|
23.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 243/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1574
tal-20 ta' Settembru 2019
li jimplimenta l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fl-10 ta' Marzu 2014 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014. |
|
(2) |
Fis-6 ta' Settembru 2019 il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) stabbilit bis-saħħa tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2127 (2013) aġġorna l-informazzjoni li tirrigwarda persuna soġġetta għal miżuri restrittivi. |
|
(3) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 huwa emendat kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Settembru 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
S. MARIN
ANNESS
L-entrata li tikkonċerna l-persuna elenkata hawn taħt hija sostitwita bl-entrata li ġejja:
A. Persuni
|
2. |
Nourredine ADAM (magħruf ukoll bħala: a) Nureldine Adam; b) Nourreldine Adam; c) Nourreddine Adam; d) Mahamat Nouradine Adam); e) Mohamed Adam Brema Abdallah
Deżinjazzjoni: a) Ġeneral b) Ministru għas-Sigurtà c) Direttur Ġenerali tal-“Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi” Data tat-twelid: a) 1970 b) 1969 c) 1971 d) 1 ta' Jannar 1970 e) 1 ta' Jannar 1971 Post tat-Twelid: a) Ndele, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana b) Algenana, is-Sudan Nazzjonalità: a) ir-Repubblika Ċentru-Afrikana b) is-Sudan Passaport nru: a) D00001184 (passaport tar-RĊA) b) nru: P04838205, maħruġ fl-10 ta' Ġunju 2018, (maħruġ f'Bahri, is-Sudan. Jiskadi fid-9 ta' Ġunju 2023. Passaport maħruġ taħt l-isem ta' Mohamed Adam Brema Abdallah) Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: a) 202-2708-8368 (is-Sudan) Indirizz: a) Birao, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana b) is-Sudan Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014 Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet: Nourredine ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”. Informazzjoni oħra Noureddine hu wieħed mill-mexxejja oriġinali tas-Seleka. Ġie identifikat kemm bħala Ġeneral kif ukoll bħala l-President ta' wieħed mill-gruppi ribelli armati tas-Seleka, il-PJCC Ċentrali, grupp formalment magħruf bħala l-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi u li l-akronimu tiegħu hu magħruf ukoll bħala CPJP. Bħala kap preċedenti tal-grupp “Fundamental” li nqata' mill-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi (CPJP/F), kien il-koordinatur militari tal-ex Séléka waqt l-attakki fir-ribelljoni preċedenti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana bejn il-bidu ta' Diċembru 2012 u Marzu 2013. Mingħajr l-għajnuna u r-relazzjoni mill-qrib ta' Noureddine mal-Forzi Speċjali taċ-Chad, x'aktarx li s-Seleka ma kienx jirnexxielhom jaħtfu l-poter mill-ex President tar-RĊA Francois Bozize. Sa mill-ħatra, bħala president interim, ta' Catherine Samba-Panza fl-20 ta' Jannar 2014, huwa kien wieħed mill-awturi ewlenin tal-irtirar tattiku tal-ex-Séléka f'Sibut bil-għan li jiġi implimentat il-pjan tiegħu li joħloq fortizza Musulmana fit-Tramuntana tal-pajjiż. Huwa kien ħeġġeġ biċ-ċar lill-forzi tiegħu biex jirreżistu l-ordnijiet tal-gvern transitorju u tal-mexxejja militari tal-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għar-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt tmexxija Afrikana (MISCA). Noureddine jidderieġi attivament lill-ex-Seleka, il-forzi preċedenti tas-Seleka li ntqal li ġew xolti minn Djotodia f'Settembru 2013, u jidderieġi operazzjonijiet kontra distretti Kristjani u jkompli jipprovdi appoġġ u direzzjoni sinifikanti lill-ex-Seleka li jaħdmu fir-RĊA. Nourredine kien elenkat ukoll fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(b) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala “involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, skont il-każ”. Wara li s-Séléka ħadet il-kontroll ta' Bangui fl-24 ta' Marzu 2013, Nourredine Adam inħatar Ministru tas-Sigurtà, imbagħad Direttur Ġenerali tal-“Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi” (Comité extraordinaire de défense des acquis démocratiques - CEDAD, servizz ta' intelligence tar-RĊA li ma għadux jeżisti). Nourredine Adam uża s-CEDAD bħala l-pulizija politika personali tiegħu, li permezz tagħha wettaq bosta arresti arbitrarji, atti ta' tortura u eżekuzzjonijiet sommarji. Barra minn dan, Noureddine kien wieħed mill-figuri ċentrali wara l-operazzjoni mdemmija f'Boy Rabe. F'Awwissu 2013, il-forzi tas-Seleka attakkaw Boy Rabe, distrett tar-RĊA meqjus bħala fortizza tas-sostenituri ta' Francois Bozize u l-grupp etniku tiegħu. Bl-iskuża li jfittxu armi moħbija, ġie rrappurtat li t-truppi tas-Seleka qatlu għexieren ta' ċittadini ċivili u nfexxew jisirqu kull ma sabu. Meta dawn l-attakki nfirxu għal żoni oħra, eluf ta' residenti invadew l-ajruport internazzjonali, li kien meqjus bħala post sigur minħabba l-preżenza ta' truppi Franċiżi, u okkupaw ir-runway tiegħu. Nourredine kien ukoll elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(d) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ipprovda appoġġ lil gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illegali ta' riżorsi naturali”. Lejn il-bidu tal-2013, Nourredine Adam qeda rwol importanti fin-netwerks ta' finanzjament tal-ex-Séléka. Ivvjaġġa fl-Arabja Sawdija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda biex jiġbor fondi għar-ribelljoni preċedenti. Ħadem ukoll bħala faċilitatur għal ċirku Ċadjan ta' traffikanti ta' djamanti li jopera bejn ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u ċ-Chad. |