25.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/95


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1782

tal-1 ta’ Ottubru 2019

li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-provvisti tal-elettriku esterni skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 278/2009

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2009/125/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija li jirrappreżentaw ammonti sinifikanti ta’ bejgħ u ta’ kummerċ fl-Unjoni u li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom, mingħajr ma jinvolvu kostijiet eċċessivi.

(2)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2016)773 (2) (il-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn), stabbilita mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2009/125/KE, tistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ ħidma skont il-qafas tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għall-perjodu 2016-2019. Il-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn jidentifika l-gruppi ta’ prodotti relatati mal-enerġija li għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet għat-twettiq ta’ studji preparatorji u l-adozzjoni eventwali tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, kif ukoll ir-rieżami tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 278/2009 (3).

(3)

Miżuri mill-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn għandhom potenzjal stmat li jġibu magħhom iffrankar fl-enerġija finali annwali sal-2030 li jaqbeż il-260 TWh, li hu l-ekwivalenti għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’madwar 100 miljun tunnellata. Il-provvisti tal-elettriku esterni huma wieħed mill-gruppi ta’ prodotti elenkati fil-pjan ta’ ħidma.

(4)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet rekwiżiti tal-ekodisinn għal provvisti tal-elettriku esterni fir-Regolament (KE) Nru 278/2009. Skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżaminahom mill-ġdid fid-dawl tal-progress teknoloġiku.

(5)

Il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid ir-Regolament (KE) Nru 278/2009 u analizzat l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-provvisti tal-elettriku esterni kif ukoll l-imġiba tal-utenti fir-realtà. L-eżami mill-ġdid twettaq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-partijiet interessati mill-Unjoni u pajjiżi terzi. Ir-riżultati tar-rieżami ġew ippubblikati u ppreżentati lill-Forum Konsultattiv stabbilit mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE.

(6)

L-istudju tar-rieżami juri li l-provvisti tal-elettriku esterni jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet kbar, u jiddeskrivi fil-qosor il-benefiċċji tal-aġġornament tar-rekwiżiti tal-ekodisinn u l-adattament tagħhom għall-progress teknoloġiku.

(7)

Provvisti tal-enerġija elettrika esterna b’outputs ta’ vultaġġi multipli, li mhumiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 278/2009, qegħdin jitpoġġew fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet dejjem akbar. Għaldaqstant jenħtieġ li jkunu inklużi fil-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament biex jiġi żgurat iffrankar ogħla tal-enerġija u jiġi pprovdut ambjent ekwu.

(8)

Huwa xieraq li l-provvisti tal-elettriku esterni li jadattaw il-vultaġġ tal-output tagħhom għat-tagħbija primarja jkomplu jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

(9)

Jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-ekodisinn jarmonizzaw il-konsum tal-enerġija tal-provvisti tal-elettriku esterni, b’hekk jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern. Jenħtieġ ukoll li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali ta’ provvisti tal-elettriku esterni. Ġie stmat li jista’ jseħħ iffrankar potenzjali tal-enerġija finali annwali ta’ 4,3 TWh sal-2030, li jikkorrispondi għal 1,45 miljun tunnellata ekwivalenti ta’ CO2, meta mqabbel mas-sitwazzjoni li fiha ma tittieħed l-ebda miżura ulterjuri.

(10)

Il-parametri rilevanti tal-prodotti jenħtieġ li jitkejlu permezz ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli. Dawk il-metodi jenħtieġ li jqisu l-aktar metodi ta’ kejl avvanzati rikonoxxuti, inklużi, fejn ikunu disponibbli, standards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, kif elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(11)

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, dan ir-Regolament jenħtieġ li jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

(12)

Sabiex jiffaċilitaw il-verifiki tal-konformità, fid-dokumentazzjoni teknika l-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jenħtieġ li jipprovdu t-tagħrif imsemmi fl-Annessi IV u V tad-Direttiva 2009/125/KE, safejn dak it-tagħrif ikollu x’jaqsam mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(13)

Minbarra r-rekwiżiti legalment vinkolanti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu identifikati parametri ta’ referenza għall-aqwa teknoloġiji disponibbli sabiex l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom soġġetta għal dan ir-Regolament tkun disponibbli b’mod mifrux u faċilment aċċessibbli, skont id-Direttiva 2009/125/KE, l-Anness I, parti 3, punt 2.

(14)

Rieżami ta’ dan ir-Regolament huwa mistenni li jivvaluta l-adegwatezza u l-effettività tad-dispożizzjonijiet tiegħu biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu. It-twaqqit tal-eżami mill-ġdid jenħtieġ li jkun biżżejjed biex id-dispożizzjonijiet kollha jkunu implimentati u juri effett fis-suq.

(15)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 278/2009 jenħtieġ li jitħassar.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz ta’ provvisti tal-elettriku esterni.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

konvertituri tal-vultaġġ;

(b)

provvisti tal-elettriku mingħajr interruzzjoni;

(c)

chargers tal-batteriji mingħajr funzjoni ta’ provvista ta’ enerġija;

(d)

konvertituri tat-tidwil;

(e)

provvisti tal-elettriku esterni għall-apparat mediku;

(f)

injetturi power over Ethernet attivi;

(g)

stazzjonijiet għad-dokkjar għal tagħmir awtonomu;

(h)

il-provvisti tal-elettriku esterni li jitqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ April 2025 biss bħala service part jew bħala spare part ta’ provvista tal-elettriku esterna identika li titqiegħed fis-suq qabel l-1 ta’ April 2020, bil-kundizzjoni li s-service part jew l-ispare part, jew l-imballaġġ tagħha, ikunu jindikaw b’mod ċar “Provvista tal-elettriku esterna li għandha tintuża biss bħala spare part għal” u l-prodott(i) ta’ tagħbija primarja li l-part għas-service jew l-ispare part huma maħsuba biex jintużaw miegħu/magħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“provvista tal-elettriku esterna” tfisser tagħmir li jissodisfa dawn il-kriterji kollha:

(a)

huwa ddisinjat biex jibdel l-input ta’ enerġija elettrika b’kurrent alternanti (AC) mis-sors tal-enerġija tal-mejn għal outputs ta’ vultaġġ aktar baxx b’kurrent dirett (DC) jew AC;

(b)

jintuża ma’ tagħmir separat wieħed jew aktar li jikkostitwixxi t-tagħbija primarja;

(c)

ikun magħluq f’kompartiment fiżiku sseparat mit-tagħmir jew mill-apparati li jikkostitwixxu t-tagħbija primarja;

(d)

jitqabbad mat-tagħmir li jikkostitwixxi t-tagħbija primarja permezz ta’ konnessjoni elettrika maskili/femminili, kejbil, fil jew wajer ieħor li huwa permanenti jew li jista’ jinqala’;

(e)

ikollu potenza ta’ output tan-nameplate ta’ mhux aktar minn 250 watt; u

(f)

jintuża ma’ tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju inkluż fl-Anness I;

(2)

“provvista tal-elettriku esterna b’vultaġġ baxx” tfisser provvista tal-elettriku esterna b’vultaġġ tal-output tan-nameplate ta’ inqas minn 6 volts u b’kurrent tal-output tan-nameplate ta’ 550 milliamperes jew aktar;

(3)

“provvista tal-elettriku esterna b’outputs ta’ vultaġġi multipli” tfisser provvista tal-elettriku esterna li kapaċi tibdel l-input ta’ enerġija elettrika AC mis-sors tal-enerġija tal-mejn f’iktar minn output wieħed simultanju b’vultaġġ AC jew DC aktar baxx;

(4)

“konvertitur tal-vultaġġ” ifisser apparat li jibdel l-input ta’ 230 volts mis-sors tal-enerġija tal-mejn għal output ta’ enerġija ta’ 110 volts b’karatteristiċi simili għall-karatteristiċi tal-input tas-sors tal-enerġija tal-mejn;

(5)

“provvista tal-elettriku mingħajr interruzzjoni” tfisser apparat li jipprovdi backup ta’ enerġija elettrika b’mod awtomatiku meta l-vultaġġ tal-enerġija elettrika mis-sors tal-enerġija tal-mejn jaqa’ għal livell baxx li ma jkunx aċċettabbli;

(6)

“charger tal-batteriji” ifisser tagħmir li jitqabbad direttament ma’ batterija li tinqala’ fl-interfaċċja tal-output tagħha;

(7)

“konvertitur tat-tidwil” ifisser provvista tal-elettriku esterna li tintuża b’sorsi ta’ dawl b’vultaġġ baxx ħafna;

(8)

“injettur power over Ethernet attiv” tfisser tagħmir li jibdel l-input mis-sors tal-enerġija tal-mejn għal output ta’ vultaġġ DC aktar baxx, għandu port tal-input wieħed jew aktar tal-Ethernet u port tal-output wieħed jew aktar tal-Ethernet, iwassal enerġija lil tagħmir wieħed jew aktar imqabbdin mal-port(s) tal-output tal-Ethernet, u jipprovdi l-vultaġġ nominali fil-port(s) tal-output biss meta tagħmir kompatibbli jiġi skopert wara proċess standardizzat;

(9)

“stazzjon għad-dokkjar għal tagħmir awtonomu” tfisser biċċa tagħmir li fih apparat li jaħdem bil-batteriji, li jeżegwixxi kompiti li jeħtieġu li l-apparat jiċċaqlaq mingħajr ebda intervent mill-utent jitqiegħed biex jiċċarġja, u li jista’ jiggwida l-movimenti indipendenti tat-tagħmir;

(10)

“mejns” tfisser il-provvista tal-elettriku mill-grilja ta’ 230 (± 10 %) volts ta’ kurrent alternat b’50 Hz;

(11)

“tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni” tfisser tagħmir li l-funzjoni primarja tiegħu hija jew id-dħul, il-ħżin, il-wiri, l-irkupru it-trasmissjoni, l-ipproċessar, l-iswiċċjar jew il-kontroll tad-data jew ta’ messaġġi tat-telekomunikazzjoni, jew kombinazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet u jkun mgħammar b’port terminali wieħed jew aktar li tipikament jitħaddem jew jitħaddmu għat-trasferiment tal-informazzjoni;

(12)

“ambjent domestiku” tfisser ambjent fejn jista’ jkun mistenni l-użu ta’ riċevituri tax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni fil-limiti ta’ distanza ta’ 10 m mit-tagħmir ikkonċernat;

(13)

“potenza tal-output tan-nameplate” (PO) tfisser il-potenza massima tal-output kif speċifikata mill-manifattur;

(14)

“kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija” tfisser il-kundizzjoni li fiha, l-input ta’ provvista tal-elettriku esterna jkun imqabbad mas-sors tal-elettriku tal-mejn, iżda l-output ma jkunx imqabbad ma xi tagħbija primarja;

(15)

“modalità attiva” tfisser il-kundizzjoni li fiha, l-input ta’ provvista tal-elettriku esterna jkun imqabbad mas-sors tal-elettriku tal-mejns, u l-output ikun imqabbad ma’ xi tagħbija;

(16)

“effiċjenza tal-modalità attiva” tfisser il-proporzjon tal-potenza prodotta minn provvista tal-elettriku esterna fil-modalità attiva, mal-potenza tal-input meħtieġa biex tiġi prodotta;

(17)

“effiċjenza medja tal-istat attiv” tfisser il-medja tal-effiċjenzi tal-modalità attiva f’25 %, 50 %, 75 % u 100 % tal-potenza tal-output tan-nameplate;

(18)

“mudell ekwivalenti” tfisser mudell bl-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti għall-informazzjoni teknika li trid tingħata, iżda li jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz mill-istess manifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat bħal mudell ieħor b’identifikatur differenti tal-mudell;

(19)

“identifikatur tal-mudell” tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell ta’ prodott speċifiku minn mudelli oħra bl-istess marka kummerċjali jew bl-isem tal-istessmanifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stabbiliti fl-Anness II għandhom japplikaw mid-dati indikati fih.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-disinn stipulata fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni stipulata fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.

2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha l-valuri ddikjarati tal-parametri elenkati fl-Anness II, punt 2(c).

3.   Meta l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari tkun inkisbet:

(a)

minn mudell li għandu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti għall-informazzjoni teknika li trid tiġi pprovduta iżda huwa prodott minn manifattur differenti, jew

(b)

permezz ta’ kalkolu abbażi ta’ disinn jew estrapolazzjoni minn mudell ieħor tal-istess manifattur jew ta’ manifattur differenti, jew it-tnejn li huma.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi d-dettalji u r-riżultati ta’ tali kalkolu, il-valutazzjoni mwettqa mill-manifatturi biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-kalkolu u, fejn xieraq, id-dikjarazzjoni ta’ identità bejn il-mudelli ta’ manifatturi differenti.

Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi lista tal-mudelli ekwivalenti kollha, inkluż l-identifikaturi tal-mudell.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

Meta jkunu qed iwettqu l-verifiki tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3, punt 2 tad-Direttiva 2009/125/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness III.

Artikolu 6

Il-punti ta’ riferiment

Il-parametri ta’ referenza għall-prodotti u teknoloġiji bl-aqwa prestazzjoni li jkunu disponibbli fis-suq fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament huma stipulati fl-Anness IV.

Artikolu 7

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u għandha tippreżenta r-riżultati ta’ dan ir-rieżami, inkluż, jekk ikun xieraq, abbozz ta’ proposta għal reviżjoni lill-Forum Konsultattiv sal-14 ta' Novembru 2022.

B’mod partikolari, ir-rieżami għandu jevalwa: il-fattibilità tal-iffissar ta’ rekwiżit rigward l-effiċjenza enerġetika minima b’tagħbija ta’ 10 %; għażliet għall-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar iċ-chargers mingħajr fili, l-injetturi power over Ethernet attivi, u l-provvisti tal-elettriku esterni użati ma’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju li mhuwiex inkluż fl-Anness I; u għażliet biex jiġu inklużi r-rekwiżiti b’appoġġ għall-objettivi tal-ekonomija ċirkulari, inkluża l-interoperabbiltà.

Artikolu 8

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 278/2009 jitħassar mill-1 ta’ April 2020.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ April 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn 2016-2019, COM(2016)773 final tat-30 ta’ Novembru 2016.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 278/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenza attiva ta’ provvisti tal-elettriku esterni (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 3).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).


ANNESS I

Lista ta’ tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju

1.

Apparati domestiċi:

Apparati għat-tisjir u proċessar ieħor tal-ikel, għall-preparazzjoni tax-xorb, għall-ftuħ jew għall-issiġillar tal-kontenituri jew pakketti, għat-tindif u għall-manutenzjoni tal-ħwejjeġ;

Apparati għall-qtugħ tax-xagħar, għat-tnixxif tax-xagħar, għat-trattament tax-xagħar, għall-ħasil tas-snien, għat-tqaxxir tal-leħja, għall-massaġġi u tagħmir ieħor għall-kura tal-ġisem;

Skieken elettriċi;

Imwieżen;

Arloġġi, arloġġi tal-idejn u apparat għall-kejl, għall-indikazzjoni jew għar-reġistrazzjoni tal-ħin.

2.

Tagħmir tat-teknoloġija tal-informatika, inklużi apparat għall-ikkupjar u għall-istampar, kif ukoll kaxxi set-top, maħsub primarjament għall-użu fid-dar.

3.

Tagħmir tal-konsumatur:

Settijiet tar-radju;

Video cameras;

Video recorders;

Hi-fi recorders;

Amplifikaturi tal-awdjo;

Sistemi tat-teatru d-dar;

Televiżjonijiet;

Strumenti mużikali;

Tagħmir ieħor għar-reġistrazzjoni jew ir-riproduzzjoni tal-ħoss jew tal-istampi, inklużi s-sinjali jew teknoloġiji oħra għad-distribuzzjoni tal-ħoss u tal-istampi minbarra t-telekomunikazzjonijiet.

4.

Ġugarelli elettriċi u elettroniċi, tagħmir tad-divertiment u tal-isport:

Ferroviji tal-elettriku jew settijiet tat-tlielaq tal-karozzi;

Consoles tal-logħob, inklużi consoles tal-logħob li jinżammu fl-idejn;

Tagħmir tal-isport b’komponenti elettriċi jew elettroniċi;

Ġugarelli oħrajn, tagħmir tad-divertiment u tal-isport.


ANNESS II

Rekwiżiti tal-ekodisinn għal provvisti tal-elettriku esterni

1.   Rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika:

(a)

Mill-1 ta’ April 2020, il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ma għandux jaqbeż il-valuri li ġejjin:

 

Provvisti tal-elettriku esterni AC-AC, minbarra provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx u b’vultaġġi multipli

Provvisti tal-elettriku esterni AC-DC, minbarra provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx u b’vultaġġi multipli

Provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

Provvisti tal-elettriku esterni b’outputs ta’ vultaġġi multipli

PO ≤ 49,0 W

0,21 W

0,10 W

0,10 W

0,30 W

PO > 49,0 W

0,21 W

0,21 W

0,21 W

0,30 W

(b)

Mill-1 ta’ April 2020, l-effiċjenza medja tal-modalità attiva m’għandhiex tkun inqas mill-valuri li ġejjin:

 

Provvisti tal-elettriku esterni AC-AC, minbarra provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx u b’vultaġġi multipli

Provvisti tal-elettriku esterni AC-DC, minbarra provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx u b’vultaġġi multipli

Provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

Provvisti tal-elettriku esterni b’outputs ta’ vultaġġi multipli

PO ≤ 1,0 W

0,5 × PO/1 W+ 0,160

0,5 × PO/1 W+ 0,160

0,517 × PO/1 W+ 0,087

0,497 × PO/1 W+ 0,067

1 W < PO ≤ 49,0 W

0,071 × ln(PO/1 W) – 0,0014 × PO/1 W+ 0,67

0,071 × ln(PO/1 W) – 0,0014 × PO/1 W+ 0,67

0,0834 × ln(PO/1 W) – 0,0014 × Po/1 W+ 0,609

0,075 × ln(PO/1 W) + 0,561

PO > 49,0 W

0,880

0,880

0,870

0,860

2.   Rekwiżiti ta’ informazzjoni:

(a)

mill-1 ta’ April 2020, in-nameplate għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

Informazzjoni tan-nameplate

Valur u preċiżjoni

Unità

Noti

Potenza tal-output

X,X

W

F’każijiet fejn jitkejlu aktar minn output fiżiku wieħed jew aktar minn vultaġġ wieħed ta’ output fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 1, għandhom jingħataw is-settijiet tal-vultaġġ tal-Output — il-kurrent tal-Output — Qawwa tal-Output.

Vultaġġ tal-output

X,X

V

F’każijiet fejn jitkejlu aktar minn output fiżiku wieħed jew aktar minn vultaġġ wieħed ta’ output fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 1, għandhom jingħataw is-settijiet tal-vultaġġ tal-Output — il-kurrent tal-Output — Qawwa tal-Output.

Kurrent tal-output

X,X

A

F’każijiet fejn jitkejlu aktar minn output fiżiku wieħed jew aktar minn vultaġġ wieħed ta’ output fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 1, għandhom jingħataw is-settijiet tal-vultaġġ tal-Output — il-kurrent tal-Output — Qawwa tal-Output.

(b)

mill-1 ta’ April 2020, manwali bl-istruzzjonijiet għall-utenti aħħarin (fejn japplika), u siti web b’aċċess liberu tal-manifatturi, tal-importaturi u tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja, fl-ordni stabbilita hawn taħt:

Informazzjoni ppubblikata

Valur u preċiżjoni

Unità

Noti

L-isem tal-manifattur jew il-marka kummerċjali, in-numru ta’ reġistrazzjoni kummerċjali u l-indirizz

-

-

-

Identifikatur tal-mudell

-

-

-

Vultaġġ tal-input

X

V

Speċifikat mill-manifattur. Għandu jkun valur jew firxa ta’ valuri.

Frekwenza tal-input AC

X

Hz

Speċifikat mill-manifattur. Għandu jkun valur jew firxa ta’ valuri.

Vultaġġ tal-output

X,X

V

Vultaġġ tal-output tan-nameplate. Għandu jindika jekk huwiex AC jew DC.

F’każijiet fejn jitkejlu aktar minn output fiżiku wieħed jew aktar minn vultaġġ wieħed ta’ output fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 1, is-settijiet tal-vultaġġ tal-Output — kurrent tal-Output — Potenza tal-output għandhom jiġu ppubblikati.

Kurrent tal-output

X,X

A

Kurrent tal-output tan-nameplate.

F’każijiet fejn jitkejlu aktar minn output fiżiku wieħed jew aktar minn vultaġġ wieħed ta’ output fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 1, is-settijiet tal-vultaġġ tal-Output — kurrent tal-Output — Potenza tal-output għandhom jiġu ppubblikati.

Potenza tal-output

X,X

W

Potenza tal-output tan-nameplate.

F’każijiet fejn jitkejlu aktar minn output fiżiku wieħed jew aktar minn vultaġġ wieħed ta’ output fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 1, is-settijiet tal-vultaġġ tal-Output — kurrent tal-Output — Potenza tal-output għandhom jiġu ppubblikati.

Effiċjenza medja tal-modalità attiva

X,X

%

Iddikjarata mill-manifattur abbażi tal-valur ikkalkulat bħala l-medja aritmetika tal-effiċjenza fil-kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-4.

F’każijiet fejn jiġu ddikjarati effiċjenzi medji multipli tal-modalità attiva għal vultaġġi tal-output multipli disponibbli fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 1, il-valur ippubblikat għandu jkun l-effiċjenza medja tal-modalità attiva ddikjarata għall-vultaġġ tal-output l-aktar baxx.

Effiċjenza f’tagħbija baxxa (10 %)

X,X

%

Iddikjarat mill-manifattur abbażi tal-valur ikkalkulat fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 5.

Il-provvisti tal-elettriku esterni b’potenza tal-output tan-nameplate ta’ 10 W jew inqas għandhom jiġu eżentati minn dan ir-rekwiżit.

F’każijiet fejn jiġu ddikjarati effiċjenzi medji multipli tal-modalità attiva għal vultaġġi multipli tal-output disponibbli f’kundizzjoni ta’ tagħbija 1, il-valur ippubblikat għandu jkun il-valur iddikjarat għall-iktar vultaġġ baxx tal-output.

Konsum ta’ enerġija mingħajr tagħbija

X,XX

W

Iddikjarat mill-manifattur abbażi tal-valur imkejjel għall-kundizzjoni ta’ tagħbija 6.

Il-kundizzjonijiet ta’ tagħbija rilevanti huma dawn:

Perċentwali tal-kurrent tal-output tan-nameplate

Kundizzjoni ta’ tagħbija 1

100 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ tagħbija 2

75 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ tagħbija 3

50 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ tagħbija 4

25 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ tagħbija 5

10 % ± 1 %

Kundizzjoni ta’ tagħbija 6

0 % (kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija)

(c)

mill-1 ta’ April 2020, id-dokumentazzjoni teknika għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 4 għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(1)

għal provvisti tal-elettriku esterni b’potenza tal-output tan-nameplate ta’ aktar minn 10 watts:

Kwantità rrapportata

Deskrizzjoni

Medja kwadratika tal-kurrent tal-output (mA)

Imkejla f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1–5

Medja kwadratika tal-vultaġġ tal-output (V)

Potenza Attiva tal-Output (W)

Medja kwadratika tal-vultaġġ tal-input (V)

Imkejla f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-6

Medja kwadratika tal-potenza tal-input (W)

Distorsjoni armonika totali tal-kurrent tal-input

Fattur ta’ potenza reali

Konsum ta’ Enerġija (W)

Ikkalkulat f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-5, imkejjel fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 6

Effiċjenza tal-modalità attiva

Imkejla f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-5

Effiċjenza medja tal-modalità attiva

Il-medja aritmetika tal-effiċjenza f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1–4

F’każijiet fejn jitkejlu aktar minn output fiżiku wieħed jew aktar minn vultaġġ tal-output wieħed fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 1, il-kwantitajiet irrappurtati rilevanti għandhom jiġu speċifikati għal kull kejl.

Il-kundizzjonijiet ta’ tagħbija rilevanti huma stabbiliti fil-punt 2(b);

(2)

għal provvisti tal-elettriku esterni b’potenza tal-output tan-nameplate ta’ 10 watts jew inqas:

Kwantità rrapportata

Deskrizzjoni

Medja kwadratika tal-kurrent tal-output (mA)

Imkejla f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-4

Medja kwadratika tal-vultaġġ tal-output (V)

Potenza Attiva tal-Output (W)

Medja kwadratika tal-vultaġġ tal-input (V)

Imkejla fil-kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1–4 u 6

Medja kwadratika tal-potenza tal-input (W)

Distorsjoni armonika totali tal-kurrent tal-input

Fattur ta’ potenza reali

Konsum ta’ Enerġija (W)

Ikkalkulat f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-4, imkejjel fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 6

Effiċjenza tal-modalità attiva

Imkejla f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-4

Effiċjenza medja tal-modalità attiva

Il-medja aritmetika tal-effiċjenza f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1–4

F’każijiet fejn jitkejlu aktar minn output fiżiku wieħed jew aktar minn vultaġġ tal-output wieħed fil-kundizzjoni ta’ tagħbija 1, il-kwantitajiet irrappurtati rilevanti għandhom jiġu speċifikati għal kull kejl.

Il-kundizzjonijiet ta’ tagħbija rilevanti huma stabbiliti fil-punt 2(b).

3.   Kejl u kalkoli

Għall-finijiet tal-konformità u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli jsiru billi jintużaw standards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dan il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew billi jintuża metodu ieħor li jkun affidabbli, preċiż u riproduċibbli, filwaqt li jqis il-metodi l-aktar avvanzati ġeneralment rikonoxxuti.


ANNESS III

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

It-tolleranzi tal-verifika stabbiliti f’dan l-Anness huma marbutin biss mal-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti l-valuri inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew għall-interpretazzjoni ta’ dawn il-valuri bl-għan li tinkiseb il-konformità jew biex tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar bi kwalunkwe mezz.

Meta tkun qed tiġi vverifikata l-konformità ta’ mudell tal-prodott mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/125/KE, għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw din il-proċedura li ġejja:

1.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw unità waħda tal-mudell.

2.

Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli, jekk:

(a)

il-valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika skont il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE (il-valuri dikjarati) u, meta applikabbli, il-valuri użati għall-kalkolu ta’ dawn il-valuri, ma jkunux aktar favorevoli għall-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat milli jkunu r-riżultati tal-kejl korrispondenti mwettaq skont il-paragrafu (g) tiegħu; u

(b)

il-valuri dikjarati jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, u kull informazzjoni meħtieġa dwar il-prodott li jippubblikaw il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ma jkunx fiha valuri aktar favorevoli għall-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat mill-valuri dikjarati; u

(c)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri ddeterminati (il-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejla waqt it-testijiet u l-valuri kkalkulati minn dan il-kejl) ikunu konformi mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1; u

(d)

meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jivverifikaw l-unità tal-mudell, din tkun konformi mar-rekwiżiti tal-informazzjoni fil-punt 2 tal-Anness II.

3.

Jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punti 2(a), (b) jew (d), il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma’ dan ir-Regolament.

4.

Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 2(c), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet oħrajn tal-istess mudell biex jiġu ttestjati. Bħala alternattiva, it-tliet unitajiet l-oħra magħżula jistgħu jkunu ta’ xi mudell ekwivalenti wieħed jew aktar.

5.

Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għal dawn it-tliet unitajiet, il-medja aritmetika tal-valuri ddeterminati tkun fi ħdan it-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1.

6.

Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 5, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi ma’ dan ir-Regolament.

7.

Meta tittieħed id-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-mudell skont il-punti 3 jew 6, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu mogħtija fl-Anness II.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 1 u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti 1 sa 7 għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness. Għall-parametri tat-Tabella 1, ma għandha tiġi applikata l-ebda tolleranza oħra, bħalma huma dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew fi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kejl.

Tabella 1

Tolleranzi tal-verifika

Parametri

Tolleranzi tal-verifika

Kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija

Il-valur determinat ma għandux jaqbeż il-valur dikjarat b’aktar minn 0,01 W.

L-effiċjenza tal-modalità attiva f’kull waħda mill-kundizzjonijiet ta’ tagħbija applikabbli

Il-valur determinat (*1) m’għandux ikun inqas mill-valur dikjarat b’aktar minn 5 %.

Effiċjenza medja tal-modalità attiva

Il-valur determinat (*1) m’għandux ikun inqas mill-valur dikjarat b’aktar minn 5 %.


(*1)  Fil-każ ta’ tliet unitajiet addizzjonali ttestjati kif preskritt fil-punt 4, il-valur iddeterminat ifisser il-medja aritmetika tal-valuri ddikjarati għal dawn it-tliet unitajiet addizzjonali.


ANNESS IV

Il-punti ta’ riferiment

Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-aqwa teknoloġija disponibbli fis-suq ta’ provvisti tal-elettriku esterni f’termini tal-konsum tal-enerġija tagħhom mingħajr tagħbija u l-effiċjenza medja tal-modalità attiva ġiet identifikata kif ġej:

(a)

Kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija:

L-aktar konsum tal-elettriku baxx disponibbli għall-kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija minn provvisti tal-elettriku esterni jista’ jiġi approssimat għal:

0,002 watt, għal PO ≤ 49,0 watts;

0,010 watt, għal PO > 49,0 watts.

(b)

Effiċjenza medja tal-modalità attiva:

L-aqwa effiċjenza medja tal-modalità attiva disponibbli tal-provvisti tal-elettriku esterni tista’ tiġi approssimata bħala:

0,767, għal PO ≤ 1,0 watt;

0,905, għal 1,0 watt < PO ≤ 49,0 watts;

0,962, għal PO > 49,0 watts.