6.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/923

tat-3 ta' Ġunju 2019

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċijiet NM indikati fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ġunju 2019

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

1.

Oġġett li jikkonsisti f'likwidu alkoħoliku b'qawwa alkoħolika skont il-volum ta' bejn 4 % sa 6 %.

Dan l-oġġett jiġi prodott billi jitħallat meraq tat-tuffieħ iffermentat ma' alkoħol etiliku distillat, ilma karbonat, zokkor, aċidu ċitriku, aromatizzanti, aġent preservattiv (E 202), kaffeina u aġenti koloranti (E 102, E 124).

Iż-żieda tal-alkoħol etiliku distillat mal-meraq tat-tuffieħ iffermentat iżżid il-qawwa alkoħolika: 62,05 litru ta' meraq tat-tuffieħ iffermentat b'volum ta' 18 % (11,17-il litru ta' alkoħol) jitħalltu ma' 37,95 litru ta' alkoħol etiliku distillat b'volum ta' 28,28 % (10,73 litri ta' alkoħol). Il-komponent alkoħoliku ffermentat fil-prodott jammonta għal 51 % u l-alkoħol distillat jammonta għal 49 % tal-kontenut totali ta' alkoħol.

It-taħlita li tirriżulta tiġi dilwita ma' qawwa tax-xorb b'volum ta' bejn 4 % u 6 % billi jiżdied l-ilma karbonizzat. Jiżdiedu wkoll zokkor, aċidu ċitriku, aġent preservattiv (E 202), kaffeina, aġenti koloranti (E 102, E 124) u aromatizzanti (bħal mango, rum, frott tal-passjoni jew port).

Il-prodott huwa ppreżentat biex jintuża għall-produzzjoni tal-cocktails. Ir-riħa u t-togħma huma alkoħoliċi, aċidużi u ħelwin.

Il-prodott huwa għall-konsum mill-bniedem u offrut għall-bejgħ bl-imnut f'kontenituri li jesgħu żewġ litri jew inqas.

2208 90 69

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mit-test tal-kodiċijiet NM 2208 , 2208 90 u 2208 90 69 .

Il-prodott huwa xarba alkoħolika li ma żammitx il-karattru ta' prodott li jaqa' taħt l-intestatura 2206 (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 2206 , it-tielet paragrafu) peress li s-sustanzi miżjuda wasslu biex jintiflu l-proprjetajiet u l-karatteristiċi ta' meraq tat-tuffieħ iffermentat.

Il-fatt li l-alkoħol distillat la jaqbeż il-volum u lanqas il-perċentwal ta' 49 % tal-alkoħol preżenti fil-prodott u l-51 % li jifdal jirriżulta minn proċess ta' fermentazzjoni, mhuwiex kriterju ta' klassifikazzjoni peress li ma teżisti l-ebda regola ta' maġġoranza bbażata fuq il-perċentwali li tiddetermina l-karattru tal-prodotti tal-intestatura 2206 .

B'hekk il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 2206 hija eskluża peress li l-prodott juri karatteristiċi oġġettivi simili għal dawk ta' xarba spirituża u ma għadx għandu l-karatteristiċi miksuba mill-fermentazzjoni ta' frotta jew pjanta speċifika.

Għaldaqstant il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2208 90 69 bħala xarba oħra spirituża f'kontenituri li jesgħu żewġ litri jew inqas.

2.

Oġġett li jikkonsisti f'likwidu alkoħoliku b'qawwa alkoħolika skont il-volum ta' 15 %.

Dan jiġi prodott bil-fermentazzjoni ta' estratt tal-pitravi ħelu li jikkonsisti skont il-piż fi 93,4 % ta' sukrożju (96,7 % ta' sukrożju f'materja niexfa), proteini, mikrominerali, fibra u ilma.

Il-proċess ta' fermentazzjoni jinkiseb billi jiżdiedu l-ilma u l-ħmira sakemm jintlaħaq kontenut alkoħoliku ta' 15 %. Wara titneħħa l-ħmira permezz ta' sedimentazzjoni u mikrofiltrazzjoni. Il-prodott ma għandu l-ebda riħa u togħma speċifika ħlief dik tal-alkoħol.

Il-prodott huwa maħsub biex jintuża bħala bażi fil-formulazzjoni ta' xarbiet alkoħoliċi.

Huwa ppreżentat bl-ingrossa.

2208 90 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mit-test tal-kodiċijiet NM 2208 , 2208 90 u 2208 90 99 .

L-estratt tal-pitravi ħelu huwa zokkor mhux raffinat newtrali u għalhekk il-prodott ma jistax ikollu t-togħma, ir-riħa u/jew id-dehra ta' xarba prodotta minn frotta jew prodott naturali partikolari. B'hekk ma kisibx il-karatteristiċi ta' prodott li jaqa' taħt l-intestatura 2206 iżda akkwista dawk tal-alkoħol etiliku tal-intestatura 2208 .

Għalhekk il-prodott, li jinkiseb bl-ipproċessar ta' estratt tal-pitravi ħelu ffermentat u maħsub biex jintuża bħala bażi fil-formulazzjoni ta' xarbiet alkoħoliċi, peress li huwa newtrali f'termini ta' kulur, riħa u togħma b'riżultat tal-purifikazzjoni (inkluża l-mikrofiltrazzjoni), jaqa' taħt l-intestatura 2208 .

Għaldaqstant il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 2208 90 99 bħala alkoħol etiliku mhux żnaturat f'kontenituri li jesgħu aktar minn żewġ litri.