29.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/885

tal-5 ta' Frar 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lil awtorità kompetenti f'applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' parti terza biex tivvaluta l-konformità STS

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 28(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-informazzjoni li trid tiġi provduta minn parti terza li tixtieq tiġi awtorizzata biex tivvaluta l-konformità tat-titolizzazzjonijiet mal-kriterji STS previsti fl-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament (UE) 2017/2402 jenħtieġ li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tevalwa jekk u sa liema punt l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402.

(2)

Parti terza awtorizzata tkun tista' tipprovdi servizzi ta' valutazzjoni STS madwar l-Unjoni. L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jenħtieġ għalhekk b'mod komprensiv tidentifika lil dik il-parti terza, lil kwalunkwe grupp li tappartjeni għalih kif ukoll l-ambitu tal-attivitajiet tagħha. Fir-rigward tal-valutazzjoni STS tas-servizzi li jridu jiġu pprovduti, l-applikazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-iskop previst tas-servizzi li jridu jiġu pprovduti kif ukoll l-ambitu ġeografiku tagħhom.

(3)

Biex jiġi ffaċilitat l-użu effettiv tar-riżorsi għall-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti, kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi tabella li tidentifika b'mod ċar kull dokument sottomess u r-rilevanza tiegħu għall-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati biex tingħata l-awtorizzazzjoni.

(4)

Sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tivvaluta jekk it-tariffi imposti mill-parti terza humiex nondiskriminatorji u humiex suffiċjenti u xierqa biex ikopru l-ispejjeż għall-forniment ta' servizzi ta' valutazzjoni STS, kif meħtieġ mill-Artikolu 28(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/2402, il-parti terza jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni komprensiva dwar il-politiki tal-ipprezzar, il-kriterji tal-ipprezzar, l-istrutturi tat-tariffi u l-iskedi tariffarji.

(5)

Sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tivvaluta jekk il-parti terza tistax tiżgura l-integrità u l-indipendenza tal-proċess tal-valutazzjoni STS, dik il-parti terza jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni dwar l-istruttura ta' dawk il-kontrolli interni. Barra minn hekk, sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tivvaluta jekk il-kwalità tas-salvagwardji operazzjonali matul il-proċess tal-valutazzjoni STS hijiex għolja biżżejjed biex jiġi żgurat li r-riżultati tiegħu ma jkunux jistgħu jiġu influwenzati bla bżonn, u biex tivvaluta jekk il-membri tal-korp maniġerjali jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 28(1)(d) tar-Regolament (UE) 2017/2402, il-parti terza jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni komprensiva dwar il-kompożizzjoni tal-korp maniġerjali u dwar il-kwalifiki u r-reputazzjoni ta' kull wieħed mill-membri tagħha.

(6)

Il-konċentrazzjoni tad-dħul ta' parti terza huwa fattur determinanti fil-valutazzjoni tal-indipendenza u l-integrità tagħha. Konċentrazzjoni tad-dħul tista' sseħħ mhux biss minn impriża waħda iżda tista' tirriżulta wkoll permezz ta' flussi ta' dħul iggwadanjati minn grupp ta' impriżi marbutin ekonomikament. F'dak il-kuntest, grupp ta' impriżi marbutin ekonomikament għandu jinftiehem bħala grupp ta' entitajiet relatati kif imsemmi fil-paragrafu 9(b) tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 24 (“żvelar fuq partijiet relatati”) fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2), fejn it-termini “entità” u “entità ta' rappurtaġġ” jenħtieġ li jinftehmu li jirreferu għal “impriża” għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(7)

L-istrumenti ta' titolizzazzjoni huma prodotti kumplessi u li qed jevolvu, li jeħtieġu għarfien speċjalizzat. Sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tivvaluta jekk il-parti terza għandiex biżżejjed salvagwardji operazzjonali u proċessi interni sabiex tivvaluta l-konformità STS, il-parti terza jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni dwar il-proċeduri tagħha relatati mal-kwalifika meħtieġa tal-persunal tagħha. Il-parti terza jenħtieġ li turi wkoll li l-metodoloġija tal-valutazzjoni STS tagħha hija sensittiva għat-tip ta' titolizzazzjoni u li tispeċifika proċeduri u salvagwardji separati għall-programmi/tranżazzjonijiet ABCP u titolizzazzjonijiet mhux ABCP.

(8)

L-użu ta' arranġamenti ta' esternalizzazzjoni u dipendenza fuq l-użu ta' esperti esterni jistgħu jqajmu tħassib dwar is-solidità tas-salvagwardji operazzjonali u l-proċessi interni. L-applikazzjoni jenħtieġ għalhekk tinkludi informazzjoni speċifika dwar in-natura u l-ambitu ta' kwalunkwe tali arranġament ta' esternalizzazzjoni jew l-użu ta' esperti esterni kif ukoll il-governanza tal-parti terza fuq dawk l-arranġamenti.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(10)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Identifikazzjoni tal-parti terza

1.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) 2017/2402 għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja, sa fejn hu rilevanti:

(a)

l-isem korporattiv tal-parti terza u l-forma ġuridika tagħha;

(b)

l-Identifikatur ta' entità ġuridika (LEI – Legal Entity Identifier) tal-parti terza jew, fejn mhux disponibbli, identifikatur ieħor meħtieġ mil-liġi nazzjonali applikabbli;

(c)

l-indirizz legali tal-parti terza kif ukoll l-indirizzi ta' kwalunkwe mill-uffiċċji tagħha fl-Unjoni;

(d)

il-Lokalizzatur Uniformi tar-Riżorsi (URL – Uniform Resource Locator) tas-sit web tal-parti terza;

(e)

silta mir-reġistru kummerċjali jew tal-qorti rilevanti, jew forma oħra ta' evidenza attestata, valida fid-data tal-applikazzjoni, li tikkonferma l-post tal-inkorporazzjoni u l-ambitu tal-attività tan-negozju tal-parti terza;

(f)

l-artikoli ta' inkorporazzjoni tal-parti terza jew dokumentazzjoni statutorja oħra li tiddikjara li l-parti terza għandha tivvaluta l-konformità tat-titolizzazzjonijiet mal-kriterji stipulati fl-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament (UE) 2017/2402 (“il-konformità STS”);

(g)

l-aktar rapporti finanzjarji annwali reċenti tal-parti terza, inkluż rapporti finanzjarji individwali u kkonsolidati, fejn disponibbli, u fejn ir-rapporti finanzjarji tal-parti terza huma soġġetti għal awditu statutorju kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-rapport tal-awditjar dwar dawn ir-rapporti finanzjarji;

(h)

l-isem, it-titlu, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru/i tat-telefon tal-persuna ta' kuntatt għall-finijiet tal-applikazzjoni;

(i)

il-lista ta' Stati Membri li fihom il-parti terza tkun beħsiebha tipprovdi servizzi ta' konformità STS;

(j)

il-lista tat-tipi ta' titolizzazzjoni li għalihom il-parti terza tkun beħsiebha tipprovdi servizzi ta' konformità STS, b'distinzjoni bejn titolizzazzjonijiet li mhumiex ABCP u titolizzazzjonijiet/programmi ABCP;

(k)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe servizz, minbarra servizzi ta' konformità STS, li l-parti terza tipprovdi jew biħsiebha tipprovdi;

(l)

lista ta' partijiet li lilhom il-parti terza tipprovdi konsulenza, awditu jew servizzi ekwivalenti.

2.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi d-dokumentazzjoni li ġejja bħala annessi:

(a)

lista li tinkludi l-isem u l-indirizz tan-negozju ta' kull persuna jew entità li jkollha 10 % jew aktar tal-kapital tal-parti terza jew 10 % jew iżjed tad-drittijiet tal-vot tagħha, jew li l-parteċipazzjoni tagħha tagħmilha possibbli li tkun eżerċitata influwenza sinifikanti fuq il-parti terza, flimkien ma':

(i)

il-perċentwal tal-kapital u tad-drittijiet tal-vot miżmuma, u, fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-arranġamenti li jippermettu lill-persuna jew lill-entità teżerċita influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni tal-parti terza;

(ii)

in-natura tal-attivitajiet kummerċjali tal-persuni u l-entitajiet imsemmija fil-punt (a);

(b)

lista li tinkludi l-isem u l-indirizz tan-negozju ta' kull impriża fejn persuna jew entità msemmija fil-punt (a) għandha 20 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot u deskrizzjoni ta' dik il-persuna jew l-attivitajiet tal-entità.

(c)

kopja mimlija tal-formola tat-tabella stipulata fl-Anness 1.

3.   Fejn il-parti terza jkollha impriża omm, l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddikjara jekk l-impriża omm immedjata jew l-impriża omm aħħarija hix awtorizzata, reġistrata jew suġġetta għal superviżjoni, u meta dan ikun il-każ, tiddikjara kwalunkwe numru ta' referenza assoċjat u l-isem tal-awtorità superviżorja responsabbli.

4.   Fejn il-parti terza jkollha sussidjarji jew fergħat, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tidentifika l-ismijiet u l-indirizzi tan-negozju ta' dawk is-sussidjarji jew fergħat u għandha tiddeskrivi l-oqsma tal-attivitajiet tan-negozju ta' kull sussidjarja jew fergħa.

5.   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi ċart li turi r-rabtiet tas-sjieda bejn il-parti terza, l-impriża omm tagħha u l-impriża omm aħħarija, is-sussidjarji u l-affiljati tagħha, u kwalunkwe persuna u entità oħra li huma assoċjati jew konnessi ma' netwerk kif definit fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE. Iċ-ċart għandha tidentifika l-impriżi bl-isem sħiħ tagħhom, il-LEI jew, fejn mhux disponibbli, identifikatur ieħor meħtieġ skont il-liġi nazzjonali applikabbli, il-forma ġuridika u l-indirizz tan-negozju.

Artikolu 2

Il-kompożizzjoni tal-korp ta' ġestjoni u l-istruttura organizzattiva

1.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tinkludi l-politiki ta' governanza interni tal-parti terza u t-termini ta' proċedura li jirregolaw il-korp maniġerjali tagħha, id-diretturi indipendenti tagħha u fejn stabbilit, il-kumitati jew substrutturi tal-korpi ta' ġestjoni tagħha.

2.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tidentifika l-membri tal-korp ta' ġestjoni, inklużi diretturi indipendenti, u, fejn applikabbli, il-membri ta' kumitati jew substrutturi oħra stabbiliti fi ħdan dak il-korp maniġerjali. Għal kull membru tal-korp maniġerjali, inklużi d-diretturi indipendenti tiegħu, l-applikazzjoni għandha tiddeskrivi l-pożizzjoni li jokkupa fi ħdan il-korp ta' ġestjoni, ir-responsabbiltajiet allokati għal dik il-pożizzjoni u l-ħin li se jiġi ddedikat għat-twettiq ta' dawk ir-responsabbiltajiet.

3.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun fiha ċart li tagħti dettalji dwar l-istruttura organizzattiva tal-parti terza, li tidentifika b'mod ċar ir-rwoli ta' kull membru tal-korp maniġerjali ta' dik il-parti terza. Fejn parti terza tipprovdi jew beħsiebha tipprovdi servizzi oħra għajr servizzi tal-konformità STS, l-organigramma għandha tagħti dettalji dwar l-identità u r-responsabbiltà tal-membri tal-korp maniġerjali fir-rigward ta' dawk is-servizzi.

4.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta' kull membru tal-korp maniġerjali:

(a)

kopja tal-curriculum vitae ta' kull membru, inkluż:

(i)

ħarsa ġenerali lejn l-edukazzjoni rilevanti tal-membru;

(ii)

l-istorja tal-impjieg kompluta tal-membru bid-dati rilevanti, il-karigi li kellu u deskrizzjoni tal-karigi okkupati;

(iii)

kwalunkwe kwalifika professjonali li għandu l-membru, flimkien mad-data tal-akkwiżizzjoni u, fejn applikabbli, l-istatus ta' kwalunkwe sħubija f'korp professjonali rilevanti;

(b)

id-dettalji ta' kwalunkwe kundanna kriminali, b'mod partikolari fil-forma ta' ċertifikat uffiċjali tal-fedina penali;

(c)

dikjarazzjoni ffirmata mill-membru, li tiddikjara jekk huwa:

(i)

kienx suġġett għal deċiżjoni negattiva fi kwalunkwe proċediment ta' natura dixxiplinarja mibdi minn awtorità regolatorja, korp tal-gvern, aġenzija jew korp professjonali;

(ii)

ġiex soġġett għal deċiżjoni ġudizzjarja negattiva fi proċedimenti ċivili quddiem qorti, inkluż għal miżapproprjazzjoni jew frodi fl-immaniġġjar ta' negozju;

(iii)

kienx parti mill-korp maniġerjali (il-bord jew il-maniġment superjuri) ta' impriża li r-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata minn awtorità regolatorja, korp tal-gvern jew aġenzija;

(iv)

kienx ġie miċħud id-dritt li jwettaq attivitajiet li jirrikjedu reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni minn awtorità regolatorja, korp tal-gvern, aġenzija, jew korp professjonali;

(v)

kienx membru tal-korp maniġerjali ta' impriża li saret insolventi jew spiċċat likwidata, jew meta hu kien għadu parti minn dak il-korp tal-ġestjoni tal-impriża jew fi żmien sena minn meta waqaf ikun membru ta' dak il-korp maniġerjali;

(vi)

kienx membru tal-korp maniġerjali ta' impriża li kienet soġġetta għal deċiżjoni negattiva jew għal penali minn awtorità regolatorja, korp tal-gvern, aġenzija, jew korp professjonali;

(vii)

bħala konsegwenza ta' imġiba ħażina jew prattika ħażina, kienx skwalifikat milli jaġixxi bħala direttur, skwalifikat milli jaġixxi fi kwalunkwe kapaċità maniġerjali, jew tkeċċa mill-impjieg jew kariga oħra f'impriża;

(viii)

ġie b'xi mod immultat, sospiż, skwalifikat, jew soġġett għal kwalunkwe sanzjoni oħra, inkluż fir-rigward ta' frodi jew miżapproprjazzjoni, minn awtorità regolatorja, korp tal-gvern, aġenzija, jew korp professjonali;

(ix)

huwa soġġett għal xi investigazzjoni kurrenti, jew qed jistenna l-eżitu ta' proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi, dixxiplinarji jew proċedimenti oħra, inkluż fir-rigward ta' frodi jew miżapproprjazzjoni minn awtorità regolatorja, korp tal-gvern, aġenzija, jew korp professjonali;

(d)

dikjarazzjoni ffirmata ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali li l-membru jista' jkollu fit-twettiq tad-doveri tiegħu u kif dawn il-kunflitti se jiġu ġestiti, inkluż inventarju ta' kwalunkwe karigi miżmuma f'impriżi oħra;

(e)

fejn mhijiex diġà inkluża fil-punt (a), deskrizzjoni tal-għarfien u l-esperjenza tal-membru fil-kompiti rilevanti għall-għoti ta' servizzi tal-parti terza ta' konformità STS, u b'mod partikolari, l-għarfien u l-esperjenza f'tipi differenti ta' titolizzazzjoni jew titolizzazzjonijiet ta' skoperturi sottostanti differenti.

5.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tinkludi dan li ġej, għal kull direttur indipendenti:

(a)

evidenza tal-indipendenza tad-direttur fil-korp maniġerjali;

(b)

żvelar ta' kwalunkwe negozju jew impjieg jew relazzjoni oħra preżenti jew passata li toħloq jew tista' toħloq kunflitt ta' interess potenzjali;

(c)

żvelar ta' kwalunkwe relazzjoni ta' negozju, familjari jew relazzjoni oħra ma' parti terza, mal-azzjonist kontrollanti tagħha jew il-maniġment ta' xi wieħed minnhom, li toħloq jew tista' toħloq kunflitt ta' interess.

Artikolu 3

Governanza korporattiva

Fejn il-parti terza taderixxi ma' kodiċi ta' kondotta ta' governanza korporattiva għall-ħatra u r-rwol tad-diretturi indipendenti u l-ġestjoni ta' kunflitti ta' interess, l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tidentifika dak il-kodiċi u tipprovdi spjegazzjoni għal kwalunkwe devjazzjoni mill-parti terza minn dan il-kodiċi.

Artikolu 4

Indipendenza u evitar ta' kunflitti ta' interess

1.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun fiha informazzjoni dettaljata dwar is-sistemi ta' kontroll intern għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess tal-applikant, inkluża deskrizzjoni tal-funzjoni tal-konformità tal-parti terza u tal-arranġamenti tagħha għall-valutazzjoni tar-riskju.

2.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar il-politiki u l-proċeduri għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, l-eliminazzjoni, il-mitigazzjoni u l-iżvelar ta' kunflitti ta' interess eżistenti jew potenzjali u theddid għall-indipendenza tal-parti terza fil-forniment ta' servizzi ta' konformità STS.

3.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tinkludi deskrizzjoni ta' kwalunkwe miżura u kontroll oħra applikati sabiex jiġu żgurati b'mod xieraq u f'waqtu l-identifikazzjoni, il-ġestjoni u d-divulgazzjoni ta' kunflitti ta' interess.

4.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun fiha inventarju aġġornat ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, potenzjali jew eżistenti, identifikat mill-parti terza skont l-Artikolu 28(1)(f) tar-Regolament (UE) 2017/2402, u għandha tinkludi:

(a)

deskrizzjoni ta' kull kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali li jinvolvi lill-parti terza, lill-azzjonisti, lis-sidien jew lill-membri tal-parti terza, lill-membri tal-korp maniġerjali, lill-maniġers, lill-persunal tal-parti terza jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-parti terza;

(b)

deskrizzjoni ta' kull kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali li jirriżulta minn relazzjonijiet ta' negozju eżistenti jew maħsuba tal-parti terza, inkluż kwalunkwe arranġament ta' esternalizzazzjoni eżistenti jew previst jew mill-attivitajiet l-oħra tal-parti terza.

5.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tipprovdi dettalji dwar politiki jew proċeduri li għandhom l-għan li jiżguraw li l-parti terza ma tipprovdi l-ebda forma ta' servizz ta' konsulenza, awditu jew servizz ekwivalenti lill-oriġinatur, l-isponsor jew l-SSPE involuti fit-titolizzazzjoni li l-parti terza tivvaluta l-konformità STS tagħhom.

6.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tipprovdi dettalji dwar li ġej:

(a)

dħul minn servizzi oħra mhux relatati mal-STS ipprovduti mill-parti terza, diżaggregat fi dħul minn servizzi mhux marbuta mat-titolizzazzjoni u d-dħul minn servizzi marbuta mat-titolizzazzjoni, matul kull wieħed mit-tliet perjodi annwali ta' rapportar ta' qabel id-data li fiha tkun tressqet l-applikazzjoni, jew fejn dan ma jkunx disponibbli, mid-data tal-inkorporazzjoni tal-parti terza;

(b)

il-proporzjon proġettat ta' dħul mis-servizzi ta' konformità STS imqabbel mat-total tad-dħul previst għall-perjodu ta' referenza tat-tliet snin li jmiss.

7.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tinkludi, fejn applikabbli, l-informazzjoni li ġejja dwar il-konċentrazzjoni ta' dħul minn impriża waħda jew grupp ta' impriżi:

(a)

informazzjoni li tidentifika kwalunkwe impriża, jew kwalunkwe grupp ta' impriżi marbutin ekonomikament, li pprovdew aktar minn 10 % tad-dħul totali tal-parti terza fuq kull wieħed mit-tliet perjodi ta' rappurtar annwali qabel id-data ta' sottomissjoni tal-applikazzjoni, jew, fejn mhux disponibbli, mid-data tal-inkorporazzjoni tal-parti terza;

(b)

dikjarazzjoni dwar jekk impriża, jew grupp ta' impriżi marbutin ekonomikament, humiex previsti li jipprovdu mill-inqas 10 % tad-dħul previst tal-parti terza mill-forniment ta' servizzi ta' konformità STS matul kull sena mit-tliet snin li ġejjin.

8.   Fejn applikabbli, l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tinkludi valutazzjoni ta' kif konċentrazzjoni ta' dħul minn impriża waħda jew grupp ta' impriżi marbutin ekonomikament identifikati fil-paragrafu 7 hija kompatibbli mal-politiki u l-proċeduri tal-parti terza dwar l-indipendenza tas-servizzi ta' konformità STS imsemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 5

Struttura tat-tariffa

1.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar il-politiki tal-ipprezzar għall-forniment ta' servizzi ta' konformità STS u għandha tinkludi dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-istruttura tat-tariffi u l-kriterji tal-ipprezzar jew ta' skeda ta' tariffi għal servizzi ta' konformità STS għal kull tip ta' titolizzazzjoni li għalihom tali servizzi jiġu offruti (distinzjoni bejn titolizzazzjonijiet mhux ABCP u titolizzazzjonijiet u programmi ABCP), inkluż kwalunkwe linja gwida interna jew proċedura li jirregolaw kif jiġu użati l-kriterji tal-ipprezzar sabiex jiġu determinati jew stabbiliti tariffi individwali;

(b)

dettalji tal-metodi użati biex jiġu rreġistrati l-ispejjeż speċifiċi mġarrba meta jiġu pprovduti servizzi ta' konformità STS, inkluż spejjeż inċidentali addizzjonali marbuta mal-forniment ta' servizzi ta' konformità STS, inkluż it-trasport u l-akkomodazzjoni u, meta l-parti terza tkun biħsiebha testernalizza l-provvista ta' parti mis-servizzi tagħha ta' konformità STS, deskrizzjoni dwar kif dik l-esternalizzazzjoni għandha titqies fil-kriterji tal-ipprezzar;

(c)

deskrizzjoni dettaljata ta' kwalunkwe proċedura stabbilita għall-modifika tat-tariffi jew biex wieħed jitbiegħed mill-iskedi tariffarji, inkluż fl-ambitu ta' kwalunkwe programm ta' użu frekwenti;

(d)

deskrizzjoni dettaljata ta' kwalunkwe proċedura stabbilita jew kontroll intern li jiżguraw u jimmonitorjaw il-konformità mal-politiki tal-ipprezzar, inkluż kwalunkwe proċedura jew kontroll intern tagħha li jwettqu monitoraġġ tal-iżvilupp tat-tariffi individwali matul iż-żmien u bejn klijenti differenti li lilhom huma pprovduti s-servizzi ta' konformità STS;

(e)

deskrizzjoni dettaljata ta' kull proċess għar-rieżami u l-aġġornament kemm tas-sistema tal-kost kif ukoll tal-politiki tal-ipprezzar;

(f)

deskrizzjoni dettaljata ta' kwalunkwe proċedura u kontroll intern għaż-żamma tar-rekords relatati mal-iskedi tariffarji, it-tariffi individwali applikati, jew modifiki għal politiki ta' pprezzar tal-parti terza.

2.   L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tipprovdi informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

jekk it-tariffi jiġux iffissati qabel il-forniment tas-servizz ta' konformità STS;

(b)

jekk it-tariffi mħallsa minn qabel humiex rimborsabbli;

(c)

kwalunkwe salvagwardja operazzjonali mmirata biex tiżgura li ftehimiet kuntrattwali bejn il-parti terza u oriġinatur, sponsor jew SSPE għall-forniment ta' servizzi ta' konformità STS ma jinkludux klawżola ta' terminazzjoni kuntrattwali jew jipprovdu għal ksur tal-kuntratt jew in-nuqqas ta' eżekuzzjoni tal-kuntratt meta r-riżultat tal-valutazzjoni tal-konformità STS juri li t-titolizzazzjoni ma tikkonformax mal-kriterji STS.

Artikolu 6

Salvagwardji operazzjonali u proċessi interni sabiex tiġi vvalutata l-konformità STS

1.   L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi sommarju dettaljat ta' kwalunkwe politika, proċedura u manwal operazzjonali dwar il-kontrolli u s-salvagwardji stabbiliti biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-valutazzjoni tal-konformità STS tal-parti terza u l-integrità tal-valutazzjoni tagħha.

2.   L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha kwalunkwe informazzjoni li turi li l-parti terza stabbiliet salvagwardji operazzjonali u proċessi interni xierqa li jippermettulha tivvaluta l-konformità STS b'mod xieraq, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

l-għadd ta' persunal, ikkalkulat fuq bażi ekwivalenti għall-full time, imqassma f'tipi ta' karigi fi ħdan il-parti terza;

(b)

dettalji dwar il-politiki u l-proċeduri stabbiliti mill-parti terza rigward:

(i)

l-indipendenza tal-membri individwali tal-persunal;

(ii)

it-terminazzjoni ta' kuntratti ta' impjieg, inkluż kwalunkwe miżura biex tiżgura l-indipendenza u l-integrità tal-proċess ta' valutazzjoni STS assoċjat mat-terminazzjoni tal-impjieg, inklużi l-politiki u l-proċeduri relatati man-negozjati futuri ta' kuntratti tal-impjieg ma' impriżi oħra għall-persunal direttament involut fil-proċeduri għall-valutazzjoni STS;

(iii)

ir-rekwiżiti ta' kwalifiki għall-persunal direttament involut fil-forniment ta' attivitajiet ta' konformità STS, distinti skont it-tip ta' kariga;

(iv)

il-politiki tal-iżvilupp u ta' taħriġ għall-persunal direttament involut fil-forniment ta' servizzi ta' konformità STS;

(v)

l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-politiki ta' kumpens ta' persunal involut direttament fis-servizzi ta' konformità STS;

(c)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe miżura stabbilita mill-parti terza biex timmitiga r-riskju ta' dipendenza żejda fuq kwalunkwe membru individwali tal-persunal għall-forniment ta' servizzi ta' konformità STS;

(d)

l-informazzjoni li ġejja meta l-parti terza tiddependi, f'kull valutazzjoni STS, fuq l-esternalizzazzjoni jew esperti esterni:

(i)

dettalji dwar kwalunkwe politika u proċedura fir-rigward tal-esternalizzazzjoni ta' attivitajiet u l-involviment ta' esperti esterni;

(ii)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe arranġament ta' esternalizzazzjoni li daħlet fihom il-parti terza jew ġew previsti minnha, akkumpanjata minn kopja tal-kuntratti li jirregolaw dawk l-arranġamenti ta' esternalizzazzjoni;

(iii)

deskrizzjoni tas-servizzi li għandhom jingħataw minn esperti esterni, inkluż l-ambitu ta' dawk is-servizzi u l-kundizzjonijiet li taħthom dawk is-servizzi għandhom jingħataw;

(iv)

spjegazzjoni dettaljata ta' kif il-parti terza għandha l-intenzjoni li tidentifika, timmaniġġja u timmonitorja r-riskji maħluqa mill-esternalizzazzjoni u deskrizzjoni ta' salvagwardji fis-seħħ sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-proċess tal-valutazzjoni STS;

(e)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe miżura li għandha tintuża f'każ ta' ksur tal-politiki jew tal-proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 u l-punt (i) tal-punt (d) tal-paragrafu 2;

(f)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe politika dwar ir-rapportar lill-awtorità kompetenti ta' kull ksur materjali ta' politiki jew proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 u l-punt (i) tal-punt (d) tal-paragrafu 2 jew kwalunkwe fatt, avveniment jew ċirkustanza li x'aktarx tammonta għal ksur tal-kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni tal-parti terza;

(g)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe arranġament stabbilit biex jiġi żgurat li l-persuni rilevanti jkunu jafu dwar il-politiki u l-proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 u l-punt (i) tal-punt (d) tal-paragrafu 2, u deskrizzjoni ta' kwalunkwe arranġament dwar il-monitoraġġ, ir-rieżami u l-aġġornament ta' dawk il-politiki u l-proċeduri.

3.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun fiha dan li ġej għal kull tip ta' titolizzazzjoni li għalihom il-parti terza tkun beħsiebha tipprovdi servizzi ta' konformità STS:

(a)

deskrizzjoni tal-metodoloġija tal-valutazzjoni STS li għandha tiġi applikata, inkluż kwalunkwe proċedura u metodoloġija ta' assigurazzjoni tal-kwalità ta' dik il-valutazzjoni;

(b)

mudell tar-rapport tal-verifika STS li għandu jingħata lill-oriġinatur, lill-isponsor jew lill-SSPE.

Artikolu 7

Format tal-applikazzjoni

1.   Parti terza għandha talloka numru ta' referenza uniku għal kull dokument li tippreżenta lill-awtorità kompetenti bħala parti mill-applikazzjoni tagħha.

2.   Parti terza għandha tinkludi spjegazzjoni sostanzjata fl-applikazzjoni tagħha għal kwalunkwe rekwiżit ta' dan ir-Regolament meqjus bħala mhux applikabbli.

3.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun akkumpanjata minn ittra ffirmata minn membru tal-korp maniġerjali tal-parti terza li tikkonferma li:

(a)

l-informazzjoni sottomessa hija preċiża u sħiħa sa fejn jaf hu, mid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni;

(b)

l-applikant la huwa entità regolata kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE (5), u lanqas mhuwa aġenzija li tiggrada l-kreditu kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 (6).

Artikolu 8

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

(5)  Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu dwar impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).


ANNESS

Referenzi tad-dokument

Artikolu ta' dan ir-Regolament

Numru ta' referenza uniku tad-dokument

Titolu tad-dokument

Kapitolu jew taqsima jew paġna tad-dokument fejn hija pprovduta l-informazzjoni jew raġuni għaliex l-informazzjoni mhix ipprovduta