11.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 260/40


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1705

tal-10 ta’ Ottubru 2019

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1197 fir-rigward tal-iskadenzi sa meta r-Renju Unit irid jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għal finanzjament tal-Unjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2019/1197 tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2019 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (1), u b’mod partikulari l-Artikoli 2(3), 3(3) u 8 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ma ibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 jistipula l-kundizzjonijiet li bihom ir-Renju Unit u l-persuni u l-entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit ikomplu jkunu eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni għal nefqa eliġibbli mġarrba fl-2019 mid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih, u jistabbilixxi l-iskadenzi sa meta r-Renju Unit irid jissodisfa l-kundizzjonijiet għal din l-eliġibbiltà kontinwa, inkluż skeda tal-pagament għax-xhur wara Awwissu 2019.

(3)

L-iskadenzi u l-iskeda tal-pagament ġew stabbiliti wara li tqieset il-possibbiltà li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni b’ebda ftehim fit-13 ta’ April 2019.

(4)

Fil-11 ta’ April 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/584 (2) li tkompli testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE bi ftehim mar-Renju Unit sal-31 ta’ Ottubru 2019.

(5)

Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu estiżi l-iskadenzi sa meta r-Renju Unit irid jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 u tiġi emendata l-iskeda tal-pagament biex iqisu l-estensjoni tal-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE sal-31 ta’ Ottubru 2019.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 jiġi emendat skont dan.

(7)

Ta’ min jinnota wkoll li l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 ma għadhiex rilevanti.

(8)

Sabiex jiġi evitat riskju ta’ tfixkil serju tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fl-2019, speċjalment għall-benefiċjarji tal-programmi ta’ nfiq tal-Unjoni u azzjonijiet oħrajn fid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza dettaljata skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 u kif previst fl-Artikoli 2(3) u 3(3) ta’ dak ir-Regolament, u jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li japplika mill-jum ta’ wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih, sakemm il-ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit ma jkunx daħal fis-seħħ sa dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2019/1197 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

ir-Renju Unit, fi żmien sebat ijiem kalendarji mid-data tal-ħruġ, ikun ikkonferma bil-miktub lill-Kummissjoni li huwa ser jikkontribwixxi f’euro l-ammont muri fil-linja “Renju Unit” u l-kolonna “Riżorsi proprji totali” tat-tabella 7 tal-parti “A. Introduzzjoni u finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni” tal-parti tad-dħul tal-baġit għall-2019 stipulati fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (3), kif adottat fit-12 ta’ Diċembru 2018, imnaqqas bl-ammont ta’ riżorsi proprji magħmula disponibbli mir-Renju Unit fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-2019 qabel id-data tal-ħruġ, skont l-iskeda tal-pagament stabbilita f’dan ir-Regolament;

(b)

ir-Renju Unit, fi żmien 20 jum kalendarju mid-data tal-ħruġ, ikun ħallas fil-kont stabbilit mill-Kummissjoni l-ewwel pagament li jikkorrispondi għall-ħlas parzjali msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu mmultiplikat bir-riżultat ta’ dan li ġej: l-għadd ta’ xhur sħaħ bejn id-data tal-ħruġ u tmiem is-sena 2019 imnaqqas bl-għadd ta’ xhur bejn ix-xahar tal-ewwel pagament, bl-esklużjoni ta’ dak ix-xahar, u tmiem is-sena 2019;

(c)

ir-Renju Unit, fi żmien sebat ijiem kalendarji mid-data tal-ħruġ, ikun ikkonferma l-impenn bil-miktub lill-Kummissjoni li ser ikompli jaċċetta l-kontrolli u l-awditi li jkopru l-perjodu kollu ta’ programmi u azzjonijiet f’konformità mar-regoli applikabbli; u”

(2)

fl-Artikolu 3(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

ir-Renju Unit, fi żmien 30 jum kalendarju mid-data tal-ħruġ, ikun ħallas fil-kont stabbilit mill-Kummissjoni l-bqija tal-ħlasijiet parzjali ta’ kull xahar imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1); u”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mid-data ta’ wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ikun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 189, 15.7.2019, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 tal-11 ta’ April 2019 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1).

(3)  Adozzjoni definittiva (UE, Euratom) 2019/333 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (ĠU L 67, 7.3.2019, p. 1).