4.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 255/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1666

tal-24 ta’ Ġunju 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-monitoraġġ tat-trasport u l-wasla ta’ kunsinni ta’ ċerti oġġetti mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post ta’ destinazzjoni fl-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq prodotti li jidħlu fl-Unjoni sabiex jivverifikaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-katina agroalimentari tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 jispeċifika l-kategoriji tal-prodotti soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni. Dawk il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji mill-annimali, u prodotti tal-ikel li jkun fihom kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali (prodotti komposti).

(3)

Meta kunsinni ta’ ċerti prodotti msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 jiġu importati fl-Unjoni, f’ċerti każijiet, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi li t-trasport tagħhom mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni u l-wasla tagħhom fil-post tad-destinazzjoni fl-Unjoni irid jiġi mmonitorjat, sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (2) tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi u l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw it-trasport ta’ prodotti li jridu jiġu mmonitorjati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mill-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni. Dawn ir-regoli jipprevedu, fost l-oħrajn, li l-kunsinni ta’ tali prodotti jridu jintbagħtu mill-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti f’vetturi li ma jnixxux jew kontejners issiġillati mill-awtorità kompetenti.

(5)

Barra minn hekk, għal ċerti prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (3) jeħtieġ li t-trasport ta’ kunsinni ta’ prodotti sekondarji bħal dawn jitwettaq f’konformità mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 97/78/KE. Dawk il-prodotti sekondarji tal-annimali jinkludu ċertu demm u prodotti tad-demm, ikel għall-annimali domestiċi, minbarra ikel nej għall-annimali domestiċi, xaħmijiet imdewba importati għal skopijiet barra mill-katina tal-għalf għal annimali mrobbijin fi rziezet, qarn u prodotti tal-qarn, eskluż qarn mitħun, u qwieqeb u prodotti ta’ qwieqeb, minbarra qwieqeb mitħuna, maħsuba għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti organiċi jew ta’ materjali li jtejbu l-ħamrija.

(6)

Id-dritt tal-Unjoni jipprevedi wkoll il-monitoraġġ tal-kunsinni ta’ kaċċa selvaġġa bil-fer u mhux imqaxxra, f’konformità mar-regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 77(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 u skont ir-regoli addizzjonali dwar is-saħħa pubblika għal prodotti li joriġinaw minn annimali u oġġetti tal-ikel li jkun fihom kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali (“prodotti komposti”) li joriġinaw minn, u jirritornaw lejn, l-Unjoni wara rifjut ta’ dħul minn pajjiż terz stabbilit f’konformità mal-Artikolu 77(1)(h) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(7)

Id-Direttiva 97/78/KE tħassret bir-Regolament (UE) 2017/625 b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti regoli għall-monitoraġġ tat-trasport u tal-wasla tal-kunsinni ta’ ċerti prodotti msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni. Jenħtieġ li dawn ir-regoli japplikaw fejn it-trasport mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni fl-Unjoni u l-wasla fl-istabbiliment tad-destinazzjoni huwa meħtieġ li jkun immonitorjat f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(8)

Sabiex ikun hemm monitoraġġ effettiv tat-trasport u l-wasla ta’ kunsinni mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sa meta jaslu fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni tagħhom, il-prodotti jenħtieġ li jiġu ttrasportati direttament lejn l-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni indikat fid-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED).

(9)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-saħħa tal-annimali u għas-saħħa pubblika, jenħtieġ li jsir monitoraġġ tal-wasla tal-prodotti fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni indikat fiċ-CHED (“post ta’ destinazzjoni”). Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla tindika lill-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni li l-prodotti jkunu telqu mill-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera u jkunu fi triqithom lejn l-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni indikat fiċ-CHED. Jekk il-prodotti ma jaslux fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla u l-awtorità kompetenti responsabbli għall-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni jenħtieġ li jagħtu bidu għal azzjoni ta’ segwitu xierqa f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward tal-operatur responsabbli għall-kunsinna.

(10)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar is-superviżjoni doganali.

(11)

Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (5) jiddetermina r-regoli ġenerali applikabbli għall-perjodi, għad-dati u għal-limiti ta’ żmien sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dak ir-Regolament jitqiesu għall-kalkolu tal-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(12)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, ir-regoli stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw ukoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ tat-trasport u l-wasla ta’ kunsinni ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 li huma maħsuba għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni, fejn it-trasport ta’ dawk il-prodotti mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post ta’ destinazzjoni fl-Unjoni jkun meħtieġ li jiġi mmonitorjat skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (il-kunsinna).

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għall-monitoraġġ tat-trasport ta’ kunsinni mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għall-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha tawtorizza t-trasport tal-kunsinna lejn l-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni indikat fid-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul imsemmi fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2017/625 (CHED) biss fil-każ li r-riżultat tal-kontrolli uffiċjali fil-post tal-kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla jkun favorevoli.

2.   Il-kunsinna li għaliha ngħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tkun:

(a)

issiġillata mill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla;

(b)

ittrasportata mingħajr ma tinħatt jew tinqasam;

(c)

ittrasportata direttament lejn l-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni indikat fiċ-CHED.

3.   Hekk kif tingħata l-awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla għandha tinnotifika, permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625 (“IMSOC”), lill-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni indikat fiċ-CHED (“post ta’ destinazzjoni”) li, wara l-kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla, ġie awtorizzat it-trasport tal-kunsinna lejn l-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għall-monitoraġġ tal-wasla tal-kunsinni fil-post tad-destinazzjoni

1.   L-operatur responsabbli għall-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni għandu, fi żmien ġurnata mal-wasla tal-kunsinna, jinforma lill-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni bil-wasla tal-kunsinna f’dak l-istabbiliment.

2.   L-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni għandha tinnotifika, permezz tas-sistema IMSOC, lill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll mal-fruntiera tal-wasla, bil-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 billi timla l-Parti III taċ-CHED.

3.   L-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni għandha twettaq kontrolli uffiċjali f’dak l-istabbiliment sabiex tiżgura li l-kunsinni jkunu waslu fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni, b’mod partikolari billi tivverifika r-rekords tad-dħul ta’ dak l-istabbiliment.

4.   Jekk l-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla ma tkunx ġiet innotifikata bil-wasla tal-kunsinna fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni mill-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni f’konformita mal-paragrafu 2 fi żmien 15-il jum mid-data li fiha t-trasport tal-kunsinna jkun ġie awtorizzat skont l-Artikolu 2(1), l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu aktar investigazzjonijiet bil-ħsieb li jiddeterminaw il-post attwali tal-kunsinna.

5.   Meta l-kunsinna, wara l-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, ma tasalx fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla u l-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali f’dak l-istabbiliment għandhom jieħdu kull azzjoni ta’ infurzar li jqisu xierqa kontra l-operatur responsabbli għall-kunsinna f’konformità mal-Artikoli 138 u 139 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KEE-Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).