6.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/924

tat-3 ta' Ġunju 2019

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett (kaxxa tal-fibra ottika bil-konnetturi) ċilindriku b'dijametru ta' madwar 140 mm u għoli ta' 400 mm. L-oġġett jiżen madwar 2,5 kg. L-oġġett huwa magħmul prinċipalment mill-plastik b'xi elementi żgħar (irfid u viti) tal-metall.

Il-bażi tal-oġġett għandha erba' punti ta' dħul tal-kejbil. Meta l-oġġett ikun kompletament armat, il-bażi titwaħħal mal-għata tal-plastik ċilindrika tal-oġġett permezz ta' qafla tonda li tista' tinqala'.

Fuq ġewwa hemm splice tray tal-plastik, imwaħħal mal-bażi tal-oġġett. Dan it-tray fih kanali speċifiċi biex jiġu allinjati l-fibri ottiċi/kejbils ottiċi u huwa mgħammar bil-konnetturi.

L-oġġett kollu kemm hu huwa maħsub għall-preservazzjoni ta' kejbils ottiċi/kejbils ottiċi u jista' jintuża f'tipi differenti ta' netwerks.

 (*1) Ara l-istampi.

8536 70 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota Addizzjonali 7 tal-Kapitolu 85 u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8536 u 8536 70 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8536 90 10 hija eskluża minħabba li dak il-kodiċi jkopri “konnessjonijiet u elementi ta' kuntatt għal wajer u kejbils”, jiġifieri apparat elettriku biex jagħmel konnessjonijiet elettriċi. L-oġġett inkwistjoni huwa kaxxa b'konnekters għall-fibra ottika, mazzi ta' fibra ottika jew b'kejbils ottiċi u m'għandu l-ebda konnessjoni elettrika.

L-oġġett għandu l-karatteristiċi ta' konnetturi tal-fibri ottiċi, ta' mazzi tal-fibra ottika jew tal-kejbils ottiċi li sempliċiment jallinaw b'mod mekkaniku l-fibri ottiċi tarf ma' tarf f'sistema ta' linja diġitali (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 8536 , il-parti IV).

Minħabba l-karatteristiċi tiegħu, l-oġġett għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8536 70 00 bħala konnekters użati għall-fibra ottika, mazzi jew kejbils tal-fibra ottika.

Image 1

(*1)  L-istampi huma biss għal finijiet ta' informazzjoni.