25.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/1778

tal-24 ta’ Ottubru 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1284/2009 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tar-Repubblika tal-Guinea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/638/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Guinea (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1284/2009 (2) jagħti effett għal diversi miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2010/638/PESK.

(2)

Fl-24 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1790 (3), li temenda d-Deċiżjoni 2010/638/PESK billi daħħal artikolu dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli.

(3)

Għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1284/2009, u sabiex tiġi żgurata ċertezza legali massima fl-Unjoni, l-ismijiet ta’ u data rilevanti oħra li tikkonċerna l-persuni fiżiċi u legali, l-entitajiet u l-korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom jiġu ffriżati skont dak ir-Regolament jenħtieġ li jsiru pubbliċi. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali trid tikkonforma mar-Regolamenti (UE) 2016/679 (4) u (UE) 2018/1725 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1284/2009 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-artikolu li ġej jiddaħħal fir-Regolament (UE) Nru 1284/2009:

Artikolu 16a

1.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli") jistgħu jipproċessaw id-data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom taħt dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija ta’ emendi u l-emendar tal-Anness I;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Anness I;

(c)

fir-rigward tal-Kummissjoni:

(i)

iż-żieda tal-kontenut tal-Anness I fil-lista elettronika kkonsolidata tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva tas-sanzjonijiet, li huma kollha disponibbli pubblikament;

(ii)

l-ipproċessar tal-informazzjoni dwar l-impatt ta’ miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament, bħall-valur tal-fondi ffriżati u l-informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata mar-reati kriminali mwettqa mill-persuni fiżiċi elenkati, u mal-kundanni kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lil dawn il-persuni, biss sa fejn dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness I.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, is-servizz tal-Kummissjoni elenkat fl-Anness II għal dan ir-Regolament u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrolluri” fis-sens tal-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sabiex jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A.-K. PEKONEN


(1)  ĠU L 280, 26.10.2010, p. 10.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1284/2009 tat-22 ta’ Diċembru 2009 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tar-Repubblika ta’ Guinea (ĠU L 346, 23.12.2009, p. 26).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1790 tal-24 ta’ Ottubru 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2010/638/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Guinea ara paġna 153 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).