31.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 279/7


REGOLAMENT (UE) 2019/1797 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Ottubru 2019

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Marzu 2017 ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun saret dik in-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)

Wara talba mir-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew ikkonċeda l-ewwel estensjoni fit-22 ta’ Marzu 2019 (3). Fil-11 ta’ April 2019, wara talba mir-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew qabel (4) li jestendi aktar il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE sal-31 ta’ Ottubru 2019. Sakemm ma jidħolx fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ, konkluż mar-Renju Unit, sal-jum wara dak li fih it-Trattati jiefqu japplikaw għar-Renju Unit, jew il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi l-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE għat-tielet darba, il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE se jintemm fil-31 ta’ Ottubru 2019, u r-Renju Unit se joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim u mill-1 ta’ Novembru 2019 se jsir pajjiż terz.

(3)

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-25 ta’ April 2019 (5) (il-‘Ftehim dwar il-Ħruġ’) jinkludi arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni għar-Renju Unit wara d-data li fiha t-Trattati jiefqu japplikaw għar-Renju Unit. Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ jidħol fis-seħħ, il-politika komuni tas-sajd (PKS) se tapplika għar-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u se tieqaf tapplika fi tmiem dak il-perjodu.

(4)

Kif previst fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (6) u fil-Ftehim fuq l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ħażniet ta’ ħut li jpassu f’żona limitata (straddling) u ħażniet ta’ ħut li jpassu ħafna (highly migratory) tal-4 ta’ Awwissu 1995 (7), il-partijiet huma obbligati li jiżguraw, permezz ta’ miżuri xierqa ta’ konservazzjoni u ġestjoni, li r-riżorsi ħajjin tal-baħar jinżammu f’livelli fejn ma jkunux fil-periklu minħabba l-isfruttament żejjed.

(5)

B’konsegwenza ta’ dan, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-opportunitajiet ta’ qbid ikkombinati disponibbli għall-Unjoni u għar-Renju Unit jiżguraw ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet rilevanti.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jistabbilixxi r-regoli għall-ħruġ u għall-ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd f’ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz u għall-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiż terz biex iwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2019/498 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) emenda r-Regolament (UE) 2017/1403 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni. B’hekk dik l-emenda tippermetti li l-bastimenti tal-Unjoni u tar-Renju Unit ikomplu jkollhom il-possibbiltà li jaċċessaw l-ilmijiet ta’ xulxin biex iwettqu attivitajiet tas-sajd. Ġiet prevista wkoll sistema flessibbli li permezz tagħha l-Unjoni tista’ tiskambja kwoti mar-Renju Unit wara li t-Trattati jiefqu japplikaw għar-Renju Unit. Jeħtieġ li jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet biex jippermetti l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għal attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ xulxin f’każ li ma jiġi konkluż l-ebda ftehim dwar is-sajd mar-Renju Unit bħala pajjiż terz, dejjem jekk il-ġestjoni tal-istokkijiet rilevanti tibqa’ sostenibbli u tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-PKS u fir-Regolamenti tal-Kunsill li jiffissaw l-opportunitajiet tas-sajd.

(8)

L-opportunitajiet tas-sajd għall-2019, u għall-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020, ġew iffissati (10) meta r-Renju Unit kien għadu Stat Membru. Dawk l-opportunitajiet tas-sajd jipprovdu l-bażi għas-sostenibbiltà ta’ dawk l-attivitajiet tas-sajd. Għall-opportunitajiet tas-sajd l-oħra kollha għall-2020, huwa essenzjali li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-opportunitajiet tas-sajd.

(9)

Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat sal-31 ta’ Ottubru 2019, u jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni fl-1 ta’ Novembru 2019, jista’ ma jkunx fattibbli għall-Unjoni u għar-Renju Unit li jikkonkludu arranġament komuni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet ikkonċernati għall-2020 fi żmien biżżejjed għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd f’Diċembru tal-2019, meta qed jiġi ppjanat li jiġu ffissati l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena ta’ wara. Madankollu, in-nuqqas, bħala tali, ta’ arranġament komuni ma jimpedixxix lill-Unjoni u lir-Renju Unit milli jagħtu aċċess għall-ilmijiet ta’ xulxin. F’dak il-każ, iż-żewġ partijiet ikunu jistgħu joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-parti l-oħra, sakemm iż-żewġ partijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet rilevanti.

(10)

Għalhekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2403, u bħala prerekwiżit għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd, l-Unjoni se jkollha bżonn tivvaluta jekk l-effett ikkombinat tal-operazzjonijiet tas-sajd li jiġi stabbilit fil-miżuri ta’ ġestjoni introdotti mill-Unjoni u mir-Renju Unit għall-2020 jikkonformax mal-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet ikkonċernati.

(11)

Il-konsistenza tal-opportunitajiet ta’ sajd ikkombinati tal-Unjoni u tar-Renju Unit mal-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet ikkonċernati trid tiġi vvalutata fid-dawl tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli għall-istokkijiet ikkonċernati, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) kif ukoll tal-kriterji u l-parametri stabbiliti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni applikabbli fis-seħħ u r-Regolamenti tal-Kunsill rilevanti li jiffissaw l-opportunitajiet tas-sajd għall-2020.

(12)

F’każ li tista’ tiġi żgurata tali konsistenza, huwa importanti li tinżamm il-possibbiltà li l-Unjoni u r-Renju Unit jagħmlu arranġamenti fejn il-bastimenti tas-sajd rispettivi tagħhom ikomplu jaċċessaw l-ilmijiet ta’ xulxin fl-2020 biex iwettqu attivitajiet tas-sajd, fid-dawl tal-importanza tas-sajd għall-għajxien ekonomiku ta’ bosta komunitajiet kostali.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-miżuri kollha li jikkonċernaw l-operazzjonijiet tas-sajd previsti fil-miżuri ta’ kontinġenza adottati taħt ir-Regolament (UE) 2019/498 tiġi estiża biex tkopri s-sena 2020, u jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2403 jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-Regolament u kull referenza fih għar-Renju Unit ma jinkludux lil Ġibiltà.

(15)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u li japplika fid-data ta’ wara dik li fiha t-Trattati jiefqu japplikaw għar-Renju Unit, sakemm sa dik id-data ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit. Jenħtieġ li japplika sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(16)

Minħabba l-urġenza li jġib miegħu l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, tqies xieraq li tiġi pprovduta eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(17)

Sabiex kemm l-operaturi tal-Unjoni kif ukoll dawk tar-Renju Unit ikunu jistgħu jkomplu jistadu skont l-opportunitajiet tas-sajd rilevanti allokati lilhom, jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-attivitajiet fl-ilmijiet tal-Unjoni jingħataw biss lill-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit jekk u sa fejn il-Kummissjoni tkun sodisfatta li, fuq il-bażi tar-reċiproċità, ir-Renju Unit jagħti drittijiet ta’ aċċess lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni biex iwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tar-Renju Unit,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2017/2403 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 18a, id-data “31 ta’ Diċembru 2019” hija sostitwita b’“31 ta’ Diċembru 2020”.

(2)

Fl-Artikolu 38a, id-data “31 ta’ Diċembru 2019” hija sostitwita b’“31 ta’ Diċembru 2020”.

(3)

L-Artikolu 38b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 38b

Operazzjonijiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit

Il-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit jistgħu jwettqu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kunsill li jiffissaw l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 u l-2020, sakemm l-opportunitajiet tas-sajd ikkombinati stabbiliti kemm mill-Unjoni kif ukoll mir-Renju Unit jikkonformaw mal-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet rilevanti skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.”.

(4)

Fl-Artikolu 38c(2), il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

fejn applikabbli, l-opportunitajiet tas-sajd huma disponibbli għar-Renju Unit skont l-Artikolu 38b.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data ta’ wara dik li fiha t-Trattati jiefqu japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ikun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE sad-data ta’ wara dik li fiha t-Trattati jiefqu japplikaw għar-Renju Unit.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  Opinjoni tal-25 ta’ Settembru 2019 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2019.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tat-22 ta’ Marzu 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perjodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1).

(5)  Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill- Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 144 I, 25.4.2019, p. 1).

(6)  Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3 ).

(7)   ĠU L 189, 3.7.1998, p. 16.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2019/498 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall- bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tal-bastimenti tas- sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni (ĠU L 85 I, 27.3.2019, p. 25).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/124 tat-30 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 29, 31.1.2019, p. 1) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2025 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond għall-2019 u għall-2020 (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 7).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).