|
30.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 250/10 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1603
tat-18 ta' Lulju 2019
li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni għall-iskop li tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 28c tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika xierqa tal-emissjonijiet biex tiġi implimentata l-miżura globali tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”) bbażata fuq is-suq fuq ir-rotot kollha li tkopri din il-miżura. Għal raġunijiet ta' ċarezza u ċertezza tad-dritt, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati t-titjiriet soġġetti għal dawk id-dispożizzjonijiet b'referenza għar-rotot u għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru rilevanti. |
|
(2) |
Japplikaw l-arranġamenti għall-monitoraġġ u għar-rapportar tal-emissjonijiet kif ukoll għall-verifika tar-rapporti tal-emissjonijiet, għall-finijiet tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (2) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067 (3). Dawk l-arranġamenti ġew aġġornati u żviluppati aktar, fir-rigward tal-monitoraġġ u tar-rapportar tal-emissjonijiet, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (4), li se japplika mill-1 ta' Jannar 2021. Ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u (UE) 2018/2067 iqisu l-ewwel edizzjoni tal-istandards u l-prattiki rakkomandati internazzjonali adottati mill-ICAO fis-27 ta' Ġunju 2018. Għal raġunijiet ta' effiċjenza amministrattiva u sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż ta' konformità għall-operaturi, huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-ICAO jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 601/2012 u f'dawk ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni. |
|
(3) |
Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu l-użu ta' mudelli elettroniċi u formats speċifiċi ta' fajls għall-finijiet ta' rapportar tal-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-avjazzjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex jiġi żgurat li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jikkonformaw ukoll mat-tali rekwiżiti meta jkunu qed jirrapportaw l-emissjonijiet għall-finijiet tal-miżura globali bbażata fuq is-suq tal-ICAO, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika format speċifiku għall-iskambju elettroniku tad-data. |
|
(4) |
L-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-monitoraġġ, tar-rapportar u tal-verifika għal ċerti titjiriet biss fir-rigward tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fiż-ŻEE mhijiex meqjusa li tikkawża xi distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, it-tali rekwiżiti jistgħu jiġu adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE. |
|
(5) |
Fuq il-bażi ta' ftehim ta' kooperazzjoni bejn it-tnejn, il-Kummissjoni għandha d-dritt li titlob l-assistenza tal-Eurocontrol biex tiżgura l-kwalità tad-data dwar l-emissjonijiet. Fl-interess li tiġi żgurata l-kompletezza u l-preċiżjoni tad-data dwar l-emissjonijiet li għandha tiġi trażmessa mill-Istati Membri fil-format mistenni mill-ICAO, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tfittex din l-assistenza mill-Eurocontrol. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jibgħatu d-data dwar l-emissjonijiet verifikati rilevanti lis-Segretarjat tal-ICAO, sabiex tiżgura r-rapportar komplut u f'waqtu tad-data dwar l-emissjonijiet fir-rigward tat-titjiriet rilevanti kollha. |
|
(7) |
F'konformità mal-Artikolu 28b(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-rapport imsemmi f'dak l-Artikolu jenħtieġ li jikkunsidra jekk dan ir-regolament jenħtieġx li jiġi rivedut. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-obbligi ta' rapportar previsti fl-Artikolu 2 għandhom japplikaw biss għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
jkollhom ċertifikat ta' operatur tal-ajru maħruġ minn Stat Membru jew ikunu reġistrati fi Stat Membru, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi, id-dipendenzi u t-territorji ta' dak l-Istat Membru; |
|
(b) |
jipproduċu emissjonijiet annwali ta' CO2 akbar minn 10 000 tunnellata mill-użu ta' ajruplani b'massa waqt it-tlugħ ċertifikata massima akbar minn 5 700 kg filwaqt li jwettqu titjiriet bejn l-ajrudromi li jinsabu fi Stati differenti fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2(1), mill-1 ta' Jannar 2019. |
2. Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, l-emissjonijiet mit-tipi ta' titjiriet li ġejjin ma għandhomx jitqiesu:
|
(a) |
it-titjiriet tal-Istat; |
|
(b) |
it-titjiriet umanitarji; |
|
(c) |
it-titjiriet mediċi; |
|
(d) |
it-titjiriet militari; |
|
(e) |
it-titjiriet tat-tifi tan-nar. |
Artikolu 2
1. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jirrapportaw l-emissjonijiet mit-titjiriet li ġejjin:
|
(a) |
it-titjiriet bejn l-ajrudromi li jinsabu fl-Istati Membru u l-ajrudromi li jinsabu fil-pajjiżi terzi; |
|
(b) |
it-titjiriet bejn l-ajrudromi li jinsabu fl-Istati Membri u l-ajrudromi li jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi, fid-dipendenzi jew fit-territorji ta' Stati Membri oħra; |
|
(c) |
it-titjiriet bejn l-ajrudromi li jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi, fid-dipendenzi jew fit-territorji tal-Istati Membri u l-ajrudromi li jinsabu fil-pajjiżi terzi jew fid-dipendenzi jew fit-territorji ta' Stati Membri oħra. |
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll fir-rigward tal-operaturi tat-trasport tal-ajru kummerċjali li jħaddmu inqas minn 243 titjira għal kull perjodu ta' tliet perjodi konsekuttivi ta' erba' xhur il-wieħed li jitilqu jew jaslu f'ajrudrom li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru.
3. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru huma rrakkomandati wkoll li jivverifikaw u jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom mit-titjiriet bejn l-ajrudromi li jinsabu f'żewġ pajjiżi terzi differenti.
4. Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw fir-rigward tal-emissjonijiet minn kull tip ta' titjira ħlief għat-tipi ta' titjiriet imsemmija fl-Artikolu 1(2), inkluż:
|
(a) |
it-titjiriet għall-finijiet ta' taħriġ jew ta' tiftix u salvataġġ; |
|
(b) |
it-titjiriet skont ir-regoli tat-titjir viżwali; |
|
(c) |
it-titjiriet għar-riċerka u l-ittestjar xjentifiċi; |
|
(d) |
it-titjiriet għall-Obbligu ta' Servizz Pubbliku. |
Artikolu 3
1. Għall-finijiet tar-rapportar tal-emissjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolament (UE) Nru 601/2012. Mill-1 ta' Jannar 2021, se jkunu soġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika format għall-iskambju elettroniku tad-data għall-finijiet tar-rapportar tal-emissjonijiet mit-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jużaw dak il-format tal-iskambju elettroniku tad-data.
Artikolu 4
Il-verifika tad-data dwar l-emissjonijiet li trid tiġi rrapportata skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament u l-akkreditament tal-verifikaturi li jwettqu dik il-verifika għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE u fil-Parti B tal-Anness V ta' dik id-Direttiva, kif ukoll fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2067.
Artikolu 5
Operatur tal-inġenji tal-ajru li huwa elenkat fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009 (5) għandu jirrapporta l-emissjonijiet tiegħu lill-Istat Membru amministrattiv tiegħu speċifikat f'dak l-Anness.
Operatur tal-inġenji tal-ajru li mhuwiex elenkat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 748/2009 għandu jirrapporta l-emissjonijiet tiegħu lill-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat ta' operatur tal-ajru jew, meta ma jkunx inħareġ ċertifikat ta' operatur tal-ajru minn Stat Membru, l-Istat Membru fejn dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkollu l-post tar-reġistrazzjoni ġudizzjarja tiegħu.
Artikolu 6
Fuq talba ta' Stat Membru, il-Kummissjoni tista' titlob l-għajnuna tal-Eurocontrol biex ittejjeb il-preċiżjoni tad-data dwar l-emissjonijiet, bil-ħsieb li tintbagħat f'konformità mal-Artikolu 7.
Artikolu 7
Mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tibgħat lis-Segretarjat tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali d-data dwar l-emissjonijiet rilevanti li tkun ġiet irrapportata skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87/KE u skont dan ir-Regolament. Qabel dik it-trażmissjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki tal-ordni ta' kobor fuq id-data li trid tiġi trażmessa. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom ukoll jittrażmettu din id-data dwar l-emissjonijiet lill-Kummissjoni.
Għandu jintuża l-fattur tal-emissjonijiet speċifikat fl-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ffirmata fis-7 ta' Diċembru 1944 (il-Konvenzjoni ta' Chicago) għall-fjuwil Kerosin tal-Ġettijiet (Jet A1 jew Jet A) għall-finijiet tat-trażmissjoni tad-data dwar l-emissjonijiet skont l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 8
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, 12.7.2012, p. 30).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067 tad-19 ta' Diċembru 2018 dwar il-verifika tad-data u l-akkreditament tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 94).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta' Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009 tal-5 ta' Awwissu 2009 dwar il-lista ta' operaturi ta' inġenji tal-ajru li wettqu attività ta' avjazzjoni elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE fl-1 ta' Jannar 2006 jew wara, li tispeċifika l-Istat Membru ta' amministrazzjoni għal kull operatur ta' inġenji tal-ajru (ĠU L 219, 22.8.2009, p. 1).