24.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/69


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1760

tat-23 ta’ Ottubru 2019

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 119/2009 fir-rigward tal-inklużjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ laħam ta’ leporidae selvaġġi, ta’ ċerti mammali tal-art selvaġġi u ta’ fniek imrobbija fl-irziezet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-punt (1) u l-punt (4) tal-Artikolu 8 u l-Artikolu 9(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Marzu 2017 ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fil-11 ta’ April 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/584 (2) meħuda bi qbil mar-Renju Unit, li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE. Skont dik id-Deċiżjoni, il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE ġie estiż ulterjorment sal-31 ta’ Ottubru 2019. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit mill-1 ta’ Novembru 2019 (“id-data tal-ħruġ”).

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 (3) jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ laħam ta’ leporidae selvaġġi, ta’ ċerti mammali tal-art selvaġġi u ta’ fniek imrobbija fl-irziezet u l-lista ta’ pajjiżi terzi u partijiet minnhom, li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ tali kunsinni.

(3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ipprovda l-garanziji neċessarji sabiex dak il-pajjiż jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 119/2009 għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ laħam ta’ leporidae selvaġġi, ta’ ċerti mammali tal-art selvaġġi u ta’ fniek imrobbija fl-irziezet mid-data tal-ħruġ billi jkompli jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal perjodu inizjali ta’ mill-inqas disa’ xhur.

(4)

Għalhekk, meta jitqiesu dawn il-garanziji speċifiċi pprovduti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, u sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn tal-kummerċ wara d-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit jenħtieġ li jiġi inkluż fil-lista ta’ pajjiżi terzi u partijiet minnhom stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 119/2009 li huma awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ laħam ta’ leporidae selvaġġi, ta’ ċerti mammali tal-art selvaġġi u ta’ fniek imrobbija fl-irziezet.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 119/2009 jiġi emendat skont dan.

(6)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Novembru 2019, sakemm f’dik id-data d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 119/2009 hija emendata skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2019.

Madankollu, ma għandhiex tapplika jekk f’dik id-data d-dritt tal-Unjoni jibqa’ japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 119/2009 tad-9 ta’ Frar 2009 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi jew ta’ partijiet minnhom, għall-importazzjoni fil-Komunità, jew għat-tranżitu minnha, ta’ laħam ta’ leporidae selvaġġi, ta’ ċerti mammali tal-art selvaġġi u ta’ fniek imrobbija fl-irziezet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 39, 10.2.2009, p. 12).


ANNESS

Il-linja li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-Kanada fit-tabella stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 119/2009:

“Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

GB

WL

 

RM

 

WM”