22.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/8


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/820

tal-4 ta' Frar 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-kunflitti ta' interess fil-qasam tal-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex ikunu żgurati kontroll u ġestjoni effettivi tal-kunflitti ta' interess fil-qasam tal-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju, importanti li jiġu speċifikati s-sitwazzjonijiet li fihom huma probabbli interessi kunfliġġenti.

(2)

Fil-kuntest ta' fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti, it-tipi ta' kunflitti ta' interess ivarjaw skont ir-rwol, l-interessi u l-inċentivi tal-persuni involuti. Sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' kunflitti ta' interess f'dan il-kuntest, huwa neċessarju li tiġi stabbilita lista ta' sitwazzjonijiet meqjusa li jagħtu lok għal kunflitti ta' interess. Din il-lista jenħtieġ tkun wiesgħa biżżejjed biex tkopri kull tip ta' kunflitt ta' interess li jista' jinħoloq fil-qasam tal-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju. Għaldaqstant, jenħtieġ li t-tipi ta' kunflitti ta' interess ikunu jinkludu sitwazzjonijiet fejn ikun hemm prospett ta' qligħ finanzjarju jew evitar ta' telf finanzjarju, jew fejn l-inċentivi jiġu pprovduti b'mod li jiffavorixxi interessi partikolari għad-detriment tal-interessi tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew tal-investituri tiegħu.

(3)

Il-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jenħtieġ li jadottaw proċeduri u miżuri biex jiżguraw li l-persuni involuti f'dawn l-attivitajiet kummerċjali jwettqu dawn l-attivitajiet fl-aħjar interess tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti u tal-investituri tagħhom. Sabiex jinkiseb livell armonizzat ta' protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni, u biex dawn il-maniġers ikunu jistgħu jadottaw u jsegwu prassi konsistenti u effettiva għall-prevenzjoni, għall-monitoraġġ u għall-ġestjoni ta' kunflitti ta' interess, jenħtieġ li fil-politika tagħhom tal-kunflitti ta' interess ikun elenkat sett minimu ta' passi. Sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux neċessarji filwaqt li jiġi garantit livell xieraq ta' protezzjoni tal-investituri, jenħtieġ li l-politiki tal-kunflitti ta' interess jiġu adattati għan-natura, għall-iskala u għall-kumplessità tan-negozji tal-maniġers.

(4)

Il-proċeduri u l-miżuri stabbiliti fil-politiki tal-kunflitti ta' interess jaf ikunu insuffiċjenti biex jipproteġu l-interessi tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew tal-investituri tiegħu. F'dak il-każ jenħtieġ li l-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jieħdu l-passi addizzjonali neċessarji biex jipproteġu dawn l-interessi. Jenħtieġ li dawn il-passi jkunu jinkludu l-informar tal-maniġment superjuri jew ta' korp intern kompetenti ieħor tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti, kif ukoll it-teħid tad-deċiżjonijiet jew tal-azzjonijiet neċessarji biex jaġixxu fl-aħjar interess tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew tal-investituri tiegħu.

(5)

Il-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jistgħu jkunu attivi fil-maniġment ta' kumpaniji li fihom jinvestu l-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti. Sabiex jiġu prevenuti kunflitti ta' interess u biex jiġi garantit li d-drittijiet tal-vot ta' dawn il-maniġers jiġu eżerċitati għall-benefiċċju tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti kkonċernat kif ukoll tal-investituri tiegħu, huwa neċessarju li jiġu speċifikati r-rekwiżiti dettaljati b'rabta mal-eżerċitar ta' dawn id-drittijiet tal-vot. Sabiex jiġi żgurat standard suffiċjenti ta' protezzjoni tal-investituri, jenħtieġ li l-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jiżviluppaw strateġiji adegwati u effettivi f'dak ir-rigward, u fuq talba jipprovdu sommarju ta' dawn l-istrateġiji u tal-azzjonijiet li ħadu.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-iżvelar ta' kunflitti ta' interess, jenħtieġ li l-informazzjoni pprovduta tiġi aġġornata regolarment. Minħabba r-riskju inerenti tal-użu ta' sit web bħala għodda għall-iżvelar tal-kunflitti ta' interess, huwa neċessarju li jiġu stipulati l-kriterji għall-pubblikazzjoni ta' dik l-informazzjoni fuq sit web.

(7)

Sabiex il-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jkunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tiġi differita b'sitt xhur,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tipi ta' kunflitt ta' interess

Għall-finijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 345/2013, it-tipi ta' kunflitt ta' interess għandhom ikunu sitwazzjonijiet meta maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti, persuna li twettaq effettivament in-negozju ta' dak il-maniġer, impjegat, jew kwalunkwe persuna li tikkontrolla jew li hija kkontrollata direttament jew indirettament minn dak il-maniġer, minn fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti ieħor jew impriża ta' investiment kollettiv, inkluż impriża ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS, undertaking for collective investment in transferable securities), ġestita mill-istess maniġer, jew l-investitur rispettiv,

(a)

x'aktarx li jagħmel qligħ finanzjarju, jew jevita telf finanzjarju, għad-detriment tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew tal-investituri tiegħu;

(b)

għandu interess fl-eżitu ta' servizz jew ta' attività pprovduta lill-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew lill-investituri tiegħu li huwa distint mill-interess tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew tal-investituri tiegħu;

(c)

għandu interess fl-eżitu ta' tranżazzjoni mwettqa f'isem il-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew l-investituri tiegħu li huwa distint mill-interess tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew tal-investituri tiegħu;

(d)

għandu inċentiv finanzjarju jew inċentiv ieħor biex jiffavorixxi:

l-interess ta' investitur, ta' grupp ta' investituri jew ta' impriża ta' investiment kollettiv oħra, inkluż UCITS, fuq l-interess tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew tal-investituri tiegħu;

l-interess ta' wieħed mill-investituri fil-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti fuq l-interess ta' investitur ieħor jew ta' grupp ta' investituri f'dak il-fond;

(e)

iwettaq l-istess attivitajiet għall-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti, impriża ta' investiment kollettiv oħra, inkluż UCITS, jew investitur;

(f)

iħallas jew jitħallas xi tariffa jew kummissjoni, jew jagħti jew jingħata xi benefiċċji mhux monetarji, għajr dawk stipulati fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 (2);

(g)

jinfluwenza u għandu interess personali li jinfluwenza l-iżvilupp ta' impriża tal-portafoll kwalifikanti għad-detriment tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew tal-investituri tiegħu jew għad-detriment tal-ksib tal-objettivi tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti.

Artikolu 2

Politika tal-kunflitti ta' interess

1.   Maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm politika miktuba tal-kunflitti ta' interess li hija xierqa għad-daqs u għall-istruttura organizzazzjonali ta' dak il-maniġer minħabba n-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tiegħu.

2.   Il-politika tal-kunflitti ta' interess imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tidentifika, konformi mal-Artikolu 1, iċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta' interess u għandha tispeċifika l-miżuri li għandhom jiġu adottati u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fuq bażi kontinwa.

Artikolu 3

Proċeduri u miżuri għall-prevenzjoni, għall-ġestjoni u għall-monitoraġġ tal-kunflitti ta' interess

Il-miżuri li għandhom jiġu adottati u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti, imsemmija fl-Artikolu 2(2), għandhom jinkludu mill-inqas il-passi li ġejjin:

(a)

il-projbizzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni bejn il-persuni jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1, jekk tali skambju ta' informazzjoni jista' jwassal għal jew jiffaċilita kunflitt ta' interess;

(b)

is-separazzjoni tas-superviżjoni tal-persuni jew tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f'kunflitt;

(c)

it-tneħħija tar-rabta bejn jew id-dipendenza fuq ir-remunerazzjoni tal-persuni jew tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 li huma prinċipalment involuti f'attività waħda, u r-remunerazzjoni ta', jew id-dħul iġġenerat minn, persuni jew entitajiet prinċipalment involuti f'attività oħra, fejn jista' jinħoloq kunflitt ta' interess marbut ma' dawk l-attivitajiet;

(d)

il-prevenzjoni ta' persuni jew entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 milli jeżerċitaw influwenza mhux xierqa fuq il-maniġment tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti;

(e)

il-prevenzjoni jew il-kontroll tal-involviment ta' persuni jew entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 fi kwalunkwe attività li tista' twassal għal kunflitt ta' interess.

Artikolu 4

Il-ġestjoni tal-konsegwenzi ta' kunflitti ta' interess

Jekk il-miżuri u l-proċeduri previsti fil-politika tal-kunflitti ta' interess skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3 jkunu insuffiċjenti għall-prevenzjoni, b'kunfidenza raġonevoli, tar-riskji ta' dannu għall-interessi tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew tal-investituri tiegħu, il-maniġers ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jieħdu l-passi li ġejjin:

(a)

jinformaw malajr lill-maniġment superjuri tagħhom jew lil korp intern kompetenti ieħor tagħhom, jew lill-maniġment superjuri jew lil korp intern kompetenti ieħor tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti, bir-riskju ta' dannu għall-interessi ta' dak il-fond jew tal-investituri tiegħu;

(b)

jieħdu kwalunkwe deċiżjoni jew azzjoni biex jiżguraw li jaġixxu fl-aħjar interess tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew tal-investituri tiegħu.

Artikolu 5

Strateġiji għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot biex ikunu prevenuti kunflitti ta' interess

1.   Il-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jiżviluppaw, bil-miktub, strateġiji adegwati u effettivi biex jiddeterminaw meta u kif għandhom jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-vot miżmuma fil-portafoll tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għall-benefiċċju tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti kkonċernat u tal-investituri tiegħu.

2.   L-istrateġiji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u għandhom jinkludu mill-inqas il-passi li ġejjin:

(a)

il-monitoraġġ tal-azzjonijiet korporattivi rilevanti;

(b)

l-iżgurar li l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot ikun skont l-għanijiet tal-investiment u l-politika tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti;

(c)

il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess li jirriżulta mill-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet tal-vot.

3.   Fuq talba, il-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jipprovdu lill-investituri deskrizzjoni mqassra tal-istrateġiji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u d-dettalji tal-azzjonijiet meħuda skont dawn l-istrateġiji.

Artikolu 6

Żvelar tal-kunflitti ta' interess

1.   Il-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 f'mezz li jservi għal żmien twil, kif imsemmi fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u jżommu dik l-informazzjoni aġġornata.

2.   Il-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jistgħu jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 permezz ta' sit web, mingħajr ma jindirizzaw dik l-informazzjoni lill-investitur personalment, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-investituri jkunu ġew notifikati bl-indirizz tas-sit web u bil-post tas-sit web minn fejn tista' tiġi aċċessata l-informazzjoni;

(b)

l-investituri jkunu taw il-kunsens tagħhom biex dik l-informazzjoni tingħata permezz ta' sit web;

(c)

l-informazzjoni tkun aċċessibbli kontinwament fuq is-sit web għall-perjodu taż-żmien li l-investituri jistgħu raġonevolment ikollhom bżonn biex jaċċessawha.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn nhar mill-11 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).