20.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/56


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1000

tal-14 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/1799 fir-rigward tal-eżenzjoni tal-People's Bank of China mir-rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u wara n-negozjar tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(9) tiegħu,

Billi:

(1)

It-tranżazzjonijiet fejn il-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) ikunu kontropartijiet huma eżentati mir-rekwiżiti ta' trasparenza tan-negozjar skont l-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 sakemm dawn it-tranżazzjonijiet isegwu l-politika monetarja, tal-munita barranija jew tal-istabbiltà finanzjarja.

(2)

Din l-eżenzjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolanent (UE) Nru 600/2014 tista' tiġi estiża, f'konformità mal-Artikolu 1(9) ta' dak ir-Regolament, għal banek ċentrali ta' pajjiżi terzi kif ukoll għall-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali.

(3)

Il-lista ta' banek ċentrali ta' pajjiżi terzi eżentati stabbilita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1799 (2) jenħtieġ li tiġi aġġornata, fosthom bil-għan li testendi, fejn xieraq, il-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għal banek ċentrali oħrajn ta' pajjiżi terzi, jew biex tali entitajiet pubbliċi jitneħħew mil-lista. Il-Kummissjoni ssegwi u tivvaluta l-iżviluppi rilevanti f'pajjiżi terzi u tista' tagħmel rieżami tal-eżenzjoni addizzjonali fi kwalunkwe mument.

(4)

Fid-dawl tal-informazzjoni rċevuta mingħand ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Kummissjoni ħejjiet u ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta t-trattament internazzjonali tal-People's Bank of China. Ir-rapport (3) ikkonkluda li jkun xieraq li l-bank ċentrali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jingħata eżenzjoni mir-rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u wara n-negozjar tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. B'konformità ma' dan, il-lista ta' entitajiet pubbliċi eżentati elenkati fir-Regolament Delegat (UE) 2017/1799 jenħtieġ li tiġi emendata biex tinkludi l-People's Bank of China.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Grupp ta' Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1799 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1799 tat-12 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti banek ċentrali ta' pajjiżi terzi waqt it-twettiq tagħhom ta' politika monetarja, tal-kambju u tal-istabilità finanzjarja minn rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u wara n-negozjar (ĠU L 259, 7.10.2017, p. 11).

(3)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżenzjoni tal-Bank Ċentrali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont ir-Regolament dwar is-Swieq fi Strumenti Finanzjarji (MiFIR) [COM(2019) 143 tal-14.3.2019].


ANNESS

1.

L-Awstralja:

Reserve Bank of Awstralja;

2.

Il-Brażil:

Central Bank of Brazil;

3.

Il-Kanada:

Bank of Kanada;

4.

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong;

Hong Kong Monetary Authority;

5.

L-Indja:

Reserve Bank of India;

6.

Il-Ġappun:

Bank of Japan;

7.

Il-Messiku:

Bank of Mexico;

8.

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina:

People's Bank of China

9.

Ir-Repubblika tal-Korea:

Bank of Korea;

10.

Singapor:

Monetary Authority of Singapore;

11.

L-Iżvizzera:

Swiss National Bank;

12.

It-Turkija:

Central Bank of the Republic of Turkey;

13.

ir-Renju Unit:

Bank of England

14.

L-Istati Uniti tal-Amerka:

Federal Reserve System;

15.

Il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali.