8.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1162

tal-1 ta' Lulju 2019

li jemenda l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji BOV-X, OVI-X, OVI-Y u RUM u l-listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti ungulati u ta' laħam frisk

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(1) u (4), l-Artikolu 9(2)(b) u 4(b) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta' April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/KEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(e), u l-Artikolu 13(1)(e) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (3) jistabbilixxi, fost oħrajn, ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti kunsinni ta' annimali ħajjin, inklużi kunsinni ta' ungulati. Il-Parti 1 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom minn fejn dawn il-kunsinni jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għal kunsinni bħal dawn minn ċerti pajjiżi terzi.

(2)

Il-parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 tistabbilixxi l-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji għall-annimali bovini domestiċi (inklużi l-ispeċi Bubalus u Bison u r-razez imħalltin tagħhom) maħsuba għat-tgħammir u/jew għall-produzzjoni wara l-importazzjoni (BOV-X), għall-annimali ovini u kaprini domestiċi (Ovis aries u Capra hircus) maħsuba għat-tgħammir u/jew għall-produzzjoni wara l-importazzjoni (OVI-X), għall-annimali ovini u kaprini domestiċi (Ovis aries u Capra hircus) maħsuba għall-qtil immedjat wara l-importazzjoni (OVI-Y) u għall-annimali tal-ordni Artiodactyla (minbarra annimali bovini (inklużi l-ispeċi Bubalus u Bison u r-razez imħalltin tagħhom), Ovis aries, Capra hircus, Suidae u Tayassuidae), u tal-familji Rhinocerotidae u Elephantidae (RUM). Dawk iċ-ċertifikati jinkludu garanziji għall-marda emorraġika epiżootika li hija marda virali tar-ruminanti li ma titteħidx u li tiġi trażmessa minn ċerti speċijiet ta' pappamoski Culicoides.

(3)

Il-Kanada (CA-0) hija elenkata fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 bħala awtorizzata għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' ċerti annimali ungulati skont il-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji POR-X, BOV-X, OVI-X, OVI-Y u RUM.

(4)

Il-Kanada talbet li tiġi rikonoxxuta bħala staġjonalment ħielsa mill-marda emorraġika epiżootika. Għal dak l-għan, il-Kanada pprovdiet informazzjoni fl-2016 li turi li l-kundizzjonijiet tat-temp fil-Kanada bejn l-1 ta' Novembru u l-15 ta' Mejju ma jippermettux iċ-ċirkolazzjoni tal-ispeċijiet Culicoides, li huma l-vetturi tat-trażmissjoni kemm għall-vajrus tal-marda tal-bluetongue kif ukoll għall-virus tal-marda emorraġika epiżootika.

(5)

L-informazzjoni pprovduta mill-Kanada tqieset mill-Kummissjoni bħala konformi mal-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) biex turi li hija staġjonalment ħielsa mill-marda tal-bluetongue u kif ukoll mar-rekwiżiti tal-Unjoni (4) li japplikaw għall-movimenti ta' annimali suxxettibbli fi ħdan l-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kanada ngħatat ir-rikonoxximent tal-istatus staġjonalment ħieles mill-marda tal-bluetongue b'perjodu ħieles mill-marda tal-bluetongue bejn l-1 ta' Novembru u l-15 ta' Mejju permezz ta' Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/384 (5).

(6)

L-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) li juru ħelsien staġjonali mill-marda emorraġika epiżootika huma ekwivalenti għal dawk tal-bluetongue. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kanada tingħata r-rikonoxximent tal-istatus ta' ħelsien mill-marda emorraġika epiżootika bejn l-1 ta' Novembru u l-15 ta' Mejju.

(7)

Il-lista u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jenħtieġ għalhekk li jiġu emendati fir-rigward tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti annimali ungulati li huma suxxettibbli għall-marda emorraġika epiżootika, minn pajjiż jew territorju bi status staġjonalment ħieles mill-marda emorraġika epiżootika u, barra minn hekk, fir-rigward tar-rikonoxximent ta' tali status ta' ħelsien għall-Kanada b'perjodu ħieles mill-marda emorraġika epiżootika bejn l-1 ta' Novembru u l-15 ta' Mejju.

(8)

Il-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji BOV-X, OVI-X, OVI-Y u RUM stabbiliti fil-Parti 2 ta' dak l-Anness jenħtieġ li jiġu emendati wkoll biex jiġu introdotti l-attestazzjonijiet rilevanti tas-saħħa tal-annimali għal annimali li joriġinaw minn pajjiż jew territorju staġjonalment ħieles mill-marda emorraġika epiżootika.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' laħam frisk ta' ċerti annimali ungulati. L-Anness II ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom minn fejn dawn il-kunsinni jistgħu jiġu importati fl-Unjoni, kif ukoll il-mudell taċ-ċertifikati veterinarji li jikkorrispondu mal-kunsinni kkonċernati u l-kundizzjonijiet speċifiċi meħtieġa għall-importazzjoni minn ċerti pajjiżi terzi.

(10)

Bħalissa, wieħed biss mit-territorji tal-Arġentina elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, AR-2, huwa awtorizzat li jesporta laħam frisk bl-għadam minn annimali bovini u ovini kif ukoll minn ruminanti mrobbija u selvaġġi lejn l-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Arġentina talbu lill-Kummissjoni biex tawtorizza parti oħra mit-territorju tagħha magħrufa bħala “Patagonia Norte A”, għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' laħam frisk bl-għadam ta' ċerti annimali ungulati. Fl-2013, dan ir-reġjun, li jikkonsisti f'partijiet mill-provinċji ta' Neuquén, Río Negro u Buenos Aires li qabel kienu f'AR-1, ġie rikonoxxut mill-OIE bħala ħieles mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer (FMD) mingħajr tilqim (6).

(11)

Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu verifika f'Marzu 2018 biex jevalwaw jekk il-miżuri ta' sorveljanza u ta' reġjonalizzazzjoni għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer fiż-żona “Patagonia Norte A” jipprovdux garanziji adegwati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' laħam frisk tal-annimali bovini, ovini u ruminanti mrobbija jew selvaġġi li ma jkunx soġġett għad-dissussar u għall-maturazzjoni. L-eżitu tal-verifika kien favorevoli.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 tiġi emendata skont dan biex tiġi aġġornata r-reġjonalizzazzjoni tal-Arġentina u tiġi awtorizzata parti ġdida mit-territorju tal-Arġentina biex tintroduċi fl-Unjoni laħam frisk bl-għadam ta' ċerti annimali ungulati.

(13)

Barra minn hekk, l-importazzjonijiet ta' laħam frisk ta' annimali ungulati selvaġġi fl-Unjoni f'konformità mal-mudell ta' ċertifikat veterinarju RUW, huma awtorizzati mit-tliet territorji tal-Arġentina elenkati bħala ħielsa mill-FMD, irrispettivament minn jekk ikunx hemm il-prattika tat-tilqim jew le. Fejn ikun hemm il-prattika tat-tilqim, il-garanziji supplimentari rigward il-maturazzjoni, il-kejl tal-pH u d-dissussar tal-laħam frisk huma applikabbli. Madankollu, fil-lista f'Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 ġiet inkluża nota f'qiegħ il-paġna li teskludi minn dik l-awtorizzazzjoni ċerti dipartimenti tal-Provinċja ta' Corrientes, fejn ġew irrapportati tifqigħat tal-FMD fl-2006. L-awtoritajiet kompetenti tal-Arġentina ressqu talba lill-Kummissjoni biex titħassar din in-nota f'qiegħ il-paġna biex tiġi riflessa s-sitwazzjoni attwali tas-saħħa tal-annimali f'dawk id-dipartimenti. Il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni attwali tas-saħħa tal-annimali f'dawk id-dipartimenti tiġġustifika t-tħassir ta' dik in-nota f'qiegħ il-paġna. Għalhekk, jenħtieġ li l-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 tiġi emendata skont dan biex titħassar in-nota f'qiegħ il-paġna kkonċernata.

(14)

Wara l-faċilitazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), Ateni u Skopje laħqu ftehim bilaterali (“Il-Ftehim ta' Prespa”) f'Ġunju 2018, biex jibdlu r-referenza proviżorja tan-NU għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Dan il-ftehim issa ġie ratifikat miż-żewġ pajjiżi u r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq innotifikat formalment lill-UE dwar id-dħul fis-seħħ tiegħu.

(15)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jiġu emendati skont dan.

(16)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 huma emendati f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1266/2007 tas-26 ta' Ottubru 2007 dwar regoli implimentattivi għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE fir-rigward tal-kontroll, tal-immonitorjar, tas-sorveljanza u tar-restrizzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-movimenti ta' ċerti annimali ta' speċi suxxettibbli għall-bluetongue (ĠU L 283, 27.10.2007, p. 37).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/384 tat-2 ta' Marzu 2017 li jemenda l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji BOV-X, OVI-X, OVI-Y u RUM u l-listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' ċerti ungulati u ta' laħam frisk (ĠU L 59 7.3.2017, p. 3).

(6)  http://www.oie.int/fileadmin/Home/eng/Animal_Health_in_the_World/map/A_Argentina.jpg


ANNESS

(1)   

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 206/2010 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Parti 1 hija emendata kif ġej:

(i)

il-linja għal MK-0 hija sostitwita b'dan li ġej:

“MK – Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq

MK-0

Il-pajjiż kollu

 

 

I”

(ii)

titħassar in-nota f'qiegħ il-paġna li ġejja:

“(****)

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: in-nomenklatura definittiva għal dan il-pajjiż se tiġi miftiehma wara n-negozjati attwali fil-livell tan-NU”;

(iii)

in-nota f'qiegħ il-paġna (******) hija sostitwita b'dan li ġej:

“Kanada (******): il-perjodu staġjonalment ħieles mill-bluetongue u mill-marda emorraġika epiżootika huwa bejn l-1 ta' Novembru u l-15 ta' Mejju, f'konformità mal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE.”;

(iv)

f'Kundizzjonijiet Speċifiċi, ir-raba' subparagrafu tal-kundizzjoni speċifika “I” huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Iċ-ċertifikat għandu jiġi ttimbrat fil-post tal-ħruġ mill-Unjoni mill-awtoritajiet veterinarji kompetenti qabel it-tranżitu lejn pajjiż terz jew iktar bil-kliem li ġej ‘ESKLUŻIVAMENT GĦAL TRANŻITU BEJN PARTIJIET DIFFERENTI TAL-UNJONI EWROPEA BI TRANŻITU MIR-REPUBBLIKA TAL-MAĊEDONJA TA' FUQ/MILL-MONTENEGRO/MIS-SERBJA’ (*) (**)”;

(v)

f'Kundizzjonijiet Speċifiċi, il-kundizzjoni speċifika “XIII” hija sostitwita b'dan li ġej:

“‘XIII

:

it-territorju huwa rikonoxxut li għandu status uffiċjali staġjonalment ħieles mill-bluetongue u mill-marda emorraġika epiżootika għal skopijiet ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni ta' annimali ħajjin iċċertifikati skont il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju BOV-X, OVI-X, OVI-Y jew RUM.”

(b)

Il-Parti 2 hija emendata kif ġej:

(i)

il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju BOV-X huwa sostitwit b'dan li ġej:

Il-Mudell BOV-X

Image 1 Test ta 'immaġni Image 2 Test ta 'immaġni Image 3 Test ta 'immaġni Image 4 Test ta 'immaġni Image 5 Test ta 'immaġni Image 6 Test ta 'immaġni Image 7 Test ta 'immaġni

(ii)

il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju OVI-X huwa sostitwit b'dan li ġej:

Il-Mudell OVI-X

Image 8 Test ta 'immaġni Image 9 Test ta 'immaġni Image 10 Test ta 'immaġni Image 11 Test ta 'immaġni Image 12 Test ta 'immaġni Image 13 Test ta 'immaġni Image 14 Test ta 'immaġni

(iii)

il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju OVI-Y huwa sostitwit b'dan li ġej:

Il-Mudell OVI-Y

Image 15 Test ta 'immaġni Image 16 Test ta 'immaġni Image 17 Test ta 'immaġni Image 18 Test ta 'immaġni Image 19 Test ta 'immaġni

(iv)

il-Mudell taċ-ċertifikat veterinarju RUM huwa sostitwit b'dan li ġej:

Mudell RUM

Image 20 Test ta 'immaġni Image 21 Test ta 'immaġni Image 22 Test ta 'immaġni Image 23 Test ta 'immaġni Image 24 Test ta 'immaġni Image 25 Test ta 'immaġni Image 26 Test ta 'immaġni

(2)   

Il-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 206/2010 qed tiġi emendata kif ġej:

(a)

l-entrata għall-Arġentina hija sostitwita b'dan li ġej:

“AR – L-Arġentina

AR-0

Il-pajjiż kollu

EQU

 

 

 

 

 

AR - 1

Il-provinċji ta':

Parti minn Buenos Aires (bl-eċċezzjoni tat-territorju inkluż f'AR-4),

Catamarca,

Corrientes,

Entre Ríos,

La Rioja,

Mendoza,

Misiones,

San Juan,

San Luis,

Santa Fe,

Tucuman,

Cordoba,

La Pampa,

Santiago del Estero,

Chaco,

Formosa,

Jujuy,

Salta (bl-eċċezzjoni tat-territorju inkluż f'AR-3).

BOV

RUF

RUW

A

1

 

L-1 ta' Awwissu 2010

 

AR-2

Il-provinċji ta':

Chubut,

Santa Cruz,

Tierra del Fuego,

Parti minn Neuquén (bl-eċċezzjoni tat-territorju inkluż f'AR-4),

Parti minn Río Negro (bl-eċċezzjoni tat-territorju inkluż f'AR-4)

BOV

OVI

RUW

RUF

 

 

 

L-1 ta' Awwissu 2008

 

AR-3

Parti minn Salta: iż-żona ta' 25 km mill-fruntiera mal-Bolivja u l-Paragwaj li testendi mid-Distrett ta' Santa Catalina fil-Provinċja ta' Jujuy, sad-Distrett ta' Laishi fil-Provinċja ta' Formosa (dik li qabel kienet iż-żona ta' lqugħ b'livell għoli ta' sorveljanza)

BOV

RUF

RUW

A

1

 

L-1 ta' Lulju 2016

 

AR-4

Il-provinċji ta':

Parti minn Neuquén (f'Confluencia ż-żona li tinsab fil-Lvant tat-Triq Provinċjali 17, u f'Picun Leufú ż-żona li tinsab fl-Lvant tat-Triq Provinċjali 17)

Parti mill-provinċja ta' Río Negro (f'Avellaneda, iż-żona li tinsab fit-Tramuntana tat-Triq Provinċjali 7 u fil-Lvant tat-Triq Provinċjali 250; f'Conesa, iż-żona li tinsab fil-Lvant tat-Triq Provinċjali 2; f'El Cuy, iż-żona li tinsab fit-Tramuntana tat-Triq Provinċjali 7 minn fejn taqsam it-Triq Provinċjali 66 sal-fruntiera tad-Dipartiment ta' Avellaneda; u f'San Antonio, iż-żona li tinsab fil-Lvant tat-Toroq Provinċjali 250 u 2)

Parti minn Buenos Aires (Partido (distrett) de Patagones).

BOV

OVI

RUW

RUF

 

 

 

It-8 ta' Lulju 2019”

(b)

il-linja għal MK-0 hija sostitwita b'dan li ġej:

“MK – Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq

MK-0

Il-pajjiż kollu

BOV, OVI, EQU”

 

 

 

 

(c)

in-noti f'qiegħ il-paġna li ġejjin jitħassru:

“(4)

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: kodiċi provviżorju li ma jippreġudika bl-ebda mod in-nomenklatura definittiva għal dan il-pajjiż, li tiġi miftiehma wara l-konklużjoni tan-negozjati li fil-preżent qed isiru dwar dan is-suġġett fin-Nazzjonijiet Uniti.”

“(7)

Għal ‘RUW’: Minbarra dawn id-dipartimenti li ġejjin fil-Provinċja ta' Corrientes: id-dipartimenti ta' Berón de Astrada, Capital, Empedrado, General Paz, Itati, Mbucuruyá, San Cosme u San Luís del Palmar.”