|
23.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 195/2 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1248
tat-22 ta' Lulju 2019
li jistabbilixxi l-miżuri li jnaqqsu t-theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokk tal-Bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku (Gadus morhua)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-Kummissjoni tista' tadotta miżuri ta' emerġenza għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament iġġustifikati b'rabta ma' theddida serja għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Fuq talba motivata ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha, il-Kummissjoni tista', sabiex ittaffi din it-theddida, tadotta miżuri ta' emerġenza ta' dan it-tip fl-għamla ta' atti ta' implimentazzjoni li japplikaw immedjatament għal perjodu massimu ta' sitt xhur. |
|
(2) |
Barra minn hekk, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li jridu jittieħdu miżuri ta' rimedju meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva ta' stokk tal-ħut kopert f'dak ir-Regolament ikun taħt il-livell minimu tal-punt ta' referenza li taħtu jista' jkun hemm tnaqqis fil-kapaċità riproduttiva. Dawk il-miżuri ta' rimedju jridu jiżguraw ir-ristabbiliment malajr tal-istokk ikkonċernat għal-livelli ogħla minn dawk li għandhom il-kapaċità li jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY). |
|
(3) |
Skont il-parir xjentifiku tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES), l-istokk tal-bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku (Gadus morhua) qed ibati minn livell fil-bijomassa li tant huwa baxx li mhuwiex sostenibbli billi qed jonqos ir-reklutaġġ, minħabba fatturi ambjentali u minħabba bidliet fl-ekosistema li qegħdin iwasslu għal mortalità naturali għolja u mortalità eċċessiva, meta jitqies l-istat tal-istokk, minħabba s-sajd. L-istokk qiegħed ibati u mistenni li l-potenzjal riproduttiv tiegħu se jonqos. Fl-2017 ir-reklutaġġ kien wasal fl-aktar punt baxx fis-sensiela kronoloġika tal-ICES, u hemm il-possibbiltà li fl-2018 ir-reklutaġġ reġa' tbaxxa. Il-bijomassa riproduttiva tinsab f'livell fost l-aktar livelli baxxi minn kemm ilhom jiġu osservati l-livelli, u l-bijomassa tal-bakkaljaw ta' daqs kummerċjali bħalissa tinsab fl-aktar livell baxx osservat mis-snin ħamsin. Barra minn hekk, l-ICES qed jistma li l-bijomassa se tibqa' taħt il-punt ta' referenza għas-sostenibbiltà fit-terminu medju, anki mingħajr ma jsir ebda sajd. Għaldaqstant, fil-parir dwar l-istokkijiet għall-2020, l-ICES huwa favur li ma jinqabadx dan il-ħut. |
|
(4) |
Il-konservazzjoni tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku hija mhedda serjament minħabba r-riskju ta' ħsara serja għall-kapaċità riproduttiva ta' dak l-istokk ikkawżata mit-tnaqqis kbir tal-bijomassa riproduttiva. Barra minn hekk, l-ICES huwa tal-fehma li kull livell ta' sajd se jkun tal-ftit bakkaljaw ta' daqs kummerċjali li fadal, u b'hekk se jikkawża aktar deterjorament fl-istruttura tal-istokk u jkompli jnaqqas il-potenzjal riproduttiv tiegħu, li diġà wasal fl-iktar punt storiku baxx. Barra minn hekk, l-aqwa staġun għar-riproduzzjoni tal-bakkaljaw tal-Baltiku jibda minn Mejju u jwassal sa Awwissu. Għalhekk jeżistu raġunijiet imperattivi ġġustifikati għall-urġenza biex jiġu adottati miżuri ta' emerġenza, għaliex, l-ewwel nett, il-bijomassa tal-bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku tinsab f'livell tant baxx li l-istokk ma jistax jiġġedded u b'hekk hemm it-theddida li tikkollassa, it-tieni, jekk jitkompla s-sajd ta' dak l-istokk, dan iżid ir-riskju tal-kollass, u t-tielet, bħalissa għaddej l-istaġun ewlieni tar-riproduzzjoni. |
|
(5) |
Jekk l-Istati Membri jwettqu l-miżuri ta' emerġenza skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma jkunx biżżejjed biex titranġa ruħha s-sitwazzjoni, għaliex dawn ma jiżgurawx metodu uniformi fiż-żoni kollha fejn jinsab l-istokk. Barra minn hekk, f'dan l-istadju, l-Istati Membri mhux kollha adottaw dawn il-miżuri jew għandhom pjan li jadottawhom. Fl-aħħar nett, f'laqgħa tal-Grupp tal-Istati Membri tal-Baħar Baltiku (il-BaltFish) fl-4 ta' Ġunju 2019, l-Istati Membri ma setgħux jaqblu dwar metodu komuni. |
|
(6) |
Minħabba li ma hemmx biżżejjed miżuri min-naħa tal-Istati Membri, u billi l-azzjoni hija urġenti biex jiġi evitat aktar deterjorament tal-istruttura tal-istokk u aktar tnaqqis tal-potenzjal riproduttiv tiegħu, jixraq li jiġu previsti miżuri ta' rimedju fil-livell tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. |
|
(7) |
Iż-żona ta' ġestjoni tal-bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku hija magħmula mis-subdiviżjonijet tal-ICES 25 sa 32. Fis-subdiviżjoni tal-ICES 24 jinsab bakkaljaw mill-istokk tal-Lvant tal-Baltiku u bakkaljaw mill-istokk tal-Punent tal-Baltiku, iżda l-biċċa l-kbira tal-qabdiet huma tal-istokk tal-Lvant tal-Baltiku. Biex tingħata protezzjoni tajba lill-istokk tal-Lvant tal-Baltiku, u biex il-qabdiet ma jkunux ikkonċentrati fuq l-istokk tal-Lvant tal-Baltiku fis-subdiviżjoni tal-ICES 24, huwa essenzjali li l-miżuri ta' emerġenza jkopru s-subdiviżjoni tal-ICES 24. |
|
(8) |
Fid-dawl tal-parir xjentifiku, jixraq li s-sajd tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku jkun ipprojbit sal-aħħar tas-sena. Madankollu l-miżura trid tkun proporzjonata mal-obbjettiv tagħha wkoll. |
|
(9) |
Skont l-ICES, il-kwantitajiet u l-qabdiet tal-bakkaljaw huma ftit ħafna fis-subdiviżjonijiet tal-ICES 27 sa 32. Billi l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' dan ir-Regolament titfa' piż mhux negliġibbli fuq l-amministrazzjoni u fuq is-sajjieda, ikun sproporzjonat li fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiddaħħlu ż-żoni fejn bilkemm hemm bakkaljaw tal-Baltiku. |
|
(10) |
Barra minn hekk, għall-bastimenti ta' inqas minn 12-il metru tul li jużaw irkaptu passiv, jixraq li s-sajd tal-bakkaljaw fis-subdiviżjoni 24 sa sitt mili nawtiċi mix-xatt ikun eżentat mill-projbizzjoni tas-sajd fiż-żoni fejn il-fond tal-baħar ikun inqas minn 20 metru billi l-iżjed bakkaljaw li jinsab fiż-żoni kostali baxxi tas-subdiviżjoni 24 huwa l-bakkaljaw tal-Punent tal-Baltiku. |
|
(11) |
Barra minn hekk, minħabba s-severità potenzjali tal-implikazzjonijet soċjoekonomiċi ta' projbizzjoni tas-sajd totali, jixraq li jkun fil-mira s-sajd tal-bakkaljaw minn bastimenti bħal dawk tat-tkarkir tal-qiegħ li jistadu l-biċċa l-kbira tal-bakkaljaw mill-istokk tal-Lvant tal-Baltiku fis-subdiviżjonijiet 24, 25 u 26. Bil-kuntrarju, jixraq li jkunu eżentati mill-projbizzjoni l-qabdiet inċidentali inevitabbli tal-attivitajiet tas-sajd li mhumiex diretti lejn il-bakkaljaw, li jew jitwettqu b'irkaptu attiv b'daqs tal-malja li ma jkunx iżjed minn 45 mm fis-subdiviżjonijiet 24, 25 u 26, inkella minn bastimenti iqsar minn 12-il metru li jistadu b'irkaptu passiv fis-subdiviżjonijiet 25 u 26, jew fis-subdiviżjoni 24 sa sitt mili nawtiċi mix-xatt f'żoni fejn il-fond tal-baħar ikun iżjed minn 20 metru u, ikun x'ikun il-fond, 'il barra minn sitt mili nawtiċi mix-xatt. Dan għaliex dawk l-attivitajiet tas-sajd għandhom effett limitat fuq il-livelli ġenerali tal-qabdiet tal-bakkaljaw, u meta titqies id-diffikultà li dak li jkun jistad, fl-ambitu ta' sajd imħallat għall-istokkijiet kollha fl-istess ħin b'rendiment massimu sostenibbli. L-ICES jistma li dawk imsemmijin l-ewwel jirrappreżentaw madwar 1,5 % tal-ħatt l-art totali ta' bakkaljaw. L-ammont tal-qabdiet inċidentali li jinħatt l-art minn dak imsemmi l-aħħar huwa żgħir, iżda billi l-kwantità preċiża mhijiex magħrufa, jenħtieġ li l-qabdiet inċidentali jkunu limitati għal 10 % tal-ħatt l-art ta' kull vjaġġ tas-sajd. |
|
(12) |
L-għadd ta' bastimenti iqsar minn 12-il metru tul li jużaw rkaptu passiv u li jaqbdu l-bakkaljaw b'mod inċidentali jenħtieġ li ma jkunx iżjed minn dak li kien hemm fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2018 sat-30 ta' Ġunju 2019. Billi l-bastimenti tal-Unjoni li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir, bit-tartaruni Daniżi jew b'irkaptu simili b'daqs tal-malja li ma jkunx ikbar minn 45 mm ma jistgħux jistadu l-bakkaljaw, ma hemmx għalfejn jiġi limitat l-għadd ta' dawn il-bastimenti. |
|
(13) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament se jitressqu lill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura biex dan jagħti l-opinjoni tiegħu. |
|
(14) |
Minħabba l-urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri ta' emerġenza biex itaffi theddida serja għall-istokk tal-bakkaljaw tal-Lvant tal-Baltiku (Gadus morhua).
Artikolu 2
Miżuri ta' emerġenza
1. Għandu jkun ipprojbit li l-bastimenti tal-Unjoni jistadu l-bakkaljaw fis-subdiviżjonijiet tal-ICES 24, 25 u 26, u li jżommu abbord, jittrasferixxu, jittrasbordaw, jipproċessaw abbord jew iħattu l-art il-bakkaljaw u l-prodotti tas-sajd ta' bakkaljaw li jinqabdu f'dik iż-żona.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, il-projbizzjoni fuq is-sajd tal-bakkaljaw ma għandhiex tapplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li b'kollox ikunu iqsar minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bl-għeżula tat-tħabbil tal-qiegħ jew bil-pariti, inkella bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet (minbarra l-konzijiet tal-wiċċ), bix-xlief u bl-irkaptu tat-trejjix jew b'irkaptu passiv simili, fis-subdiviżjoni 24 sa sitt mili nawtiċi mkejla mil-linja bażi, f'żoni fejn il-fond tal-baħar ikun inqas minn 20 metru skont il-koordinati fil-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.
3. Il-bastimenti msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tista' tiġi ssorveljata fi kwalunkwe ħin. Il-qabdiet tal-bakkaljaw ta' dawk il-bastimenti għandhom jiġu rreġistrati, jinħattu l-art u jingħaddu fil-kwota rilevanti f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
4. B'deroga mill-paragrafu 1, il-bastimenti tal-Unjoni elenkati hawn taħt għandhom iġibu u jżommu abbord kull qabda inċidentali ta' bakkaljaw:
|
(a) |
il-bastimenti tal-Unjoni li jistadu fis-subdiviżjonijiet 24, 25 u 26 bix-xbieki tat-tkarkir, bit-tartaruni Daniżi, jew b'irkaptu simili b'daqs tal-malja li ma jkunx ikbar minn 45 mm; |
|
(b) |
il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li b'kollox ikunu iqsar minn 12-il metru, li jistadu bl-għeżula, bl-għeżula tat-tħabbil tal-qiegħ jew bil-pariti, inkella bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet (minbarra l-konzijiet tal-wiċċ), bix-xlief u bl-irkaptu tat-trejjix jew b'irkaptu passiv simili:
|
5. Il-bastimenti msemmijin fil-paragrafu 4(b) għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tista' tiġi ssorveljata fi kwalunkwe ħin. Il-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw ta' dawk il-bastimenti ma għandhiex tkun aktar minn 10 % tal-piż ħaj tal-qabda totali tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kollha li jinħattu l-art wara kull vjaġġ tas-sajd.
6. Id-deroga stabbilita fil-paragrafu 4(b) għandha tapplika biss għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu rreġistraw qabdiet ta' bakkaljaw bejn l-1 ta' Jannar 2018 u t-30 ta' Ġunju 2019. Meta bastiment tas-sajd tal-Unjoni kopert minn dik id-deroga jiġi sostitwit minn ieħor, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li d-deroga tapplika għal bastiment tas-sajd ieħor tal-Unjoni li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4(b) dment li ma jiżdidux kemm l-għadd ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni koperti mid-deroga kif ukoll il-kapaċità kollha tas-sajd.
7. Il-qabdiet inċidentali msemmijin fil-paragrafu 4 għandhom jiġu rreġistrati, jinħattu l-art u jingħaddu fil-kwota rilevanti f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u perjodu ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għal ċerti stokkijiet ta' ħut fil-Baħar Baltiku (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1.)