9.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1339

tat-8 ta' Awwissu 2019

li jagħti perjodu tranżizzjonali għall-użu tad-denominazzjoni ta' oriġini protetta “Cidre Cotentin”/“Cotentin” (DOP)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

B'ittra tas-16 ta' Novembru 2016, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni li s-Cidrerie de la Brique, bl-indirizz 23, route de la Brique, 50700 Saint-Joseph, li ilha iktar minn ħames snin tikkummerċjalizza b'mod kontinwu u legali l-prodott ikkonċernat bl-isem “Cidre Cotentin”/“Cotentin”, esprimiet ruħha waqt il-proċedura nazzjonali ta' oppożizzjoni. Billi din l-impriża tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-awtoritajiet Franċiżi talbu lill-Kummissjoni Ewropea tagħtiha perjodu tranżizzjonali li jdum sat-30 ta' Ġunju 2020.

(2)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/939 (2), il-Kummissjoni daħħlet l-isem “Cidre Cotentin”/“Cotentin” (DOP) fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, mingħajr ma tat lill-impriża Cidrerie de la Brique l-perjodu tranżizzjonali skont l-Artikolu 15(1), mitlub mill-awtoritajiet Franċiżi. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/939 daħal fis-seħħ fit-23 ta' Lulju 2018.

(3)

B'ittri elettroniċi tal-10 u tat-12 ta' April 2019, l-awtoritajiet Franċiżi fissru l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom is-Cidrerie de la Brique hija eliġibbli biex tingħata perjodu tranżizzjonali skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u reġgħu talbu lill-Kummissjoni perjodu tranżizzjonali ieħor.

(4)

L-impriża inkwistjoni, stabbilita fi ħdan iż-żona ġeografika ddefinita speċifikata fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-denominazzjoni ta' oriġini protetta “Cidre Cotentin”/“Cotentin”, ma tapplikax l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-denominazzjoni, u għalhekk tkun qiegħda tikser l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jekk tuża d-denominazzjoni msemmija.

(5)

Għaldaqstant, l-impriża Cidrerie de la Brique tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 sabiex tingħata perjodu tranżizzjonali biex tuża l-isem kummerċjali b'mod legali wara r-reġistrazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li tingħata perjodu tranżizzjonali li jdum sat-30 ta' Ġunju 2020, li jawtorizzaha tuża l-isem protett “Cidre Cotentin”/“Cotentin” (DOP).

(6)

Billi l-isem ilu protett mit-23 ta' Lulju 2018, li kienet id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/939 li jdaħħal fir-reġistru l-isem “Cidre Cotentin”/“Cotentin” (DOP), jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-isem protett tiġi estiża retroattivament sabiex tibda minn dik id-data.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-impriża Cidrerie de la Brique, bl-indirizz 23, route de la Brique, 50700 Saint-Joseph hija awtorizzata tuża l-isem irreġistrat “Cidre Cotentin”/“Cotentin” (DOP) għal perjodu tranżizzjonali li jdum sat-30 ta' Ġunju 2020.

Dan il-perjodu tranżizzjonali għandu japplika retroattivament, mit-23 ta' Lulju 2018 'il quddiem.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/939 tas-26 ta' Ġunju 2018 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (“Cidre Cotentin”/“Cotentin” (DOP)) (ĠU L 166, 3.7.2018, p. 3).