23.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/15


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/829

tal-14 ta' Marzu 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti billi jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu derogi temporanji għall-finijiet tal-ittestjar uffiċjali, għal finijiet xjentifiċi jew edukattivi, għall-finijiet ta' provi, għall-għażliet tal-varjetà jew għat-tnissil

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikoli 8(5) u 48(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) 2016/2031, meta ssir applikazzjoni għal dan, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw b'mod temporanju l-introduzzjoni, iż-żamma u t-tkattir fit-territorju tagħhom u l-moviment fi ħdanu ta' pesti ta' kwarantina fl-Unjoni jew ta' pesti suġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1) ta' dak ir-Regolament għall-finijiet tal-ittestjar uffiċjali, għal finijiet xjentifiċi jew edukattivi, għall-finijiet ta' provi, għall-għażliet tal-varjetà jew għat-tnissil. Barra minn hekk, meta ssir applikazzjoni għal dan, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw b'mod temporanju wkoll l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom u l-moviment fi ħdanu ta' pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn li jintużaw għall-finijiet tal-ittestjar uffiċjali, għal finijiet xjentifiċi jew edukattivi, għall-finijiet ta' provi, għall-għażla tal-varjetà jew għat-tnissil.

(2)

Jeħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/2031 jiġi ssupplimentat billi jiġu adottati regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni u l-moviment fi ħdanu tal-pesti, tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u tal-oġġetti l-oħrajn ikkonċernati, dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet rispettivi, kif ukoll dwar ir-rekwiżiti għall-monitoraġġ tal-konformità u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f'każ ta' nuqqas ta' konformità.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li jiġi eliminat ir-riskju fitosanitarju marbut mal-attivitajiet speċifikati jew li dan jitnaqqas għal livell aċċettabbli, jenħtieġ li l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' xi materjal speċifikat u l-moviment tiegħu fi ħdanha jiġu awtorizzati b'ċerti kundizzjonijiet li jiżguraw li tintbagħat applikazzjoni sħiħa u xierqa, li jiġu eżaminati n-natura u l-għanijiet tal-attivitajiet speċifikati, li jiġi kkonfermat li l-attivitajiet speċifikati jkunu qed jitwettqu f'postijiet ta' kwarantina jew f'faċilitajiet ta' trażżin u li l-materjal ikkontaminat jinqered u jitneħħa b'mod sikur.

(4)

Sabiex ikun żgurat li l-materjal speċifikat ikkonċernat jiġi mmonitorjat u jkun jista' jiġi ttraċċat, u sabiex kull riskju fitosanitarju marbut miegħu jkun jista' jiġi ttrattat mill-ewwel, huwa xieraq li, wara li tingħata dik l-awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih għandha titwettaq l-attività speċifikata approvata toħroġ ittra ta' awtorizzazzjoni li jenħtieġ li tkun dejjem mal-materjal speċifikat ikkonċernat.

(5)

Jenħtieġ li l-format tal-ittra ta' awtorizzazzjoni jkun jixbah lil dak stabbilit fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/61/KE (2), minħabba li dan wera li jista' jiġi implimentat b'mod effettiv u konsistenti.

(6)

Jenħtieġ li għal diversi introduzzjonijiet fl-Unjoni u movimenti fi ħdanha tal-materjal speċifikat suġġett għall-attivitajiet speċifikati tintuża ittra waħda ta' awtorizzazzjoni skont kundizzjonijiet speċjali sabiex ikun żgurat qafas proporzjonat u effettiv għat-tali introduzzjonijiet u għat-tali movimenti.

(7)

L-ittestjar uffiċjali jsir b'mod iktar frekwenti mill-attivitajiet speċifikati l-oħrajn. Għalhekk ikun iktar effiċjenti li jiġi permess qafas iktar flessibbli għall-ittestjar uffiċjali milli għall-attivitajiet speċifikati l-oħrajn.

(8)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-azzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu f'każ ta' nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, sabiex jiġi żgurat li jittieħdu azzjonijiet korrettivi malajr kemm jista' jkun. Jenħtieġ li dawk l-azzjonijiet jinkludu l-obbligi ta' min ikun responsabbli għall-attivitajiet speċifikati.

(9)

Għall-finijiet taċ-ċertezza tad-dritt u taċ-ċarezza, jenħtieġ li titħassar id-Direttiva 2008/61/KE.

(10)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli adottati skont l-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) b'rabta mal-oġġetti eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera.

(11)

Sabiex l-attivitajiet awtorizzati jitħallew jintemmu bla xkiel, huwa xieraq li l-validità tal-approvazzjonijiet ta' dawk l-attivitajiet tiġi estiża għal perjodu speċifikat taż-żmien.

(12)

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data li fiha jibda japplika r-Regolament (UE) 2016/2031,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/2031, li permezz tagħha l-pesti speċifikati u l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħrajn, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, jistgħu jiddaħħlu, jinżammu, jitkattru jew jintużaw fl-Unjoni jew fiż-żoni protetti tagħha jew jiġu mċaqalqin fihom għall-finijiet tal-ittestjar uffiċjali, għal finijiet xjentifiċi jew edukattivi, għall-finijiet ta' provi, għall-għażla tal-varjetà jew għat-tnissil. B'mod partikulari, dan ir-Regolament jistabbilixxi derogi mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2016/2031:

(a)

mill-Artikolu 5(1) tiegħu li jittratta l-projbizzjoni tal-introduzzjoni, il-moviment, iż-żamma, it-tkattir u r-rilaxx fit-territorju tal-Unjoni ta' pesti ta' kwarantina fl-Unjoni;

(b)

mill-Artikolu 30(1) tiegħu li jittratta l-miżuri tal-Unjoni adottati b'rabta ma' pesti li mhumiex elenkati bħala pesti ta' kwarantina fl-Unjoni, iżda li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni f'dik il-lista;

(c)

mill-Artikolu 32(2) tiegħu li jittratta l-projbizzjoni tal-introduzzjoni, il-moviment, iż-żamma, it-tkattir u r-rilaxx fiż-żoni protetti tat-territorju tal-Unjoni ta' pesti ta' kwarantina f'żona protetta;

(d)

mill-Artikolu 40(1) tiegħu li jittratta l-projbizzjoni tal-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta' ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn mill-pajjiżi terzi jew mit-territorji kollha jew minn uħud minnhom;

(e)

mill-Artikolu 41(1) tiegħu li jittratta r-rekwiżiti speċjali u ekwivalenti għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni u għall-moviment fi ħdanu ta' ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn minn pajjiżi terzi;

(f)

mill-Artikolu 42(2) tiegħu li jittratta l-projbizzjoni tal-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta' ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn ta' riskju għoli minn pajjiżi terzi;

(g)

mill-Artikolu 49(1) tiegħu li jittratta l-miżuri temporanji dwar l-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni u l-moviment fi ħdanu ta' ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn minn pajjiżi terzi;

(h)

mill-Artikolu 53(1) tiegħu li jittratta l-projbizzjoni tal-introduzzjoni fiż-żoni protetti tat-territorju tal-Unjoni ta' pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn li joriġinaw minn pajjiżi terzi jew fit-territorju tal-Unjoni;

(i)

mill-Artikolu 54(1) tiegħu li jittratta r-rekwiżiti speċjali għall-introduzzjoni fiż-żoni protetti tat-territorju tal-Unjoni ta' pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn.

B'mod partikulari, dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

ir-regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni, iż-żamma, it-tkattir jew l-użu tal-pesti speċifikati jew tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u tal-oġġetti l-oħrajn fl-Unjoni jew fiż-żoni protetti tagħha u l-moviment tagħhom fi ħdanhom;

(b)

il-proċedura u l-kundizzjonijiet li bihom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw b'mod temporanju t-twettiq tal-attivitajiet speċifikati;

(c)

ir-regoli dwar il-monitoraġġ tal-konformità u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f'każ ta' nuqqas ta' konformità.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pesti speċifikati” tfisser waħda mill-affarijiet li ġejjin:

(i)

il-pesti ta' kwarantina fl-Unjoni, elenkati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(ii)

il-pesti suġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1) ta' dak ir-Regolament;

(iii)

il-pesti ta' kwarantina f'żona protetta, elenkati skont l-Artikolu 32(3) ta' dak ir-Regolament;

(b)

“pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħrajn” tfisser il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew l-oġġetti l-oħrajn suġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1) u elenkati skont l-Artikoli 40(2) u (3), 41(2) u (3), 42(2) u (3), 49(1), 53(2) u (3) u 54(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(c)

“materjal speċifikat” tfisser kull pest speċifikat, pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġett ieħor li jkun jeħtieġ awtorizzazzjoni skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament;

(d)

“attivitajiet speċifikati” tfisser kull attività li xi persuna, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, l-istituzzjonijiet akkademiċi u tar-riċerka u l-operaturi professjonisti, twettaq b'rabta mal-ittestjar uffiċjali, mal-finijiet xjentifiċi jew edukattivi, mal-provi u mal-għażla tal-varjetà jew mat-tnissil li tinvolvi l-introduzzjoni, iż-żamma, it-tkattir jew l-użu ta' xi materjal speċifikat fl-Unjoni u fiż-żona protetta tagħha jew il-moviment tiegħu fi ħdanhom.

Artikolu 3

Skambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw bejniethom mil-lat amministrattiv f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskambju tal-informazzjoni bejniethom u bejn il-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni, iż-żamma, it-tkattir u l-użu ta' xi materjal speċifikat fit-territorju tal-Unjoni jew fiż-żoni protetti tiegħu u l-moviment ta' dak il-materjal fi ħdanhom.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, qabel il-31 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni kollha li ġejja lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn:

(a)

lista tat-tipi u tal-kwantitajiet tal-materjal speċifikat awtorizzat skont dan ir-Regolament u mdaħħal fl-Unjoni jew imċaqlaq fiha matul is-sena kalendarja ta' qabel;

(b)

rapport dwar il-preżenza ta' pesti speċifikati mhux awtorizzati skont dan ir-Regolament u ta' pesti oħrajn li l-awtorità kompetenti tqis li huma ta' riskju għall-Unjoni u li jkunu ġew innutati waqt l-attivitajiet speċifikati.

(c)

il-miżuri li ttieħdu f'każ ta' nuqqas ta' konformità;

(d)

il-lista tal-postijiet ta' kwarantina u tal-faċilitajiet ta' trażżin li ntużaw għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-moviment u l-introduzzjoni tal-materjal speċifikat fl-Unjoni għall-finijiet tal-attivitajiet speċifikati awtorizzati skont l-Artikolu 5 għandhom jiġu rreġistrati, flimkien mal-awtorizzazzjoni rispettiva tagħhom, f'sistema kompjuterizzata ta' ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) kif imsemmi fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 4

Applikazzjoni

Għandha tintbagħat applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti qabel kull introduzzjoni, żamma, tkattir u użu tal-materjal speċifikat fl-Unjoni u l-moviment tiegħu fi ħdanha skont l-Artikoli 8(1) u 48(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, skont il-każ.

Il-kontenut tagħha għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Kundizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-introduzzjoni, iż-żamma, it-tkattir u l-użu tal-materjal speċifikat fl-Unjoni u l-moviment tiegħu fi ħdanha skont l-Artikoli 8(1) u 48(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, skont il-każ, għal perjodu limitat taż-żmien u biss meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta jkun instab li l-applikazzjoni hija konformi mal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament;

(b)

meta l-awtorità kompetenti tkun eżaminat in-natura u l-għanijiet tal-attivitajiet speċifikati u tkun sabet li dawn huma konformi mad-definizzjoni tal-attivitajiet speċifikati mogħtija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament;

(c)

meta jkun ġie kkonfermat li l-attivitajiet speċifikati jkunu qed jitwettqu f'postijiet ta' kwarantina jew f'faċilitajiet ta' trażżin indikati fl-applikazzjoni u magħżulin mill-awtorità kompetenti skont l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(d)

meta jkun ġie żgurat li, wara li titlesta l-attività speċifikata li għaliha tkun inħarġet dik l-awtorizzazzjoni, il-materjal speċifikat ikun inqered u jkun tneħħa b'mod sikur jew ikun inħażen b'kundizzjonijiet xierqa għal użu ulterjuri skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Artikolu 6

Ittra ta' awtorizzazzjoni wara li tingħata l-awtorizzazzjoni

1.   Wara li tingħata l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih għandha titwettaq l-attività speċifikata approvata għandha toħroġ ittra ta' awtorizzazzjoni. Din l-ittra ta' awtorizzazzjoni għandha tkun dejjem mal-materjal speċifikat ikkonċernat.

2.   Fil-każ ta' materjal speċifikat li joriġina fl-Unjoni, l-ittra ta' awtorizzazzjoni għandha tkun fil-format stabbilit fil-Parti A tal-Anness II. Fil-każ tal-moviment tal-materjal speċifikat rispettiv b'kundizzjonijiet ta' kwarantina jew ta' trażżin, hija għandha tkun approvata b'mod uffiċjali mill-Istat Membru ta' oriġini.

3.   Fil-każ ta' materjal speċifikat li joriġina f'pajjiżi terzi, l-ittra ta' awtorizzazzjoni għandha tkun fil-format stabbilit fil-Parti B tal-Anness II. Fil-każ tal-introduzzjoni tal-materjal speċifikat rispettiv b'kundizzjonijiet ta' kwarantina jew ta' trażżin, hija għandha tkun approvata b'mod uffiċjali mill-pajjiż terz ta' oriġini.

4.   Fil-każ ta' diversi introduzzjonijiet fl-Unjoni jew movimenti fi ħdanha ta' tip ta' materjal speċifikat speċifiku, l-awtorità kompetenti tista' toħroġ ittra waħda ta' awtorizzazzjoni meta l-materjal jintbagħat għall-ewwel darba li tkun tkopri dawk l-introduzzjonijiet jew dawk il-movimenti kollha, dejjem jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-introduzzjonijiet jew il-movimenti jseħħu diversi drabi fis-sena;

(b)

jekk il-materjal speċifikat ikun ippakkjat bl-istess kundizzjonijiet;

(c)

jekk il-materjal speċifikat ikun ġej mingħand l-istess fornitur u jkun għall-istess persuna li tkun responsabbli għall-attivitajiet approvati.

L-awtorità kompetenti għandha tindika b'mod espliċitu fil-kaxxa numru 10 tal-mudell stabbilit fil-Partijiet A u B tal-Anness II li l-ittra ta' awtorizzazzjoni tkopri diversi introduzzjonijiet fl-Unjoni jew movimenti fi ħdanha ta' dak il-materjal speċifikat. Dik l-ittra ta' awtorizzazzjoni għandha tkun valida għal massimu ta' sena minn meta tinħareġ.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet speċjali għall-ittestjar uffiċjali

B'deroga mill-Artikoli 4, 5 u 6, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw it-twettiq tal-ittestjar uffiċjali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti jew ta' operaturi professjonisti taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-persuna li tkun responsabbli għall-attivitajiet approvati tkun avżat lill-awtorità kompetenti bl-ittestjar uffiċjali qabel ma dan iseħħ;

(b)

jekk dik in-notifika tkun tinkludi n-natura u l-għanijiet ta' dak l-ittestjar uffiċjali;

(c)

jekk in-notifika jkun fiha konferma li l-ittestjar uffiċjali se jsir f'postijiet ta' kwarantina jew f'faċilitajiet ta' trażżin kif imsemmi fl-Artikolu 5(c);

(d)

jekk l-ittestjar uffiċjali jsir b'tali mod li l-pesti speċifikati ma jinfirxux matul it-trattament u t-trasport tal-materjal speċifikat qabel, waqt u wara l-ittestjar uffiċjali.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-monitoraġġ tal-konformità

L-awtorità kompetenti għandha timmonitorja l-attivitajiet speċifikati sabiex tiżgura li jintlaħqu r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

li l-persuna li tkun responsabbli għall-attivitajiet tavża mill-ewwel lill-awtorità kompetenti b'kull infestazzjoni tal-materjal speċifikat b'pesti speċifikati li mhumiex awtorizzati skont dan ir-Regolament jew b'pesti oħrajn li jitqiesu li huma ta' riskju għall-Unjoni u li jkunu ġew innutati waqt l-attivitajiet speċifikati. Meta l-materjal ikun pest speċifikat huwa stess, il-monitoraġġ għandu jittratta l-infestazzjoni potenzjali tiegħu b'pesti speċifikati oħrajn mhux awtorizzati skont dan ir-Regolament jew b'pesti oħrajn li l-awtorità kompetenti tqis li huma ta' riskju għall-Unjoni u li jkunu ġew innutati waqt l-attivitajiet speċifikati;

(b)

li l-persuna li tkun responsabbli għall-attivitajiet tavża mill-ewwel lill-awtorità kompetenti b'kull avveniment li jwassal għall-ħarba tal-pesti msemmija fil-punt (a) fl-ambjent jew li jista' jwassal għal dan.

Artikolu 9

Azzjonijiet li jridu jittieħdu f'każ li jkun hemm nuqqas ta' konformità

1.   L-awtorità kompetenti tista' titlob lill-persuna li tkun responsabbli għall-attivitajiet timplimenta, mill-ewwel jew fi żmien perjodu speċifikat taż-żmien, azzjonijiet korrettivi biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   Meta l-awtorità kompetenti tikkonkludi li l-persuna li tkun responsabbli għall-attivitajiet ma tkunx tikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, dik l-awtorità għandha tieħu, mingħajr dewmien, il-miżuri meħtieġa biex tiżgura li ma jkomplix ikun hemm dak in-nuqqas ta' konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-irtirar tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 jew is-sospensjoni temporanja tagħha.

3.   Meta l-awtorità kompetenti tkun ħadet miżuri skont il-paragrafu 2, minbarra l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, u jibqa' jkun hemm nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, dik l-awtorità għandha tirtira din l-awtorizzazzjoni mingħajr dewmien.

Artikolu 10

Tħassir tad-Direttiva 2008/61/KE u perjodu ta' tranżizzjoni għall-attivitajiet approvati skont dik id-Direttiva

Id-Direttiva 2008/61/KE titħassar.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni mogħtija fl-Anness III.

L-approvazzjonijiet tal-attivitajiet li ngħataw skont l-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva għandhom jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 11

Data tad-dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jibda japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/61/KE tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom ċerti organiżmi ta' ħsara, pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Annessi I sa V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE jistgħu jiddaħħlu jew jiġu mċaqalqa fil-Komunità jew f'ċerti żoni protetti tagħha, għal prova jew għal skopijiet xjentifiċi u għal xogħol fuq selezzjonijiet varjetali (ĠU L 158, 18.6.2008, p. 41).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).


ANNESS I

1.   

L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 għandha tinkludi tal-inqas l-affarijiet li ġejjin, skont il-każ:

(a)

l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefown tal-applikant u tal-persuna jew tal-persuni li huma responsabbli għall-attività speċifikata, jekk dawn ikunu differenti, fosthom il-kwalifiki xjentifiċi u tekniċi tagħhom għall-finijiet tal-attivitajiet speċifikati;

(b)

it-tip ta' materjal speċifikat, l-isem xjentifiku jew l-isem tal-materjal speċifikat u kull referenza ppubblikata, meta dan ikun rilevanti, fosthom l-informazzjoni dwar il-vetturi potenzjali;

(c)

il-kwantità tal-materjal speċifikat, u kemm-il darba se jintbagħat u l-kwantità tiegħu kull darba li jintbagħat jekk il-materjal ikun se jintbagħat diversi drabi, iġġustifikati skont l-għan tal-attività speċifikata kkonċernata u skont il-kapaċità tal-post ta' kwarantina jew tal-faċilità ta' trażżin;

(d)

il-post ta' oriġini tal-materjal speċifikat, fosthom l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefown tal-ispeditur u tal-fornitur u l-provi ddokumentati x-xierqa f'każ li l-materjal speċifikat ikun se jiddaħħal minn pajjiż terz;

(e)

it-tul ta' żmien tal-attività speċifikata, kif ukoll taqsira tan-natura u tal-għanijiet tal-attività speċifikata, u wkoll speċifikazzjoni fil-każ tal-provi u tax-xogħlijiet xjentifiċi jew edukattivi marbutin mal-għażliet tal-varjetà;

(f)

il-kundizzjonijiet tal-ippakkjar li bihom il-materjal speċifikat se jiġi mċaqlaq jew se jiġi importat;

(g)

l-isem, l-indirizz u d-deskrizzjoni tal-post ta' kwarantina jew tal-faċilità ta' trażżin;

(h)

l-użu aħħari tal-materjal speċifikat meta titlesta l-attività speċifikata, pereżempju l-qerda, il-ġbir jew il-ħżin;

(i)

meta jkun applikabbli, il-metodu tal-qerda jew it-trattament tal-materjal speċifikat meta titlesta l-attività speċifikata.

2.   

Fuq talba tal-awtorità kompetenti għandhom jingħataw ukoll informazzjoni u kjarifiki oħrajn.


ANNESS II

A.   Mudell tal-ittra ta' awtorizzazzjoni għall-moviment fi ħdan l-Unjoni ta' pesti, pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn għal finijiet xjentifiċi jew edukattivi, għall-finijiet ta' provi, għall-għażla tal-varjetà jew għat-tnissil, imsemmi fl-Artikolu 6(2)

Titlu: Ittra ta' awtorizzazzjoni

 

1.

L-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefown [tal-ispeditur]/[tal-organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-pjanti]* tal-Istat Membru ta' oriġini

2.

L-isem tal-korp responsabbli tal-Istat Membru tal-ħruġ

3.

L-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefown tal-persuna li hija responsabbli għall-attivitajiet speċifikati

4.

L-isem u l-indirizz [tal-post ta' kwarantina]/[tal-faċilità ta' trażżin]*

5.

L-isem xjentifiku, meta dan ikun xieraq, jew l-isem tal-materjal speċifikat, fosthom l-isem xjentifiku tal-pest speċifikat ikkonċernat

6.

Il-kwantità tal-materjal speċifikat

7.

It-tip ta' materjal speċifikat

8.

Il-kundizzjonijiet tal-ippakkjar u taċ-ċaqliq*

Speċifika waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

8.1.

Bil-posta/permezz ta' kumpanija tat-twassil/bl-għajnuna ta' passiġġier/b'xi mod ieħor li jrid jiġi speċifikat

8.2.

Trasport bit-triq/bil-ferrovija/bl-ajru/bil-baħar/b'xi mezz ieħor li jrid jiġi speċifikat

8.3.

Kundizzjoni oħra

9.

Informazzjoni addizzjonali

Dan il-materjal speċifikat qed jiċċaqlaq fit-territorju tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) …/… [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal ir-referenza ta' dan ir-Regolament]

10.

Il-materjal se jintbagħat diversi drabi: [iva]/[le]*

Jekk iva:

Id-data tal-ħruġ:

In-numru ta' referenza ta' meta ntbagħat il-materjal:

Kemm-il darba se jintbagħat il-materjal speċifikat u l-kwantità tiegħu kull darba li jintbagħat:

11.

L-użu aħħari

Il-qerda/il-ġbir jew il-ħżin*

12.

Approvazzjoni tal-materjal speċifikat min-naħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini

13.

Il-firma u t-timbru, jew it-timbru elettroniku u l-firma elettronika tal-awtorità kompetenti

Post tal-approvazzjoni:

 

Data:

Post tal-ħruġ:

Isem l-uffiċjal awtorizzat u l-firma tiegħu:

Id-data tal-ħruġ:

Id-data tal-iskadenza:

Isem l-uffiċjal awtorizzat u l-firma tiegħu:

14.

Ir-referenza tal-IMSOC

 

*

Ħassar dak li ma japplikax.

B.   Mudell tal-ittra ta' awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' pesti, pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn għal finijiet xjentifiċi jew edukattivi, għall-finijiet ta' provi, għall-għażla tal-varjetà jew għat-tnissil, imsemmi fl-Artikolu 6(3)

Titlu: Ittra ta' awtorizzazzjoni

 

1.

L-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefown [tal-ispeditur]/[tal-organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-pjanti]* tal-pajjiż terz ta' oriġini

2.

L-isem tal-korp responsabbli tal-Istat Membru tal-ħruġ

3.

L-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefown tal-persuna li hija responsabbli għall-attivitajiet speċifikati

4.

L-isem u l-indirizz [tal-post ta' kwarantina]/[tal-faċilità ta' trażżin]*

5.

L-isem xjentifiku, meta dan ikun xieraq, jew l-isem tal-materjal speċifikat, fosthom l-isem xjentifiku tal-pest speċifikat ikkonċernat

6.

Il-kwantità tal-materjal speċifikat

7.

It-tip ta' materjal speċifikat

8.

Il-kundizzjonijiet tal-ippakkjar u tal-importazzjoni*

Speċifika waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

8.1.

Bil-posta/permezz ta' kumpanija tat-twassil/bl-għajnuna ta' passiġġier/b'xi mod ieħor li jrid jiġi speċifikat

8.2.

Trasport bit-triq/bil-ferrovija/bl-ajru/bil-baħar/b'xi mezz ieħor li jrid jiġi speċifikat

8.3.

Kundizzjoni oħra

9.

Informazzjoni addizzjonali

Dan il-materjal speċifikat qed jiġi importat fit-territorju tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) …/… [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: jekk jogħġbok daħħal ir-referenza ta' dan ir-Regolament]

10.

Il-materjal se jintbagħat diversi drabi: [iva]/[le]*

Jekk iva:

Id-data tal-ħruġ:

In-numru ta' referenza ta' meta ntbagħat il-materjal:

Kemm-il darba se jintbagħat il-materjal speċifikat u l-kwantità tiegħu kull darba li jintbagħat:

11.

L-użu aħħari

Il-qerda/il-ġbir jew il-ħżin*

12.

Approvazzjoni tal-materjal speċifikat min-naħa tal-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż terz ta' oriġini

12.

Il-firma u t-timbru, jew it-timbru elettroniku u l-firma elettronika tal-awtorità kompetenti

Post tal-approvazzjoni:

 

Data:

Post tal-ħruġ:

Isem l-uffiċjal awtorizzat u l-firma tiegħu:

Id-data tal-ħruġ:

Id-data tal-iskadenza:

Isem l-uffiċjal awtorizzat u l-firma tiegħu:

13.

Ir-referenza tal-IMSOC

 

*

Ħassar dak li ma japplikax.

ANNESS III

Tabella ta' korrelazzjoni

Id-Direttiva 2008/61/KE

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1(1)

L-Artikolu 4

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 4 u l-Anness I

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)

L-Artikolu 5

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1)

L-Artikolu 9(2)

L-Artikolu 2(2)

L-Artikolu 6 u l-Anness II

L-Artikolu 2(3)

L-Artikolu 8

L-Artikolu 2(4)

__

L-Artikolu 3

__

L-Artikolu 4

__

L-Artikolu 5

__

L-Artikolu 6

L-Artikolu 11

L-Artikolu 7

__

Il-punt 1 tal-Anness I

L-Artikolu 5

Il-punt 2 tal-Anness I

__

L-Anness II

L-Anness II

L-Anness III

__

L-Anness IV

__

L-Anness V

L-Anness III