13.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1404

tas-6 ta' Settembru 2019

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Settembru 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Par ponot tal-plastik u l-metall (azzar b'ponta tat-tungstenu) iddisinjati speċifikament biex jitwaħħlu mal-bsaten għall-mixi Nordiku b'sistema ta' click-on.

Ara l-istampa (*1)

9506 91 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 3 tal-Kapitolu 95, kif ukoll bil-kliem tal-kodiċijiet NM 9506 , 9506 91 u 9506 91 90 .

Il-bsaten għall-mixi Nordiku ma jistgħux jitqiesu bħala bsaten għall-mixi u simili tagħhom tal-intestatura 6602 . Il-karatteristiċi oġġettivi tal-bsaten għall-mixi Nordiku huma differenti mill-bsaten għall-mixi tal-intestatura 6602 peress li huma ddisinjati biex jintużaw f'pari biex jimbuttaw il-ġisem 'l quddiem, simili għall-moviment li jsir fl-iskijjar fil-kampanja. Il-mankijiet jestendu l-bsaten b'mod vertikali simili għall-mankijiet tal-bsaten għall-iskijjar fil-kampanja, filwaqt li l-mankijiet tal-bsaten għall-mixi jestendu b'mod orizzontali biex l-utenti jkunu jistgħu jserrħu l-piż tagħhom mal-bastun.

Il-mixi Nordiku huwa differenti mill-mixi ordinarju peress li l-parti ta' fuq tal-ġisem taħdem biex timbotta l-ġisem 'l quddiem permezz tal-bsaten u b'hekk jista' jitqies bħala eżerċizzju fiżiku skont it-tifsira tal-intestatura 9506 .

Il-ponot għandhom forma u disinn karatteristiċi u sistema speċifika ta' twaħħil li tagħmilhom tajbin biss jew prinċipalment biex jintużaw mal-bsaten għall-mixi Nordiku (oġġetti tal-intestatura 9506 ) skont it-tifsira tan-Nota 3 tal-Kapitolu 95. Għalhekk, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 6603 bħala partijiet tal-bsaten għall-mixi tal-intestatura 6602 hija eskluża skont in-Nota 1(c) tal-Kapitolu 66.

Għaldaqstant, il-ponot għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM 9506 91 90 bħala partijiet ta' oġġetti u tagħmir għal eżerċizzju fiżiku ġenerali.

Image 1

(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal finijiet ta' informazzjoni.