31.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/29


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1830

tat-30 ta’ Ottubru 2019

li jemenda d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti stabbiliti għall-kuntratti tal-provvisti, tas-servizzi u tax-xogħlijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 68(1) tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 2014/115/UE (2), il-Kunsill approva l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (“il-Ftehim”) (3) konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-Ftehim huwa strument plurilaterali u għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku b’mod reċiproku fost il-partijiet kontraenti tiegħu. Huwa japplika għal kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist pubbliku b’valur li jilħaq jew li jaqbeż l-ammonti (“il-limiti stabbiliti”) stipulati fil-Ftehim u espressi bħala drittijiet speċjali ta’ prelevament.

(2)

Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huwa li jippermettu lill-entitajiet kontraenti u lill-awtoritajiet kontraenti li japplikaw dik id-Direttiva, jikkonformaw fl-istess waqt mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehim. F’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/25/UE, kull sentejn il-Kummissjoni trid tivverifika li l-limiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva, jikkorrispondu għal-limiti stabbiliti fil-Ftehim u fejn dan ikun neċessarju, trid tirrevedihom.

(3)

Il-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE ġew riveduti. F’konformità mal-Artikolu 68(1) tad-Direttiva 2009/81/KE, il-limiti stabbiliti f’dik id-Direttiva jridu jiġu allinjati mal-limiti riveduti stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2009/81/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/81/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (a), “EUR 443 000” huwa sostitwit b’“EUR 428 000”;

(2)

fil-punt (b), “EUR 5 548 000” huwa sostitwit b’“EUR 5 350 000”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/115/UE tat-2 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, (ĠU L 68, 7.3.2014, p. 1).

(3)  ĠU L 68, 7.3.2014, p. 2.

(4)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).