4.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/7


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/907

tal-14 ta' Marzu 2019

li jistabbilixxi Test ta' Taħriġ Komuni għall-istrutturi tal-iski skont l-Artikolu 49b tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 49b(4) tagħha,

Billi:

(1)

Attwalment, l-istrutturi tal-iski jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki tagħhom skont id-Direttiva 2005/36/KE. L-istabbiliment ta' test ta' taħriġ komuni għall-istrutturi tal-iski (“CTT”) jintroduċi rikonoxximent awtomatiku għal ċerti kwalifiki tal-istrutturi tal-iski biex id-detenturi ta' dawk il-kwalifiki jkunu jistgħu jiċċaqilqu aktar faċilment bejn l-Istati Membri. Is-CTT huwa mod wieħed kif tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-istrutturi tal-iski madwar l-Unjoni. Fir-rigward tal-istrutturi tal-iski li mhumiex eliġibbli biex jieħdu sehem fis-CTT jew li ma jkunux għaddew mis-CTT, ikompli japplika l-qafas ġenerali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom skont id-Direttiva 2005/36/KE.

(2)

Il-professjoni ta' istruttur tal-iski jew alternattivament, l-edukazzjoni u t-taħriġ li jwasslu għall-kwalifika bħala istruttur tal-iski huma regolati f'aktar minn terz tal-Istati Membri u għalhekk ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 49b(2) tad-Direttiva 2005/36/KE huma ssodisfati.

(3)

Fl-2012, ġie ffirmat Memorandum ta' Qbil (il-“Memorandum”) li jistabbilixxi proġett pilota għal karta professjonali li jeħtieġ tinħareġ għall-istrutturi tal-iski fl-Unjoni minn disa' Stati Membri, jiġifieri l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Rumanija, Spanja u r-Renju Unit. Sussegwentement, is-Slovenja u r-Repubblika Ċeka ffirmaw il-Memorandum fl-2014. Il-Memorandum irrikonoxxa d-drittijiet miksuba tal-istrutturi tal-iski li kienu ċittadini ta' dawk l-Istati Membri firmatarji mid-data tal-Memorandum. Il-Memorandum stabbilixxa wkoll li t-tlestija b'suċċess tal-Eurotest u tat-test tal-Eurosecurity kienet prerekwiżit għar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifika bħala istruttur tal-iski fost dawk l-Istati Membri, mid-data tal-iffirmar tal-Memorandum. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, huwa xieraq u raġonevoli li dawn iż-żewġ testijiet iservu ta' bażi għall-kontenut tas-CTT u li d-dispożizzjonijiet li ġew miftiehma fil-Memorandum jitqiesu bħala bażi għal dan ir-Regolament.

(4)

Kwalunkwe istruttur tal-iski kopert minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun jista' jiżgura li l-klassijiet tat-tagħlim tal-iski jitwettqu b'mod sikur u b'awtonomija sħiħa f'ambjent muntanjuż mimli borra, iżda minbarra f'dawk iż-żoni fejn huma meħtieġa tekniki għat-tixbit mal-muntanji. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata kwalità għolja tat-tagħlim tal-iski, jixraq li l-kwalifiki li jagħtu l-eliġibbiltà tal-kandidati li jieħdu sehem fis-CTT jenħtieġ li jinkludu wkoll ċerti ħiliet ta' tagħlim.

(5)

Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet ġestiti mill-Fédération Internationale du Ski (“FIS”) u kwalunkwe punt tal-FIS li jingħata bħala parti minn dawk il-kompetizzjonijiet jenħtieġ li fejn xieraq, jitqiesu meta tiġi pproċessata talba għal eżenzjoni fir-rigward tal-Parti I tas-CTT relatata maċ-ċertifikazzjoni tal-kapaċità teknika.

(6)

Fl-interessi taċ-ċertezza tad-dritt, jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti d-drittijiet miksuba kemm tal-istrutturi tal-iski li għandhom karta professjonali maħruġa skont il-Memorandum, kif ukoll dawk li għandhom kwalifika elenkata fl-Anness I fi Stat Membru, li mhuwiex firmatarju tal-Memorandum, fejn dawn ikunu jistgħu juru l-esperjenza meħtieġa bħala istrutturi tal-iski f'kundizzjonijiet speċifiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jixtiequ jeżerċitaw il-professjoni ta' istruttur tal-iski fi Stat Membru għajr dak li fih ikunu kisbu kwalifika elenkata fl-Anness I.

Artikolu 2

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kontenuti tat-Test ta' Taħriġ Komuni (“CTT”) u l-kundizzjonijiet li jeħtieġ jiġu ssodisfati kemm biex wieħed jieħu sehem fis-CTT, kif ukoll biex jgħaddi minnu.

2.   Is-CTT għandu jkun magħmul minn test li jiċċertifika l-kapaċità teknika tal-istrutturi tal-iski u test li jiċċertifika l-kompetenzi relatati mas-sikurezza tal-istrutturi tal-iski f'konformità mar-regoli stabbiliti fil-Partijiet I u II rispettivament tal-Anness II.

Artikolu 3

Entitajiet kompetenti

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe entità li hija elenkata fl-Anness I, li tagħti kwalifika li tikkonferixxi d-dritt li wieħed jieħu sehem fis-CTT skont l-Artikolu 5.

Artikolu 4

Prinċipju tar-rikonoxximent awtomatiku

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati li jinħarġu f'konformità mal-Artikolu 8 li jikkonfermaw it-tlestija b'suċċess tas-CTT. Kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni li għandu tali ċertifikat li jinħareġ fi Stat Membru għandu jkun intitolat li jikseb l-aċċess għall-attivitajiet professjonali tal-istrutturi tal-iski fi Stati Membri oħra, soġġett għall-istess kundizzjonijiet bħall-istrutturi tal-iski li jkunu kisbu l-kwalifika tagħhom f'dawk l-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati li jinħarġu f'konformità mal-Artikolu 8 għall-istrutturi tal-iski li jibbenefikaw mid-drittijiet miksuba kif stabbilit fl-Artikolu 7. Kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni li għandu tali ċertifikat li jinħareġ fi Stat Membru għandu jkun intitolat li jikseb l-aċċess għall-attivitajiet professjonali tal-istrutturi tal-iski fi Stati Membri oħra, soġġett għall-istess kundizzjonijiet bħall-istrutturi tal-iski li jkunu kisbu l-kwalifika tagħhom f'dawk l-Istati Membri.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni fis-CTT

Iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li għandhom jew li qed jitħarrġu biex jiksbu kwalifika elenkata fl-Anness I (2) għandhom ikunu intitolati biex jieħdu sehem fis-CTT.

Artikolu 6

Eżenzjonijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-istrutturi tal-iski għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jgħaddu mit-test li jiċċertifika l-kapaċità teknika kif imsemmi fil-Parti I tal-Anness II, meta dawn ikollhom jew ikunu qed jitħarrġu biex jiksbu kwalifika elenkata fl-Anness I u jew:

(a)

ikunu jistgħu jipprovdu evidenza li jkunu ngħataw mill-inqas 100 punt għall-iskijjar fl-Alpi mill-Fédération Internationale du Ski għall-irġiel u mill-inqas 85 punt għall-iskijjar fl-Alpi mill-Fédération Internationale du Ski għan-nisa, f'waħda mid-dixxiplini tekniċi tas-slalom jew tas-slalom il-kbira tul kwalunkwe perjodu ta' ħames snin; jew

(b)

ikunu għaddew mill-Eurotest.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-istrutturi tal-iski li jkunu għaddew mit-test tal-Eurosecurity għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jgħaddu mit-test li jiċċertifika l-kompetenzi relatati mas-sikurezza kif imsemmi fil-Parti II tal-Anness II, meta dawn ikollhom jew ikunu qed jitħarrġu biex jiksbu kwalifika elenkata fl-Anness I.

3.   Dawk l-istrutturi tal-iski li jkunu għaddew, bħala parti mis-CTT, jew mit-test li jiċċertifika l-kapaċità teknika kif imsemmi fil-Parti I tal-Anness II jew mit-test li jiċċertifika l-kompetenzi relatati mas-sikurezza kif imsemmi fil-Parti II tal-Anness II, ma għandhomx jintalbu jirrepetu dik il-parti tas-CTT li dawn ikunu temmew b'suċċess.

Artikolu 7

Drittijiet miksuba

1.   L-istrutturi tal-iski li, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ikollhom karta professjonali li tkun inħarġet skont il-Memorandum għandhom jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku kif stabbilit fl-Artikolu 4(2).

2.   L-istrutturi tal-iski li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li jkunu għaddew kemm mill-Eurotest kif ukoll mit-test tal-Eurosecurity, għandhom jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent awtomatiku kif stabbilit fl-Artikolu 4(2), meta dawn ikollhom ukoll kwalifika elenkata fl-Anness I.

3.   L-istrutturi tal-iski li jkunu kisbu kwalifika elenkata fl-Anness I fi Stat Membru ieħor li mhuwiex firmatarju tal-Memorandum fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u jkunu jistgħu juru esperjenza professjonali ta' mill-inqas 200 jum matul il-ħames snin li jiġu immedjatament qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għandhom jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent awtomatiku kif stabbilit fl-Artikolu 4(2).

4.   Dawk l-istrutturi tal-iski li jgawdu l-benefiċċju tad-drittijiet miksuba kif stabbilit fil-paragrafi 1, 2 u 3, għandhom ikunu intitolati li japplikaw għal ċertifikat ta' kompetenza skont l-Artikolu 8.

Artikolu 8

Ċertifikat ta' kompetenza

1.   L-istrutturi tal-iski li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li jew ikunu għaddew b'suċċess mis-CTT jew igawdu mid-drittijiet miksuba skont l-Artikolu 7, għandu jinħarġilhom ċertifikat ta' kompetenza. Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ mill-Istat Membru jew mill-entità kompetenti fi Stat Membru, li jkunu taw il-kwalifika professjonali li tikkonferixxi d-dritt lill-professjonist biex jieħu sehem fis-CTT skont l-Artikolu 5.

2.   Iċ-ċertifikat ta' kompetenza għandu jindika mill-inqas dan li ġej:

(a)

l-isem tal-istruttur tal-iski;

(b)

ir-riżultati miksuba fis-CTT u d-data ta' meta wieħed ikun għadda mis-CTT, jekk applikabbli;

(c)

id-dritt miksub speċifiku li jgawdi l-istruttur tal-iski skont l-Artikolu 7, jekk applikabbli;

(d)

l-Istat Membru jew l-entità kompetenti emittenti;

(e)

il-kwalifika elenkata fl-Anness I li għandu l-istruttur tal-iski.

3.   Iċ-ċertifikat ta' kompetenza għandu jkun akkumpanjat minn stiker li jeħtieġ titwaħħal mal-karta nazzjonali tal-istruttur tal-iski. L-istiker għandha tafferma li jkun inħareġ ċertifikat ta' kompetenza lill-istruttur tal-iski u għandha tindika mill-inqas:

(a)

l-isem tal-istruttur tal-iski;

(b)

is-sena li fiha jkun inħareġ iċ-ċertifikat ta' kompetenza;

(c)

l-Istat Membru jew l-entità kompetenti emittenti.

4.   Kopja doppja taċ-ċertifikat ta' kompetenza għandha tinħareġ fi kwalunkwe ħin fuq talba mill-istruttur tal-iski.

Artikolu 9

Proċedura ta' notifika

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bi kwalunkwe bidla fil-kwalifiki elenkati fl-Anness I, kif ukoll bl-eżistenza ta' kwalunkwe kwalifika ġdida li tkun komparabbli, f'termini tal-ħiliet u l-għarfien, ma' dawk elenkati fl-Anness I. Dawn in-notifiki għandhom jiġu trażmessi permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 10

Taħriġ u esperjenza fit-tul

L-istrutturi tal-iski li għandhom kwalifika elenkata fl-Anness I u li jistgħu juru li wettqu taħriġ tal-iski teoretiku u prattiku ta' mill-inqas 95 jum u esperjenza ta' xogħol bħala istrutturi tal-iski ta' 95 jum se jiġu rikonoxxuti fl-Awstrija fil-livell ta' “Diplomschilehrer”.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(2)  Għall-Awstrija, din hija mifhuma bħala l-kwalifika ta' Diplomschilehrer - li preċedentement kienet intitolata bħala staatlich geprüfter Schilehrer.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).


ANNESS I

Kwalifiki

Il-kwalifiki elenkati f'dan l-Anness għandhom jitfasslu biex jiżguraw approċċ bilanċjat bejn it-tagħlim teoretiku u t-traineeship prattiku, inkluż l-iski fuq il-pista u barra l-pista, u għandhom jipprovdu b'mod partikolari l-ħiliet u l-għarfien li ġejjin:

(a)

il-fehim tal-metodoloġiji tat-tagħlim, l-istruzzjoni u t-taħriġ, u l-kapaċità li wieħed japplikahom kemm għall-istruzzjoni tal-iski fl-Alpi fuq il-pista, kif ukoll barra l-pista;

(b)

il-kapaċità li wieħed jaġġusta sessjoni ta' tagħlim fid-dawl tal-kundizzjonijiet tat-temp varjabbli;

(c)

il-kapaċità li wieħed joħloq, jimplimenta u jivvaluta r-rekwiżiti tal-istruzzjoni xierqa għall-klassijiet kollha f'kull livell tal-istruzzjoni tal-iski fl-Alpi, minn dawk ġodda għal dawk esperti, b'mod awtonomu;

(d)

il-kapaċità li wieħed ifassal programm ta' struzzjoni għall-iski fl-Alpi billi juża tekniki tat-tagħlim xierqa;

(e)

il-kapaċità li wieħed joħloq sitwazzjoni ta' taħriġ;

(f)

il-kapaċità li wieħed iħejji materjali ta' tagħlim, ta' struzzjoni u ta' taħriġ li jeħtieġ jintużaw waqt kwalunkwe tip ta' struzzjoni tal-iski fl-Alpi;

(g)

il-kapaċità li wieħed iwettaq dimostrazzjoni teknika, inkluż li jispjega l-elementi differenti tagħha għall-klassijiet kollha f'kull livell tal-istruzzjoni tal-iski fl-Alpi;

(h)

il-kapaċità li wieħed jivvaluta sessjoni jew ċiklu tat-tagħlim tal-iski fl-Alpi;

(i)

l-għarfien u l-kapaċità li wieħed japplika l-prinċipji tal-ewwel għajnuna fil-każ ta' aċċident tal-isport tax-xitwa u li jibda s-salvataġġ.

Stat Membru

Kwalifiki

Entitajiet li jagħtu l-kwalifiki

L-Awstrija

Diplomschilehrer jew Landesschilehrer/Schilehrer f'Vorarlberg

Bundessportakademie Innsbruck

Landesschilehrerverbände

Il-Belġju

BE-fr: Moniteur sportif entraineur

BE-nl: Trainer A Alpijns Skiën/Skileraar

Administration de l'Éducation physique, du Sport et de la Vie en Plein Air (ADEPS)

Sport Vlaanderen

Il-Bulgarija

Ски учител клас C

Българско ски училище

Il-Kroazja

Učitelj skijanja

Skijaško Učilište

Hrvatski zbor učitelja i trenera sportova na snijegu (HZUTS)

Ir-Repubblika Ċeka

Instruktor lyžování APUL A

Asociace profesionálních učitelů lyžování a lyžařských škol, o.s. (APUL)

Id-Danimarka

Euro Ski Pro

Den Danske Skiskole

Il-Finlandja

Level 3 – hiihdonopettaja

Suomen hiihdonopettajat ry (FNASI/SHOry)

Istitut tal-Isports Vuokatti

Franza

Diplôme d'Etat de ski

moniteur national de ski alpin

Ecole Nationale des Sports de Montagne (ENSM)

Il-Ġermanja

Staatlich geprüfter Skilehrer

Technische Universität München in Zusammenarbeit mit DSLV – Deutscher Skilehrerverband, soweit diesem Aufgaben übertragen wurden

Il-Greċja

Ski instructor Downhill A

Γενική Γραμματεία Αθλητισμού — Υπουργείο Πολιτισμού και Αθλητισμού

L-Ungerija

Síoktató ****

Síktatók Magyarországi Szövetsége

L-Irlanda

Alpine Ski Teacher – Level 4

Irish Association of Snowsports instructors (IASI)

L-Italja

Maestro di Sci

Collegio Nazionale dei Maestri di Sci

Federazione Italiana Sport Invernali

Collegi Regionali e Provinciali

Il-Latvja

Profesionāls slēpošanas instruktors

Latvijas Slēpošanas un snovborda instruktoru asociācija (LSSIA)

Il-Litwanja

A kategorijos instruktorių pažymėjimai

National Russian League of Instructors (NRLI)/DruSkiSchool

In-Netherlands

Ski-instructeur niveau 4

Nederlandse Ski Vereniging

Il-Polonja

Instruktor Zawodowy – PZN

Stowarzyszenie Instruktorów i Trenerów Narciarstwa Polskiego Związku Narciarskiego (SITN PZN)

Il-Portugall

Treinadores de esqui alpino de grau 2

Federação de Desportos de Inverno de Portugal (FDI-Portugal)

Instituto Português do Desporto e Juventude

Ir-Rumanija

Monitor de schi I

Federația română de schi biatlon

Is-Slovakkja

Inštruktor lyžovnia III. kvalifikačného stupňa

Għall-kwalifiki li nħarġu mill-1 ta' Jannar 2016: L-Università Comenius fi Bratislava (Il-Fakultà tal-Edukazzjoni Fiżika u tal-Isport); L-Università fi Prešov (Il-Fakultà tal-Isport); L-Università Matej Bel f'Banská Bystrica (Il-Fakultà tal-Filosofija); u l-Università Constantine The Philosopher f'Nitra (Il-Fakultà tal-Edukazzjoni), kif ukoll Slovenská lyžiarska asociácia (SLA)

Għall-kwalifiki li nħarġu qabel il-31 ta' Diċembru 2015: Slovenská lyžiarska asociácia (SLA) hija parti minn “Tatranská, akciová spoločnosť” jew Slovenská asociácia učiteľov lyžovania a snowboardingu (SAPUL)

Is-Slovenja

Strokovni delavec 2 – športno treniranje – smučanje – alpsko

Smučarska zveza Slovenije

Spanja

Técnico deportivo de esquí alpino

Ministerio de Educación, Cultura y Deporte

L-Iżvezja

Svenska skidlärarexamen

Det svenska skidrådet

Ir-Renju Unit

Livell 4 tal-Alpi – Diploma ta' Għalliem tal-Iski Internazzjonali

BASI – Assoċjazzjoni Brittanika tal-Istrutturi tal-Isport fil-Borra


ANNESS II

Organizzazzjoni tat-Test ta' Taħriġ Komuni (“CTT”)

1.   PARTI I — TEST LI JIĊĊERTIFIKA L-KAPAĊITÀ TEKNIKA (“TEST TEKNIKU”)

1.1.   Prinċipji ġenerali

1.1.1.   Regoli applikabbli

It-Test Tekniku għandu jkun magħmul minn slalom kbira tal-iski fl-Alpi. Dan għandu jsir skont ir-regoli tekniċi stipulati mill-Fédération Internationale du Ski (“FIS”) u aġġustat biex jitqiesu l-objettivi tat-Test Tekniku.

1.1.2.   Kandidati eliġibbli

Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament jistgħu jieħdu sehem fit-Test Tekniku. Il-kandidati eliġibbli jistgħu jirrepetu t-test mingħajr restrizzjoni, meta dawn ma jkunux għaddew f'tentattivi preċedenti. Il-kandidati eliġibbli għandhom japplikaw direttament mal-Istat Membru organizzatur jew ma' entità kompetenti f'dak l-Istat Membru, li jorganizza t-test, sabiex jieħdu sehem fit-Test Tekniku.

1.1.3.   Tiġrijiet

It-Test Tekniku għandu jkun magħmul minn żewġ tiġrijiet. L-ordni tat-tluq għall-ewwel tiġrija għandha tintgħażel bil-polza, filwaqt li l-ordni tat-tluq għat-tieni tiġrija għandha tkun fl-ordni inversa tal-ewwel tiġrija. Il-kandidati li jgħaddu mit-Test Tekniku matul l-ewwel tiġrija ma għandhomx jieħdu sehem fit-tieni tiġrija. Il-kandidati li ma jgħaddux mit-Test Tekniku waqt l-ewwel tiġrija, jistgħu jieħdu sehem fit-tieni tiġrija.

1.1.4.   Ġuriji tat-test

Il-ġuriji tat-test għandhom jissorveljaw u jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tat-Test Tekniku. Is-sħubija tal-ġuriji tat-test għat-Test Tekniku għandha tkun miftuħa għal ċittadini kkwalifikati minn kwalunkwe Stat Membru. Dawk iċ-ċittadini biss li jew ikunu għaddew mill-Eurotest qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jew li jkunu għaddew mis-CTT, għandhom jitqiesu bħala eliġibbli biex jinħatru għall-ġurija tat-test sabiex jivvalutaw il-moduli tat-Test Tekniku.

Dawk il-ġuriji tat-test għandhom jinħatru mill-Istat Membru organizzatur jew mill-entità kompetenti, kif xieraq, abbażi tal-kompetenza u tal-esperjenza professjonali tagħhom fis-settur. L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti għandhom ikunu jistgħu jiddelegaw dan il-poter tal-ħatra lil partijiet terzi, iżda l-membri tal-ġurija tat-test għandhom jirrappreżentaw f'kull ħin mill-inqas tliet Stati Membri. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti għajr dawk li jorganizzaw is-CTT, jistgħu jressqu proposti għall-kompożizzjoni tal-ġurija tat-test. F'dan il-każ, l-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, jistgħu jirrifjutaw tali proposta biss abbażi ta' raġunijiet iġġustifikati kif jistħoqq.

1.1.5.   Proċedura ta' rieżami

Il-kandidati jistgħu jitlobu li titwettaq valutazzjoni mill-ġdid tal-prestazzjoni tat-Test Tekniku tagħhom mill-ġurija tat-test, meta dawn iqisu li jkunu saru żbalji materjali. F'dak il-każ, il-ġurija tat-test għandha tivvaluta t-talba u għandha twieġeb mingħajr dewmien billi tistabbilixxi r-raġunijiet għaż-żamma jew għall-bidla tar-riżultati tat-Test Tekniku għal dak il-kandidat individwali. Il-ġurija tat-test għandha tiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha.

1.1.6.   Dokumentazzjoni tar-riżultati

L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, għandhom jinformaw bir-riżultati tat-Test Tekniku lill-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti li joħorġu l-kwalifiki kif elenkati fl-Anness I, fi żmien sebat ijiem ta' xogħol wara li jkun ġie organizzat avveniment għall-implimentazzjoni tas-CTT. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti, kif xieraq, għandhom iżommu u jippubblikaw fuq bażi annwali, lista aġġornata tal-istrutturi tal-iski li jkunu temmew b'suċċess it-Test Tekniku jew li jkunu bbenefikaw mid-drittijiet jew mill-eżenzjonijiet miksuba, meta dawn ikunu taw kwalifika lil dak l-istruttur tal-iski li tikkorrispondi għal dawk elenkati fl-Anness I.

1.2.   Il-korsa

1.2.1.   Kriterji ġenerali tal-korsa

It-Test Tekniku għandu jsir fuq korsa tas-slalom kbira li tissodisfa l-kriterji stipulati mill-FIS u aġġustati biex jitqiesu l-objettivi tat-Test Tekniku, speċjalment fir-rigward tat-tul, il-waqgħa vertikali u l-għadd ta' passaġġi. L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, għandhom jikkomunikaw id-dati tat-Test Tekniku mill-inqas xahrejn qabel lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jew lill-entitajiet kompetenti tagħhom.

Il-waqgħa vertikali għandha tkun bejn 250 metru u 300 metru. L-għadd ta' passaġġi għandu jkun bejn 11 % u 15 % tal-waqgħa vertikali f'metri, iżda idealment bejn 12 % u 13 % sabiex tiġi vvalutata l-kapaċità tat-tidwir tal-istrutturi tal-iski, pjuttost milli l-kapaċità tal-igglajdjar tagħhom.

Il-kriterji f'din it-Taqsima u fit-Taqsima 1.2.2 jistgħu jipproduċu b'mod regolari ħinijiet mhux ikkumpensati għall-prekursuri fil-bidu tat-Test Tekniku ta' bejn 45 u 60 sekonda.

It-Test Tekniku għandu jippermetti li l-korsa tiġi stabbilita mingħajr il-passaġġi ta' barra ħlief għall-ewwel u l-aħħar passaġġi u l-passaġġi ta' dewmien.

1.2.2.   Profili tal-ġnub tal-muntanji

Il-profili tal-ġnub tal-muntanji fuq il-korsa tas-slalom kbira, kemm jista' jkun iridu jikkonformaw mal-kombinazzjonijiet li ġejjin:

(a)

terz tal-korsa jenħtieġ li jkun magħmul minn ġenb tal-muntanji medju bi gradjent perċentwali bejn 26 % u 43 %;

(b)

terz tal-korsa jenħtieġ li jkun magħmul minn ġenb tal-muntanja wieqaf bi gradjent perċentwali bejn 45 % u 52 %;

(c)

terz tal-korsa jenħtieġ li jkun magħmul minn ġenb tal-muntanja bi gradjent perċentwali bejn 25 % u 26 %.

1.2.3.   Approvazzjoni tal-korsa

Il-korsa għandha tiġi approvata minn kummissjoni teknika, li l-membri tagħha għandhom jinħatru mill-Istat Membru organizzatur jew mill-entità kompetenti, kif xieraq, abbażi tal-kompetenza u l-esperjenza professjonali tagħhom. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti għajr dawk li jorganizzaw is-CTT, jistgħu jressqu proposti għall-kompożizzjoni tal-kummissjoni teknika. F'dan il-każ, l-Istat Membru li jorganizza jew l-entità kompetenti jistgħu biss jirrifjutaw proposta abbażi ta' raġunijiet iġġustifikati kif jistħoqq. Ladarba tiġi approvata, l-Istat Membru jew l-entità kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bid-dettalji prattiċi ta' kwalunkwe avveniment li jkun se jiġi organizzat sabiex is-CTT jitwettaq fuq dik il-korsa, mill-inqas xahrejn qabel.

1.3.   Prekursuri

1.3.1.   Rekwiżiti għall-prekursuri li jieħdu sehem fit-Test Tekniku

Għandu jkun hemm għadd minimu ta' tliet prekursuri li jieħdu sehem fit-Test Tekniku. L-Istat Membru li jorganizza jew l-entità kompetenti għandhom ikunu obbligati jagħżlu l-prekursuri.

Il-prekursuri għandhom ikunu ċittadini minn kwalunkwe Stat Membru. Dawn iridu jkunu għaddew mill-Eurotest jew mit-test tal-Eurosecurity qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jew ikunu għaddew mis-CTT bil-kisba ta' koeffiċjent korrettiv ugwali għal 0,8700 jew akbar fit-test tal-kalibrar għall-istaġun attwali.

1.3.2.   It-test tal-kalibrazzjoni għall-prekursuri

Il-prekursuri għat-Test Tekniku għandhom ikunu soġġetti għat-test tal-kalibrazzjoni. L-għan tat-test tal-kalibrazzjoni huwa li jalloka koeffiċjent korrettiv għal kull prekursur sabiex jiġi stabbilit il-ħin bażi għall-kandidati tat-Test Tekniku. Kull prekursur jista' jlesti żewġ tiġrijiet waqt it-test tal-kalibrazzjoni u l-aħjar riżultat għandu jiġi allokat lill-prekursur rispettiv. Il-koeffiċjent korrettiv allokat għal kull prekursur għandu jiġi rieżaminat fuq bażi annwali.

It-test tal-kalibrazzjoni għandu jiġi organizzat minn kummissjoni tat-test tal-kalibrazzjoni. Il-membri tal-kummissjoni tat-test tal-kalibrazzjoni għandhom jinħatru mill-Istat Membru organizzatur jew mill-entità kompetenti, kif xieraq, abbażi tal-kompetenza u l-esperjenza professjonali tagħhom. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti għajr dawk li jorganizzaw it-test tal-kalibrazzjoni, jistgħu jressqu proposti għall-kompożizzjoni tal-kummissjoni tat-test tal-kalibrazzjoni. F'dan il-każ, l-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti jistgħu biss jirrifjutaw tali proposta abbażi ta' raġunijiet iġġustifikati.

L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, għandhom jikkomunikaw id-dati tat-test tal-kalibrar mill-inqas xahrejn qabel lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jew lill-entitajiet kompetenti.

Ir-riżultati tat-test tal-kalibrazzjoni għandhom jiġu ppubblikati mill-Istat Membru organizzatur qabel ma jiġi skedat li jsir is-CTT f'dak l-Istat Membru.

1.3.3.   Il-koeffiċjent korrettiv tal-prekursuri

Il-ħinijiet ikkumpensati għall-prekursuri għandhom jiġu kkalkolati billi l-ħin li bih il-prekursur rispettiv ikun għadda mit-test tal-kalibrazzjoni jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent korrettiv allokat.

Il-ħin bażi għat-test tal-kalibrazzjoni għandu jiġi ikkalkolat bħala l-medja tal-aħjar żewġ ħinijiet ikkumpensati tal-prekursuri ta' referenza. Għandhom jintgħażlu erba' prekursuri ta' referenza mill-kummissjoni tat-test tal-kalibrazzjoni abbażi tal-lista tar-riżultati tal-prekursuri mis-sena preċedenti.

Il-koeffiċjent korrettiv tal-prekursuri għandu jiġi kkalkolat bħala:

Koeffiċjent korrettiv = il-ħin bażi tat-test tal-kalibrazzjoni/il-ħin biex il-prekursuri għaddew.

1.4.   Meta wieħed jgħaddi mit-Test Tekniku

1.4.1.   Il-kalkolu tal-ħin bażi għat-Test Tekniku

Il-ħin bażi għat-Test Tekniku għandu jiġi kkalkolat b'minimu ta' tliet prekursuri li jibdew it-tiġrijiet tagħhom u b'mill-inqas tnejn li jlestu t-tiġrijiet tagħhom skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

għandha tittieħed il-medja taż-żewġ l-aħjar ħinijiet ikkumpensati tal-prekursuri li jkunu lestew it-tiġrija qabel ma jibda l-ewwel kandidat tat-tiġrija;

(b)

għandha tittieħed il-medja taż-żewġ l-aħjar ħinijiet ikkumpensati tal-prekursuri li jkunu lestew it-tiġrija wara li jibda l-aħħar kandidat tat-tiġrija;

(c)

il-ħin bażi tat-Test Tekniku għandu jkun il-medja taż-żewġ medji msemmija fil-punti (a) u (b).

Kull prekursur jista' jerġa' jibda, jekk ma setax itemm it-tiġrija b'mod normali.

Il-kandidati għandhom jiġu informati dwar il-koeffiċjent tal-prekursuri qabel ma jibda t-Test Tekniku.

1.4.2.   Il-ħin massimu biex wieħed jgħaddi

Il-kandidati li ġejjin għandhom jitqiesu li għaddew mit-Test Tekniku:

(a)

kandidati rġiel li jlestu tiġrija f'ħin ugwali għall-ħin bażi tat-Test Tekniku jew inqas b'żieda ta' 19 %.

(b)

kandidati nisa li jlestu tiġrija f'ħin ugwali għall-ħin bażi tat-Test Tekniku jew inqas b'żieda ta' 25 %.

Konsegwentement, il-ħin massimu biex wieħed jgħaddi għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

(a)

il-ħin massimu biex wieħed jgħaddi għall-irġiel = il-ħin bażi tat-Test Tekniku x 1,19.

(b)

il-ħin massimu biex wieħed jgħaddi għan-nisa = il-ħin bażi tat-Test Tekniku x 1,25.

2.   PARTI II — TEST LI JIĊĊERTIFIKA KOMPETENZI RELATATI MAS-SIKUREZZA (IT-“TEST TAS-SIKUREZZA”)

2.1.   Prinċipji ġenerali

2.1.1.   Objettiv tat-Test tas-Sikurezza

It-Test tas-Sikurezza għandu jsegwi l-objettiv li jivvaluta l-issodisfar tar-rekwiżiti minimi relatati mas-sikurezza tal-kandidati, li huma essenzjali għall-għalliema tal-iski li jaħdmu f'ambjenti speċifiċi.

2.1.2.   Kandidati eliġibbli

Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jieħdu sehem fit-Test tas-Sikurezza, jekk dawn ikunu għaddew b'suċċess mit-Test Tekniku. Il-kandidati eliġibbli jistgħu jirrepetu t-test mingħajr restrizzjoni, meta dawn ma jkunux għaddew f'tentattivi preċedenti. Sabiex jieħdu sehem fit-Test tas-Sikurezza, il-kandidati eliġibbli għandhom japplikaw direttament mal-Istat Membru organizzatur jew ma' entità kompetenti f'dak l-Istat Membru, li jorganizza t-test.

2.1.3.   Awtorità responsabbli

L-organizzazzjoni tat-Test tas-Sikurezza għandha taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-entità kompetenti għat-taħriġ tal-għalliema tal-iski fit-territorju rispettiv tal-Istat Membri fejn jitwettaq it-Test tas-Sikurezza wara ftehim ma' kummissjoni teknika li tkun inħolqot għal dak l-iskop. Il-kummissjoni teknika għandha tkun magħmula minn ċittadini kkwalifikati minn kwalunkwe Stat Membru u għandha tirrappreżenta mill-inqas tliet Stati Membri. Dawn għandhom jinħatru mill-Istat Membru organizzatur jew mill-entità kompetenti, kif xieraq, abbażi tal-kompetenza u tal-esperjenza professjonali tagħhom fis-settur. L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti għandhom jikkomunikaw mill-inqas xahrejn qabel, id-dati tat-Test tas-Sikurezza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jew lill-entitajiet kompetenti.

2.1.4.   Ġuriji tat-test

Il-ġuriji tat-test għandhom jissorveljaw u jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tat-Test tas-Sikurezza. Is-sħubija tal-ġuriji tat-test għat-Test tas-Sikurezza għandha tkun miftuħa għal ċittadini kkwalifikati minn kwalunkwe Stat Membru. Dawk iċ-ċittadini biss li jkunu għaddew mit-test tal-Eurosecurity qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jew li jkunu għaddew mis-CTT, għandhom jitqiesu bħala eliġibbli biex jinħatru għall-ġurija tat-test sabiex jivvalutaw il-moduli tat-Test tas-Sikurezza.

Dawk il-ġuriji tat-test għandhom jinħatru mill-Istat Membru organizzatur jew mill-entità kompetenti, kif xieraq, abbażi tal-kompetenza u tal-esperjenza professjonali tagħhom fis-settur. L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti għandhom ikunu jistgħu jiddelegaw din is-setgħa tal-ħatra lil partijiet terzi, iżda l-membri tal-ġurija tat-test f'kull ħin għandhom jirrappreżentaw mill-inqas tliet Stati Membri. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti għajr dawk li jorganizzaw is-CTT jistgħu jressqu proposti għall-kompożizzjoni tal-ġurija tat-test. F'każ bħal dan, l-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, jistgħu biss jirrifjutaw tali proposta abbażi ta' raġunijiet iġġustifikati kif jistħoqq.

2.1.5.   Proċedura ta' rieżami

Il-kandidati jistgħu jitlobu li titwettaq valutazzjoni mill-ġdid tal-prestazzjoni tat-Test tas-Sikurezza tagħhom mill-ġurija tat-test, meta dawn iqisu li jkunu saru żbalji materjali. F'dak il-każ, il-ġurija tat-test għandha tivvaluta t-talba u għandha twieġeb mingħajr dewmien billi tistabbilixxi r-raġunijiet għaż-żamma jew għall-bidla tar-riżultati tat-Test tas-Sikurezza għal dak il-kandidat individwali. Il-ġurija tat-test għandha tiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha.

2.1.6.   Dokumentazzjoni tar-riżultati

L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, għandhom jinformaw bir-riżultati tat-Test tas-Sikurezza, lill-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti li joħorġu l-kwalifiki kif elenkati fl-Anness I, fi żmien sebat ijiem ta' xogħol wara li jkun ġie organizzat avveniment għall-implimentazzjoni tas-CTT. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti, kif xieraq, għandhom iżommu u jippubblikaw fuq bażi annwali lista aġġornata ta' istrutturi tal-iski li jkunu temmew b'suċċess it-Test ta' Sikurezza jew li jkunu bbenefikaw minn drittijiet jew eżenzjonijiet miksuba, meta dawn ikunu taw kwalifika lil dak l-istruttur tal-iski li tikkorrispondi għal dawk elenkati fl-Anness I.

2.2.   Struttura tat-test

It-Test tas-Sikurezza għandu jkun magħmul minn żewġ partijiet inklużi ħames moduli obbligatorji, li kull wieħed minnhom huwa soġġett għal evalwazzjoni individwali. It-Test tas-Sikurezza għandu jivvaluta l-għarfien u l-ħiliet relatati mas-sikurezza tal-kandidati permezz ta' eżami teoretiku u eżami prattiku.

Jekk kandidat ma jgħaddix minn wieħed jew aktar minn dawn il-moduli, jew jekk it-Test tas-Sikurezza ma jkunx jinkludi l-moduli kollha, dan irid jerġa' jwettaq it-test fl-intier tiegħu.

Il-kontenut tad-diversi moduli huwa stabbilit hawn taħt.

2.2.1.   L-eżami teoretiku

Modulu: “Agħmel telefonata ta' emerġenza bil-lingwa tal-pajjiż ospitant lis-servizzi tas-salvataġġ lokali wara aċċident ta' valanga.”

L-eżami teoretiku għandu jitlesta b'suċċess meta tkun saret it-telefonata ta' emerġenza lis-servizzi tas-salvataġġ b'mod ċar u komprensibbli u billi tingħata informazzjoni preċiża li tippermettilhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

2.2.2.   L-eżami prattiku

L-eżami prattiku għall-iski barra mill-pista huwa magħmul minn tliet moduli tat-tagħlim li jiffukaw fuq it-tmexxija ta' grupp u modulu li huwa magħmul mit-tfittxija u s-salvataġġ ta' żewġ persuni li jkunu midfuna taħt valanga. L-eżami prattiku jrid jitwettaq b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn jitwettaq it-test.

It-tliet moduli dwar it-tmexxija ta' grupp għandhom idumu 15-il minuta minbarra 15-il minuta ta' ħin għat-tħejjija. Dawn il-moduli tat-tagħlim għandhom jitlestew b'suċċess, meta mill-inqas 75 % tal-eżerċizzji jkunu twettqu b'mod sodisfaċenti.

2.2.2.1.   Moduli dwar it-tmexxija ta' grupp

Modulu 1: “Interpreta t-tbassir ta' valanga flimkien mal-grupp tiegħek. Qabbel l-informazzjoni fit-tbassir mal-osservazzjonijiet li għamilt inti stess fuq il-post u vvaluta s-sitwazzjoni.”

Modulu 2: “Ħu l-grupp tiegħek fuq niżla barra l-pista u pproponi rotta billi tqis fatturi bħall-għażla tal-borra, il-punti tal-assemblaġġ u l-għamliet ta' organizzazzjoni tal-grupp. Aħdem mal-grupp tiegħek biex tivvaluta r-riskji tan-niżla.”

Modulu 3: Għamla oħra ta' valutazzjoni għandha tintgħażel b'mod każwali mill-possibbiltajiet li ġejjin:

(a)

L-interpretazzjoni u l-fehim tal-Meteoroloġija

1.

It-tbassir tat-temp tal-muntanja juri sitwazzjoni “Nordstau”, jiġifieri xita qawwija mit-Tramuntana (pressjoni għolja lejn il-Punent u pressjoni baxxa lejn il-Lvant). Kif isseħħ din is-sitwazzjoni? Fejn u b'liema kwantità nistgħu nistennew li tinżel ix-xita bejn wieħed u ieħor? Din is-sitwazzjoni kif tista' tinfluwenza l-valangi?

2.

It-tbassir tat-temp juri l-wasla probabbli ta' riħ foehn qawwi fuq il-ġnub tal-muntanji tat-Tramuntana tal-muntanji għoljin. Kif se jkun it-temp fil-partijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-massif tal-muntanji u kif inhu previst li jaffettwa s-sitwazzjoni tal-valanga?

3.

Ivvaluta s-sitwazzjoni meteoroloġika fuq il-post. X'inhuma l-fatturi li qed jinfluwenzaw it-tibdil fit-temp u kif taħseb li fil-fatt se jinbidel it-temp fil-jiem li ġejjin?

(b)

Il-fehim tal-perikli f'reġjuni ta' muntanji għoljin

1.

Liema fatturi jistgħu jwasslu għal ipotermja u liema prekawzjonijiet trid tieħu? X'inhuma s-sinjali distintivi tal-ipotermja u kif jenħtieġ li tirreaġixxi? Liema sintomi jindikaw li jeħtieġ li tikkonsulta lit-tabib?

2.

Liema fatturi jistgħu jwasslu għal infjammazzjoni tal-ġilda bil-ksieħ u liema prekawzjonijiet trid tieħu? X'inhuma s-sinjali distintivi tal-infjammazzjoni tal-ġilda bil-ksieħ u kif għandek tirreaġixxi fil-każ ta' infjammazzjoni tal-ġlieda bil-ksieħ lokalizzata? Liema fatturi jħeġġu l-iżvilupp ulterjuri ta' tali infjammazzjoni tal-ġilda bil-ksieħ? Liema sintomi jindikaw li jeħtieġ li tikkonsulta lit-tabib?

3.

Inti tinsab fin-nofs ta' korsa twila 'l isfel. Il-viżibbiltà qed tonqos gradwalment minħabba ċ-ċpar. Kif issib id-direzzjoni mingħajr ma tuża GPS u liema tattiċi relatati mat-tmexxija ta' grupp tuża?

(c)

Il-kapaċità li tivvaluta u tifhem il-kopertura tal-borra

1.

Analizza l-istabbiltà tal-kopertura tal-borra attwali.

2.

Iddeskrivi l-kopertura tal-borra possibbli f'xitwa bi ftit borra. Spjega l-avvenimenti meteoroloġiċi li jistgħu jwasslu biex il-kopertura tal-borra ssir instabbli.

3.

Iddeskrivi l-kopertura tal-borra possibbli f'xitwa b'ħafna borra. Spjega l-avvenimenti meteoroloġiċi li jistgħu jwasslu biex il-kopertura tal-borra ssir instabbli.

2.2.2.2.   Modulu għat-tfittxija u s-salvataġġ ta' persuni li jkunu midfuna taħt valanga

L-għan tal-modulu huwa li jiġu skoperti żewġ Detetturi tal-Vittmi tal-Valangi (“AVD”) u jiġi rkuprat b'suċċess mill-inqas wieħed miż-żewġ apparati. Kull AVD għandu jitpoġġa f'basket b'insulatur li jkun wiesa' madwar 60 cm u għandu jindifen, iżda mingħajr sinjali superimposti f'fond ta' madwar metru. Jista' jintuża AVD ta' taħriġ. Iż-żona tat-tfittxija għandha tkun limitata għal żona massima ta' 50 metru x 50 metru. Il-ħin massimu permess biex wieħed isib żewġ AVDs u jiġi rkuprat wieħed minnhom għandu jkun ta' tmien minuti. Sabiex jieħdu sehem fil-modulu tat-tfittxija, il-kandidati għandhom jeħtieġu AVD diġitali b'mill-inqas tliet antenni. Il-kandidati b'AVDs analogi mhux se jkunu permessi li jwettqu dan il-modulu tat-test. Dan il-modulu għandu jitlesta b'suċċess meta żewġ AVDs midfuna jinstabu b'suċċess u wieħed minnhom jiġi rkuprat fil-limitu taż-żmien.