

sigrieti tan-negozju mogħtijin minn persuni li jieħdu sehem fi proċess kompetittiv tal-akkwist għall-ħatra ta’ pjattaforma tal-irkant;”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

jitħassar il-punt (f);

(ii)

jitħassar il-punt (h);

(iii)

fil-punt (j) jitħassar il-punt (iii);

(c)

il-paragrafi 4 u 5 huma ssostitwiti b’dawn li ġejjin:

“4.   Il-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat li informazzjoni konfidenzjali ma tkunx divulgata b’mod ħażin u li ma jkunx hemm il-konsegwenzi ta’ divulgazzjoni ħażina bħal din minn kwalunkwe pjattaforma tal-irkant, inkluża kwalunkwe persuna li jkollha kuntratt biex taħdem għaliha, għandhom ikunu stabbiliti fil-kuntratt li jaħtarha.

5.   Informazzjoni konfidenzjali miksuba minn pjattaforma tal-irkant, inkluża kwalunkwe persuna li jkollha kuntratt biex taħdem għaliha għandha tintuża biss għall-fini tal-qadi tal-obbligi tagħha jew tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha fir-rigward tal-irkantijiet.”;

(d)

fil-paragrafu 6, il-frażi introduttorja hija ssostitwita b’din li ġejja:

“Il-paragrafi 1 sa 5 m’għandhomx jipprekludu l-iskambju ta’ informazzjoni konfidenzjali bejn pjattaforma tal-irkant u:”;

(e)

il-paragrafu 7 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“7.   Kwalunkwe persuna li taħdem jew li ħadmet għal pjattaforma tal-irkant involuta fl-irkantijiet, għandha tkun marbuta bl-obbligu tas-segretezza professjonali, u għandha tiżgura li informazzjoni konfidenzjali tkun protetta skont dan l-Artikolu.”.

(47)

L-Artikolu 63(1) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   Informazzjoni miktuba pprovduta minn pjattaforma tal-irkant skont l-Artikolu 60(1) u (3) jew skont il-kuntratt li jaħtarha, li ma tkunx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandha tkun f’lingwa konvenzjonali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.”.

(48)

L-Artikolu 64(2) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri fejn issir superviżjoni ta’ suq regolat maħtur bħala pjattaforma tal-irkant skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) ta’ dan ir-Regolament jew l-operatur tas-suq tagħhom, għandhom jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-mekkaniżmu straġudizzjarju li jittratta lmenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun motivata sewwa u tkun soġġetta għad-dritt ta’ appell lill-qrati msemmija fl-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2014/65/UE. Dak id-dritt għandu jkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe dritt ta’ appell direttament lill-qrati jew lill-korpi amministrattivi kompetenti previsti fil-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74(2) tad-Direttiva 2014/65/UE.”.

(49)

L-Anness I huwa ssostitwit bl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(50)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

(51)

Jitħassar l-Anness IV.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(7)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (ir-Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(10)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS I

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

Mudell għan-notifika ta’ kanċellazzjoni volontarja minn Stat Membru skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE

 

Notifika skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE

1.

L-Istat Membru u l-awtorità pubblika li qed jippreżentaw in-notifika:

 

2.

Id-data tan-notifika:

 

3.

L-identifikazzjoni tal-installazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku magħluqa (“installazzjoni”) fit-territorju tal-Istat Membru skont id-data rreġistrata fl-EUTL, stabbilita mill-att delegat adottat skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, li tinkludi:

 

(a)

L-isem tal-installazzjoni:

 

(b)

L-identifikatur tal-installazzjoni mill-EUTL:

 

(c)

L-isem tal-operatur tal-installazzjoni:

 

4.

Id-data tal-għeluq tal-installazzjoni u r-revoka tal-permess tal-gassijiet serra:

 

5.

Id-deskrizzjoni u r-referenza tal-miżuri nazzjonali addizzjonali li skattaw l-għeluq tal-installazzjoni:

 

6.

Ir-rapporti vverifikati dwar l-emissjonijiet tal-installazzjoni għall-ħames snin ta’ qabel is-sena tal-għeluq:

 

7.

Il-volum totali tal-kwoti li għandhom jitħassru:

 

8.

Is-snin li matulhom il-kwoti għandhom jiġu kkanċellati:

 

9.

Il-volum eżatt tal-kwoti li għandhom jiġu kkanċellati f’kull waħda mis-snin imsemmija fil-punt 8:

 


ANNESS II

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-intestatura tinbidel b’dan li ġej:

“Pjattaformi tal-irkant minbarra dawk maħtura skont l-Artikolu 26(1), l-Istati Membri tagħhom li jaħtruhom u kwalunkwe kundizzjoni jew obbligu applikabbli msemmija fl-Artikolu 30(7)”.

(2)

jitħassru l-punti 1, 2 u 3.

(3)

fir-raba punt, fis-sitt ringiela taħt “Obbligi”, jitħassar il-punt 5.