30.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1811

tat-23 ta’ Ottubru 2019

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jenħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni (Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Magna mobbli, awtobilanċjata, li taħdem bl-elettriku, imsejħa “robot ta’ telepreżenza”. Din hija magħmula mill-komponenti ewlenin li ġejjin f’housing wieħed b’żewġ roti mmuntati fuq fus:

aċċelerometru u ġiroskopju,

mutur elettriku,

Bluetooth module,

batterija rikarikabbli.

L-oġġett għandu konnessjoni għall-iċċarġjar tal-batterija, dawl li jindika l-istatus u arblu teleskopiku vertikali b’kontroll tal-għoli motorizzat. L-arblu għandu ħowlder li jista’ jinqala’ u li jieħu kompjuter tablet (“tablet”) fuq in-naħa ta’ fuq. Il-ħowlder huwa mgħammar b’port USB għall-iċċarġjar tat-tablet.

L-oġġett jista’ jiġi kkontrollat mill-bogħod biss permezz ta’ apparat kompatibbli (tablet, eċċ.) b’funzjonijiet ta’ komunikazzjoni mingħajr fili bl-użu tal-Bluetooth.

L-oġġett jintuża biex iġorr u jgħolli jew ibaxxi t-tablet u biex iforni t-tablet bl-enerġija elettrika.

Ara l-istampa (*).

8428 90 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota 3 tat-Taqsima XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8428, 8428 90 u 8428 90 90 .

L-oġġett, kulma jagħmel, huwa li jġorr it-tablet u jforniha bl-enerġija elettrika; ma jippermettix lit-tablet twettaq operazzjonijiet li mhumiex dawk li għalihom hija ddisinjata. Għalhekk la jadatta t-tablet għal xi operazzjoni partikolari, la jżid mal-għadd ta’ operazzjonijiet tagħha, u lanqas ma jwettaq xi servizz partikolari fir-rigward tal-funzjoni prinċipali tat-tablet (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Unomedical, C-152/10, EU:C:2011:402, il-paragrafu 29, u ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 8473, it-tieni paragrafu).

Konsegwentement, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8473 bħala aċċessorju għall-użu uniku jew prinċipali ma’ magni tal-intestaturi 8470 sa 8472 hija eskluża.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8479 jew 8543 hija eskluża minħabba li l-oġġett iwettaq diversi funzjonijiet tal-magni msemmija fl-intestaturi tal-Kapitolu 84 jew 85 (Taqsima XVI), bħal funzjoni ta’ rfigħ u maniġġjar (iġorr u jgħolli jew ibaxxi t-tablet), u li jipprovdi kurrent lil apparat u funzjoni ta’ komunikazzjoni bl-użu tal-protokoll tal-Bluetooth.

Permezz tan-Nota 3 tat-Taqsima XVI, għandu jiġi kklassifikat bħala dak l-apparat li jwettaq il-funzjoni prinċipali.

L-oġġett huwa ddisinjat biex iġorr u jgħolli jew ibaxxi tablet u, konsegwentement, din hija l-funzjoni prinċipali tiegħu skont it-tifsira tan-nota 3 tat-Taqsima XVI. Il-funzjonijiet l-oħra huma anċillari.

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 8428 90 90 bħala makkinarju ieħor għall-irfigħ, immaniġġjar, tagħbija u ħatt.

Image 1


(*1)  (*) L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.