3.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1131

tat-2 ta' Lulju 2019

li jistabbilixxi għodda doganali għall-iskop tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 14a tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll l-Artikolu 24a tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14a(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 24a(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament (UE) 2016/1036 u r-Regolament (UE) 2016/1037 sar possibbli li jiġi applikat u jinġabar dazju ta' antidumping u/jew kumpensatorju fuq ċerti prodotti fil-blata kontinentali ta' xi Stat Membru jew fiż-żona ekonomika esklużiva li tkun ġiet iddikjarata minn xi Stat Membru skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (3).

(2)

Jekk il-prodott ikkonċernat jinġieb fuq xi gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva ta' xi Stat Membru tal-Unjoni mit-territorju doganali tal-Unjoni, ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jirrekjedi li f'dak il-każ tiġi użata dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mill-ġdid, notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid jew dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ biex issir dikjarazzjoni ta' tali prodott qabel it-tluq tiegħu. Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni meħtieġa għad-determinazzjoni ta' hekk ikunx dovut il-ħlas ta' xi dazju antidumping u/jew kumpensatorju tkun disponibbli għall-awtoritajiet doganali, jew sabiex jitwettqu l-obbligi ta' reġistrazzjoni u ta' rappurtar skont l-Artikolu 14(5), (5a) u (6) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 24(5), (5a) u (6) tar-Regolament (UE) 2016/1037, jenħtieġ li r-reċipjent jiġi obbligat jippreżenta dikjarazzjoni ta' riċevuta mal-awtorità doganali kompetenti tal-Istati Membru fejn tkun ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mill-ġdid jew fejn tkun ġiet reġistrata n-notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid jew id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ fi żmien 30 jum mindu jiġi rċevut il-prodott ikkonċernat fuq xi gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva.

(3)

Jekk il-prodott ikkonċernat jinġieb fuq xi gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Stat Membru tal-Unjoni direttament minn barra t-territorju doganali tal-Unjoni, ma jkunx possibbli li jsir użu mill-istrumenti li jsir provvediment għalihom fir-Regolament (UE) Nru 952/2013. Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni meħtieġa għad-determinazzjoni ta' hekk ikunx dovut il-ħlas ta' xi dazju antidumping u/jew kumpensatorju tkun disponibbli għall-awtoritajiet doganali, jew sabiex jitwettqu l-obbligi ta' reġistrazzjoni u ta' rappurtar skont l-Artikolu 14(5), (5a) u (6) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 24(5), (5a) u (6) tar-Regolament (UE) 2016/1037, jenħtieġ li l-prodott ikkonċernat jiġi ddikjarat permezz ta' dikjarazzjoni ta' riċevuta ppreżentata mir-reċipjent fi żmien 30 jum mir-riċevuta tal-prodott ikkonċernat fuq xi gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva. Peress li huwa l-Istat Membru li tiegħu tkun il-blata kontinentali jew iż-żona ekonomika esklużiva li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jagħmel il-kontrolli, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni tiġi ppreżentata għand l-awtorità doganali kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

(4)

Sabiex jiġu ssimplifikati l-kontrolli li jkollhom isiru mill-awtoritajiet doganali skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-kunċett tad-debitur, bħala regola ġenerali, ikun ristrett għad-detenturi tal-liċenzji li jippermettu l-operazzjoni kummerċjali fil-blata kontinentali u ż-żona ekonomika esklużiva tal-Istati Membri li jirċievu l-prodotti kkonċernati fil-gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra f'dik il-blata kontinentali jew dik iż-żona ekonomika esklużiva, ikun xi jkun il-post minn fejn ikun inġieb il-prodott ikkonċernat. Madankollu, f'sitwazzjonijiet speċifiċi, persuni li ma jkunux id-detenturi ta' liċenzji jistgħu jkunu debituri wkoll.

(5)

Fir-rigward ta' każijiet fejn il-prodott ikkonċernat jitqiegħed taħt il-proċedura ta' pproċessar attiv qabel ma jiġi kkonsenjat fil-gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Stat Membru tal-Unjoni, hu neċessarju li jkun hemm regola speċjali biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni possibbli ta' dazji antidumping u/jew kumpensatorji.

(6)

Sabiex ikun possibbli t-tħaddim effettiv tal-qafas stabbilit f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplikaw il-proċeduri rilevanti li huma diġà stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 952/2013, għar-rigward tal-kalkolu, in-notifika, l-irkupru, ir-ripagament, ir-riammissjoni u l-estinzjoni tad-dejn doganali u l-għoti ta' garanzija, safejn dan ikun relevanti skont dan ir-Regolament.

(7)

Peress li d-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll doganali fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 ma japplikawx barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, huwa meċessarju li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi fir-rigward ta' kontroll doganali f'dan ir-Regolament.

(8)

Sabiex l-awtoritajiet doganali jingħatalhom żmien biżżejjed biex jippreparaw għall-ipproċessar ta' dikjarazzjonijiet ta' riċevuta, jenħtieġ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jiġu posposti.

(9)

Il-miżuri li jsir provvediment għalihom f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat kif isir riferiment għalihom fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta' dazju ta' antidumping u/jew kumpensatorju fuq prodotti miġjuba f'xi gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Stat Membru, kif ukoll il-proċeduri marbuta man-notifika u d-dikjarazzjoni ta' tali prodotti u l-pagament ta' tali dazju, fejn dawk il-prodotti jkunu s-suġġett ta' xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

notifika ta' inizjazzjoni ta' xi investigazzjoni ta' anti-dumping jew kontra s-sussidji;

(b)

xi Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li bih l-importazzjonijiet ikunu jridu jiġu rreġistrati;

(c)

xi Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jimponi dazju antidumping jew kumpensatorju provviżorju jew definittiv.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtoritajiet doganali” tfisser l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri, responsabbli mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u l-leġiżlazzjoni doganali kif definita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(2)

“blata kontinentali” tfisser il-blata kontinentali kif definita fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar;

(3)

“żona ekonomika esklużiva” tfisser iż-żona ekonomika esklużiva kif definita fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u li tkun ġiet iddikjarata bħala żona ekonomika esklużiva minn xi Stat Membru skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet dwar il-Liġi tal-Baħar;

(4)

“prodott ikkonċernat” tfisser dawk il-prodotti li jkunu suġġetti għal xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

notifika ta' inizjazzjoni ta' xi investigazzjoni ta' anti-dumping jew kontra s-sussidji;

(b)

xi Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li bih l-importazzjonijiet ikunu jridu jiġu rreġistrati;

(c)

xi Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jimponi dazju antidumping jew kumpensatorju provviżorju jew definittiv.

(5)

“dikjarazzjoni ta' riċevuta” tfisser l-att li bih ir-riċevitur jindika, fil-forma u l-mod stabbilit, il-wasla tal-prodotti kkonċernati fuq xi gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Stat Membru, li jkun fiha elementi ta' data li jkunu meħtieġa għall-ġbir tal-ammont pagabbli tad-dazju antidumping u/jew kumpensatorju jew għar-rappurtar u/jew ir-reġistrazzjoni skont xi att li jsir referenza għalih fil-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 1;

(6)

“dejn” tfisser l-obbligu ta' persuna li tħallas l-ammont ta' dazju antidumping u/jew kumpensatorju li jkun japplika għall-prodott ikkonċernat;

(7)

“riċevitur” tfisser il-persuna li tkun id-detentur ta' liċenżja jew awtorizzazzjoni li twettaq attivitajiet kummerċjali fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Stat Membri u li tirċievi jew tkun għamlet arranġamenti biex tirċievi l-prodott ikkonċernat fuq xi gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra f'dik il-blata kontinentali jew f'dik iż-żona ekonomika esklużiva;

(8)

“debitur” tfisser kwalunkwe persuna responsabbli għal dejn;

Artikolu 3

Il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni ta' riċevuta

(1)   Il-wasla ta' prodott ikkonċernat fi gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Stat Membru għandha tiġi ddikjarata mir-riċevitur permezz ta' dikjarazzjoni ta' riċevuta.

(2)   Id-dikjarazzjoni ta' riċevuta għandha tiġi ppreżentata mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tal-prodott ikkonċernat, bl-użu ta' tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data, għand l-awtoritajiet doganali li ġejjin:

(a)

meta l-prodott ikkonċernat jinġieb mit-territorju doganali tal-Unjoni, għand l-awtorità doganali tal-Istat Membru fejn tkun ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mill-ġdid, jew fejn tkun irreġistrata n-notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid jew id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ;

(b)

meta l-prodott ikkonċernat ma jkunx miġjub mit-territorju doganali tal-Unjoni, għand l-awtorità doganali tal-Istat Membru li lilu tappartjeni l-blata kontinentali jew iż-żona ekonomika esklużiva.

(3)   Id-dikjarazzjoni ta' riċevuta għandu jkun fiha l-elementi ta' data stabbiliti fil-Parti I tal-Anness u għandu jkollha magħha d-dokumenti li jiġġustifikaw dawk l-elementi ta' data.

(4)   L-awtorità doganali tista' tippermetti li d-dikjarazzjoni ta' riċevuta tiġi ppreżentata b'mezzi oħra li ma jkunux dawk elettroniċi għall-ipproċessar tad-data. F'dak il-każ, ir-riċevitur għandu jippreżenta l-formola stampata stabbilita fil-Parti II tal-Anness f'oriġinali u kopja waħda flimkien mad-dokumenti li jiġġustifikaw l-elementi ta' data provduti fil-formola. L-oriġinali għandu jinżamm mill-awtorità doganali. Il-kopja għandha tintbagħat lura mill-awtorità doganali lir-riċevitur wara li tkun irreġistrat id-dikjarazzjoni ta' riċevuta u tkun irrikonoxxiet il-wasla tagħha.

(5)   L-Istati Membri għandhom jużaw l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni ta' riċevuta biex iwettqu l-obbligi ta' reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) u (5a) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 24(5) u (5a) tar-Regolament (UE) 2016/1037, kif ukoll l-obbligi ta' rappurtar tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 24(6) tar-Regolament (UE) 2016/1037.

Artikolu 4

Dejn

(1)   Dan li ġej għandu jwassal għal dejn:

(a)

il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mill-ġdid, notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid jew dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għall-prodott ikkonċernat, inkluż prodott ipproċessat li jirriżulta mill-prodott ikkonċernat taħt il-proċedura ta' pproċessar attiv kif issir referenza għaliha fir-Regolament (UE) Nru 952/2013, li jinġieb fuq xi gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Stat Membru mit-territorju doganali tal-Unjoni;

(b)

il-wasal tal-prodott ikkonċernat li jinġieb minn barra t-territorju doganali tal-Unjoni fi gżira artifiċjali, xi installazzjoni fissa jew li żżomm f'wiċċ l-ilma, jew fuq kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva ta' Stat Membru.

(2)   Fil-każi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1(a), id-dejn għandu jiġġarrab fil-mument meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mill-ġdid jew tar-reġistrazzjoni tan-notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid jew id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ.

Fil-każi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1(b), id-dejn għandu jiġġarrab fil-mument tal-wasal tal-prodotti kkonċernati.

(3)   Id-debitur għandu jkun ir-riċevitur.

Meta d-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mill-ġdid, in-notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid, id-dikjarazjoni fil-qosor tal-ħruġ, li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1(a) jew id-dikjarazzjoni ta' riċevuta li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 4 jitfasslu abbażi tal-informazzjoni li twassal biex ma jinġabarx id-dazju kollu, jew parti minnu, tal-antidumping u/jew kumpensatorju, il-persuna li tkun ipprovdiet l-informazzjoni meħtieġa biex timtela d-dikjarazzjoni jew in-notifika, u li kienet taf, jew li b'mod reġjonevoli, setgħet kienet taf, li tali informazzjoni kienet falza, għandha wkoll tkun id-debitur.

Fejn ikunu diversi persuni responsabbli għall-ħlas tal-ammont ta' dazju antidumping u/jew kumpensatorju li jikkorrispondi għal dejn wieħed, huma għandhom jkollhom obbligazzjoni in solidum għall-ħlas ta' dak l-ammont.

(4)   Mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn 30 jum wara li jirċievi l-prodott ikkonċernat, ir-riċevitur għandu jippreżenta dikjarazzjoni ta' riċevuta. Għandhom japplikaw il-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 3.

(5)   Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1(a), id-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mill-ġdid, in-notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid jew id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ għandhom jipprovdu l-informazzjni dwar il-blata kontinentali jew iż-żona ekonomika esklużiva tal-Istat Membru li lejh għandu jinġieb il-prodott ikkonċernat bl-użu tal-kodiċi ta' referenza addizzjonali rilevanti kif definit fl-element ta' data 2/3 fil-punt 2 tat-Titolu II tal-Anness B tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5).

(6)   Jiġġarrab dejn fil-post fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta' riċevuta jew, meta ma tkunx ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 3(2) jew l-Artikolu 4(4), fil-post fejn kellha tiġi ppreżentata.

Artikolu 5

Il-kalkolu tal-ammont ta' dazju antidumping u/jew kumpensatorju

(1)   L-ammont ta' dazju antidumping u/jew kumpensatorju pagabbli għandu jiġi stabbilit mutatis mutandis abbażi ta' dawk ir-regoli tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għall-kalkolu tad-dazju tal-importazzjoni pagabbli li kienu applikabbli għall-prodott ikkonċernat fil-mument li fih iġġarrab id-dejn fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

(2)   Meta prodott ikkonċernat li jkun tqiegħed taħt il-proċedura ta' pproċessar attiv kif issir referenza għaliha fir-Regolament (UE) Nru 952/2013, il-kalkolu tad-dejn li jikkonċerna l-prodotti pproċessati li jirriżultaw mill-prodott ikkonċernat li jkunu riesportati b'destinazjoni li tkun il-blata kontinentali jew iż-żona ekonomika esklużiva ta' Stat Membru għandu jiġi stabbilit abbażi tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-valur doganali, il-kwantità, in-natura u l-oriġini tal-prodott ikkonċernat li jkun tqiegħed taħt il-proċedura ta' proċessar attiv fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali lil tkun marbuta mal-prodott ikkonċernat.

Artikolu 6

In-notifika, l-irkupru, il-pagament, ir-ripagament, ir-remissjoni u t-tħassir tad-dejn u l-għoti ta' garanzija

Għall-iskopijiet ta' notifika, irkupru, pagament, ripagament, remissjoni u t-tħassir tad-dejn u l-għoti ta' garanzija, id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Kapitoli 2, 3 u 4 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandhom japplikaw, mutatis mutandis.

Artikolu 7

Kontrolli mill-awtoritajiet doganali

(1)   L-awtoritajiet doganali jistgħu jeżaminaw il-prodott ikkonċernat u/jew jieħdu kampjuni meta jkun għandu possibbli għalihom li jagħmlu dan, jivverifikaw l-eżattezza u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mill-ġdid, in-notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid, id-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ jew id-dikjarazzjoni ta' riċevuta u jivverifikaw l-eżistenza, l-awtentiċità, il-preċiżjoni u l-validità ta' kull dokument ġustifikattiv.

(2)   L-awtoritajiet doganali jistgħu jeżaminaw il-kontijiet tad-debitur kif ukoll dokumentazzjoni oħra marbuta mal-operati fir-rigward tal-prodott ikkonċernat jew għal operati kummerċjali preċedenti jew sussegwenti li jkunu jinvolvu dawk il-prodotti.

(3)   Meta tkun teżisti evidenza li xi persuna ma tkunx issodisfat xi wieħed minn dawn l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali jistgħu jeżaminaw il-kontijiet ta' dik il-persuna, u xi dokumentazzjoni oħra marbuta mal-operati fir-rigward tal-prodott ikkonċernat jew għal operati kummerċjali preċedenti jew sussegwenti li jkunu jinvolvu dawk il-prodotti.

(4)   Il-kontrolli u l-eżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 jistgħu jsiru fl-uffiċċji tad-detentur tal-prodotti jew tar-rappreżentant tad-detentur, jew ta' kwalunkwe persuna oħra involuta direttament jew indirettament f'dawk l-operati f'kapaċità kummerċjali, jew ta' kwalunkwe persuna oħra li tkun fil-pussess ta' dawk id-dokumenti u data għal skopijiet kummerċjali.

Artikolu 8

Iż-żamma ta' dokumenti u informazzjoni oħra, u l-imposti u spejjeż

L-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandu japplika mutatis mutandis fir-rigward taż-żamma ta' dokumenti u ta' informazzjoni oħra.

L-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandu japplika mutatis mutandis fir-rigward tat-tariffi u l-ispejjeż.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn erba' xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(3)  ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS

DIKJARAZZJONI TA' RIĊEVUTA

PARTI I

L-elementi ta' data

Ir-riċevitur għandu jippreżenta b'mod elettroniku id-dikjarazzjoni ta' riċevuta li għandu jkollha l-elementi ta' data li ġejjin:

(1)

L-isem, l-indirizz u n-numru EORI tar-riċevitur

(2)

Deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat iddikjarat, il-kodiċi ta' kommodità – TARIC, u l-kodiċi TARIC addizzjonali (fejn applikabbli), il-massa netta u grossa, il-kwantità espessa f'unità supplimentari (fejn applikabbli), il-kodiċi tal-pajjiż ta' oriġini u/jew, fejn applikabbli, il-kodiċi ta' pajjiż ta' kunsinna (1)

(3)

L-Istat Membru kompetenti (ara l-Artikoli 3(2) u 4(4))

(4)

Għadd tar-Regolament(i) jew Notifika/i ta' inizjazzjoni applikabbli għal din id-dikjarazzjoni

Miżura applikabbli:

Statistika antidumping/kumpensatorja

Notifika ta' bidu

Reġistrazzjoni

Dazju antidumping proviżorju

Dazju kumpensatorju provviżorju

Dazju anti-dumping definittiv

Dazju kompensatorju definittiv

(5)

Prezz fil-funtiera nett, liberu, fil-blata kontinentali jew fiż-Żona Ekonomika Esklussiva.

(6)

Il-kalkolu tal-ammont ta' dazju antidumping u/jew kumpensatorju proviżjoru u/jew definittiv, fejn applikabbli

(7)

Data tal-wasla tal-prodott ikkonċernat u, fejn applikabbli, l-MRN

(8)

Id-dokumenti li ġew ippreżentati, ċertifikati u awtorizzazzjonijiet, referenzi addizzjonali (għandha tiġi mehmuża fattura fil-każ tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat)

(9)

Data, isem u firma tar-riċevitur

L-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dawn l-elementi ta' data jistgħu jiġu pprovduti mingħajr l-użu ta' tekniki ta' pproċessar elettroniku tad-data. F'dan il-każ, ir-riċevitur għandu juża l-formula stampata “Dikjarazzjoni ta' riċevuta”

PARTI II

Formola

Image 1 Test ta 'immaġni Image 2 Test ta 'immaġni

Nota:

It-test fuq il-kopja tad-dikjarazzjoni ta' riċevuta għandu jkun:

“Kopja

Għar-riċevitur”.


(1)  Fil-każ li l-miżuri antidumping jew antisussidji jkunu ġew estiżi għal prodotti kkunnsinjati minn pajjiż li ma jkunx il-pajjiż milqut mill-miżuri wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni.