|
31.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 279/4 |
REGOLAMENT (UE) 2019/1796 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Ottubru 2019
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014–2020)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għat-tul kollu tal-qafas finanzjarju pluriennali, mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013. L-FEG ġie stabbilit biex jippermetti lill-Unjoni turi solidarjetà mal-ħaddiema li tilfu l-impjiegi tagħhom b’riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni. |
|
(2) |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG twessa’ fl-2009 bir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) bħala parti mill-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) stabbilixxa l-FEG għat-tul kollu tal-qafas finanzjarju pluriennali, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Ir-Regolament estenda wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG biex ma jkoprix biss is-sensji li jirriżultaw minn bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u s-sensji li jirriżultaw minn taqlib ekonomiku serju kkawżat minn kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, iżda wkoll is-sensji li jirriżultaw minn kwalunkwe kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) emenda r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 sabiex jintroduċi, fost oħrajn, regoli li jippermettu lill-FEG ikopri eċċezzjonalment l-applikazzjonijiet kollettivi li jinvolvu lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li jinsabu f’reġjun wieħed u li joperaw f’setturi ekonomiċi differenti definiti fil-livell tad-diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2, fejn l-Istat Membru applikant juri li tali SMEs huma t-tip ewlieni jew esklużiv ta’ negozju f’dak ir-reġjun. |
|
(4) |
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ser jieqfu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perijodu. |
|
(5) |
Wara li ntlaħaq ftehim għall-ewwel estensjoni fit-22 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/584 (7) fil-11 ta’ April 2019, fejn huwa qabel, wara talba ulterjuri mir-Renju Unit, li jestendi l-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE sal-31 ta’ Ottubru 2019. Sakemm ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit ma jkunx daħal fis-seħħ sad-data ta’ wara dik li fiha t-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit, jew il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, unanimament jiddeċiedi li jestendi l-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE għat-tielet darba, il-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE ser jintemm fil-31 ta’ Ottubru 2019. |
|
(6) |
Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ x’aktarx jaffettwa b’mod negattiv li xi industriji u servizzi billi jwassal biex xi persuni li jaħdmu f’dawk is-setturi jingħataw is-sensji. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 sabiex jispeċifika li tali sensji jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG. Dan jiżgura li l-FEG ikun jista’ jirrispondi b’mod effettiv billi jipprovdi assistenza lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja f’oqsma, setturi, territorji jew swieq tax-xogħol soġġetti għal taqlib ekonomiku serju minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ. |
|
(7) |
Fid-dawl tal-urġenza li nħolqot mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, tqies li huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-TUE , mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
|
(8) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-jum ta’ wara dak li fih it-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax jekk sa dik id-data jkun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 50(2) TUE, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendar tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013
Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
“(a) |
ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet b’riżultat tal-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni, li jidhru, b’mod partikolari, minn żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet lejn l-Unjoni, bidla serja fil-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi fl-Unjoni, minn tnaqqis rapidu tas-sehem mis-suq tal-Unjoni f’settur partikolari, minn delokalizzazzjoni ta’ attivitajiet lejn pajjiżi terzi jew bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ, dment li dawn is-sensji jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali;”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-jum ta’ wara dak li fih it-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE.
Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 50(2) TUE jkun daħal fis-seħħ sad-data ta’ wara dik li fiha t-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Ottubru 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-Presidentt
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-Presiden
T. TUPPURAINEN
(1) Opinjoni tal-25 ta’ Settembru 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2019.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
(6) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1).