6.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 118/4 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/694
tal-15 ta' Frar 2019
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma ta' finanzjament li mhijiex marbuta mal-kostijiet tal-operazzjonijiet rilevanti
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 67(5)(a) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-punt (e) fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 iddaħħal mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (2) u introduċa forma ta' finanzjament li mhuwiex marbut mal-kostijiet tal-operazzjonijiet rilevanti iżda li jkun ibbażat fuq li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet (“kundizzjonijiet ta' finanzjament”) relatati mat-twettiq tal-progress fl-implimentazzjoni jew mal-kisba tal-objettivi tal-programmi. |
(2) |
Filwaqt li tqies l-istadju attwali tal-perjodu ta' programmar 2014-2020, ġew eżaminati oqsma tematiċi differenti li fihom tista' tintuża din il-forma ta' finanzjament b'mod effettiv u li jistgħu juru l-benefiċċji tagħha f'termini ta' simplifikazzjoni u ta' tnaqqis ta' piż amministrattiv għall-benefiċjarji u għall-awtorità ta' ġestjoni filwaqt li ma jiskattawx bidliet sinifikanti fi programmi eżistenti. Il-mizuri ta' effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija minn sorsi rinovabbli ġew appoġġati b'mod estensiv mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”) u mill-Fond ta' Koeżjoni fl-2014-2020 u qabel perjodu baġitarji. Dawk il-miżuri jikkostitwixxu qasam ta' appoġġ li jinkludi tipi relattivament omoġenji ta' interventi (bħal miżuri ta' iżolament, bidla fis-sistema ta' tisħin jew apparat elettroniku b'effiċjenza aħjar), fejn il-benefiċjarji jew ir-reċipjenti finali tal-appoġġ fil-prattika spiss ikunu persuni fiżiċi jew SMEs. |
(3) |
Riżultat ta' dan, ikun xieraq li jiġu stabbiliti modalitajiet dettaljati għal kundizzjonijiet ta' finanzjament għal miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u għall-applikazzjoni tagħhom fil-qafas legali eżistenti, inkluż il-metodoloġija biex jiġi ddeterminat l-ammont li jikkorrisondi mal-kundizzjonijiet ta' finanzjament applikabbli u mal-arranġamenti għall-operazzjoni soġġetta għal rimborż abbażi ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament. Jenħtieġ li l-metodoloġija dettaljata tiddetermina r-rabta bejn l-ammont u s-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament finali, u jenħtieġ ukoll li l-ammont ikun indipendenti mill-kost tal-attivitajiet fi ħdan l-operazzjoni li se jikkontribwixxu għall-kundizzjonijiet ta' finanzjament finali. |
(4) |
B'mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-metodu ta' kalkolu użat għall-finijiet tat-twaqqif tal-ammont relatat mal-kundizzjonijiet ta' finanzjament iqis b'mod xieraq il-preżunzjonijiet raġonevoli bbażati fuq tendenzi prevedibbli fl-iżvilupp teknoloġiku u bidliet relatati fl-ispejjeż ta' investiment għal tipi differenti ta' intervenzjonijiet li jikkontribwixxu għas-sodisfazzjon ġenerali tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament, il-perjodu ta' referenza applikat jenħtieġ li jirrigwarda l-aħħar snin fejn id-data hija disponibbli għal investimenti simili. |
(5) |
Jenħtieġ li jiġi speċifikat kif jiġu implimentati dispożizzjonijiet eżistenti dwar applikazzjonijiet għall-pagament f'dan il-kuntest skont l-Artikolu 131(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. |
(6) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi mfakkar li r-rekwiżiti speċifiċi marbuta ma' verifiki tal-ġestjoni u ma' awditi għal operazzjonijiet soġġetti għar-rimborż abbażi tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, speċjalment fl-Artikolu 67(1) u fl-Artikolu 125(4)(a) tiegħu. Jenħtieġ li dawn ikunu riflessi fid-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' dawn it-tipi ta' operazzjonijiet kif speċifikat fil-punt 4 tal-Anness. B'mod partikolari, il-verifiki u l-awditi ma għandhomx iseħħu fil-livell tal-investimenti individwali minħabba li huwa l-benefiċjarju li jirrapporta li jkunu ġew issosfati l-kundizzjonijiet ta' finanzjament lill-awtorità ta' ġestjoni. Barra minn hekk, id-dokumenti ta' appoġġ li jirrigwardaw in-nefqa sottostanti la għandhom ikunu soġġetti għal awditu, lanqas għal verifiki ta' ġestjoni minħabba li l-ammonti marbuta mal-operazzjoni huma definiti minn qabel. |
(7) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ġew soġġetti għal konsultazzjoni ta' esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3), skont l-Artikolu 149(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. |
(8) |
Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet maħtura jkunu jistgħu jużaw effettivament id-dispożizzjonijiet il-ġodda li japplikaw mit-2 ta' Awwissu 2018 skont l-Artikolu 282 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi modalitajiet dettaljati għall-kundizzjonijiet ta' finanzjament li jistgħu jintużaw għar-rimborż tan-nefqa mill-awtorità ta' ġestjoni lill-benefiċjarji taħt finanzjament li mhuwiex marbut mal-kostijiet tal-operazzjonijiet rilevanti msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u għall-applikazzjoni tagħhom.
2. L-oqsma tan-nefqa li jistgħu jkunu suġġetti għal finanzjament li mhuwiex marbut mal-kostijiet għandhom ikunu l-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija minn sorsi rinovabbli kif dettaljat fl-Anness.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“kundizzjonijiet ta' finanzjament” tfisser il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati għar-rimborż tan-nefqa taħt finanzjament li mhijiex marbuta ma' kostijiet, li jikkonsistu f'serje ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament intermedji u finali li ttieħdu biex jikkontribwixxu lejn li jiġi ssodisfat objettiv predefinit; |
(2) |
“operazzjoni soġġetta għal rimborż abbażi tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament” tfisser operazzjoni unika skont it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li tikkonsisti mill-kompiti kollha li ġew implimentati biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta' finanzjament intermedji u finali. |
Artikolu 3
Modalitajiet għall-kundizzjonijiet ta' finanzjament u l-applikazzjoni tagħhom
1. Il-kundizzjonijiet ta' finanzjament finali għandhom jiġu determinati skont l-Anness.
2. Il-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament fir-rigward tal-metodoloġija għall-istabbiliment tal-ammont predefinit tan-nefqa li se jiġi rimborżat u s-sottomissjoni tal-informazzjoni lill-Kummissjoni għat-twaqqif tal-operazzjoni soġġetta għar-rimborż abbażi tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament għandhom jiġu ddeterminati skont l-Anness.
Artikolu 4
Elementi għal applikazzjonijiet għall-pagament
1. Il-kostijiet ikkalkolati fuq il-bażi applikabbli li għandhom jiġu inklużi f'applikazzjoni għall-pagament skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom ikunu l-ammont predefinit li jikkorrispondi għal kull kundizzjoni ta' finanzjament issodisfata. Dak l-ammont għandu jiġi inkluż fl-applikazzjonijiet għall-pagament flimkien mar-referenza tal-operazzjoni kkonċernata, skont il-mudell għal applikazzjonijiet għall-pagament stipulat fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1011/2014 (4).
2. In-nefqa totali eliġibbli għal operazzjoni soġġetta għar-rimborż abbażi tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament ma għandhiex taqbeż ammont predefinit tan-nefqa li jikkorrispondi għall-kundizzjoni ta' finanzjament finali kkalkolat fuq il-bażi tal-metodoloġiji stipulati fl-Anness.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1011/2014 tat- 22 ta' Settembru 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli għall-preżentazzjoni ta' ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni u r-regoli dettaljati rigward l-iskambji ta' informazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-awtoritajiet ta' ġestjoni, l-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni, l-awtoritajiet ta' verifika u l-korpi intermedji (ĠU L 286, 30.9.2014, p. 1).
ANNESS
Modalitajiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta' finanzjament u l-applikazzjoni tagħhom għal miżuri effiċjenti fl-enerġija u enerġija minn sorsi rinnovabbli
1. Kamp ta' applikazzjoni
Dan l-Anness għandu japplika għal investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u enerġija minn sorsi rinovabbli taħt l-objettiv tematiku 4 tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni.
2. Kundizzjoni ta' finanzjament finali
(1) |
Il-kundizzjoni ta' finanzjament finali għal miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u għal enerġija minn sorsi rinovabbli għandhom jiġu espressi f'iffrankar tal-enerġija f'kWh/sena jew tunnellati ta' emissjonijiet ta' CO2 kif deskritt fl-indikaturi tal-output komuni fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013. |
(2) |
L-iffrankar tal-enerġija f'kWh/sena jew it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 għandhom jiġu definiti fuq il-bażi ta' wieħed mill-metodi ta' kalkolu definiti fl-Anness V(1)(a), (b) jew (c) tad-Direttiva 2012/27/UE (1). |
3. Metodoloġija biex jiġi stabbilit l-ammont li jikkorrispondi mal-kundizzjoni ta' finanzjament finali
(1) |
Għall-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta' finanzjment finali, l-ammont ta' nefqa eliġibbli li jikkorrispondi mal-kundizzjoni ta' finanzjament finali għandu jkun stabbilit minn metodu ta' kalkolu ġust, ekwitabbli u verifikabbli bbażat fuq wieħed minn dawn li ġejjin:
|
(2) |
Il-metodu ta' kalkolu għandu jqis l-assunzjonijiet raġonevoli rigward it-tendenzi u l-bidliet teknoloġiċi li huma probabbli, li jista' jkollhom implikazzjonijiet fuq il-kostijiet tal-investimenti ppjanati li jikkontribwixxu għas-sodisfazzjon tal-kundizzjoni ta' finanzjament finali matul l-iskeda ta' żmien prevista għall-implimentazzjoni tal-operazzjoni. |
4. Twaqqif ta' operazzjonijiet soġġetti għal rimborż abbażi tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament
Għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament, għandu japplika dan li ġej:
(a) |
L-operazzjoni soġġetta għal rimborż ibbażata fuq il-kundizzjonijiet ta' finanzjament hija relatata mat-twettiq tal-progress fl-implimentazzjoni jew il-kisba ta' objettivi tal-programm; |
(b) |
il-benefiċjarju tal-operazzjoni soġġetta għal rimborż abbażi ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament hija l-awtorità ta' ġestjoni jew korp intermedju bl-arranġamenti meħtieġa li jiżguraw is-separazzjoni tal-funzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 125(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; |
(c) |
l-operazzjoni soġġetta għal rimborż abbażi ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament hija implimentata fuq il-bażi ta' skeda ta' żmien prevista għat-tlestija tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament finali intermedji jew finali; |
(d) |
l-operazzjoni soġġetta għal rimborż ibbażata fuq il-kundizzjonijiet ta' finanzjament titlesta jew tiġi implimentata bis-sħiħ qabel it-tmiem tal-perjodu ta' eliġibbiltà stipulat fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; |
(e) |
meta jiġu determinati l-kundizzjonijiet ta' finanzjament intermedji, l-ammonti korrispondenti ta' nefqa huma stipulati minn qabel; |
(f) |
il-mekkaniżmu biex ikejjel u jimmonitorja l-progress lejn is-sodisfazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament jippermetti l-verifika li tkun ġiet issodisfata kull kundizzjoni ta' finanzjament; |
(g) |
l-operazzjoni soġġetta għal rimborż abbażi ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament hija eskluża mill-popolazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 480/2014 għall-finijiet ta' kampjun ta' operazzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 127(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. |
5. Il-preżentazzjoni tar-referenzi lill-Kummissjoni
L-Istati Membri għandhom jippreżentaw informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-elementi stipulati fil-punti 2, 3 u 4 li jiddeskrivu kif l-operazzjoni soġġetta għal rimborż ibbażat fuq kundizzjonijiet ta' finanzjament għandha tiffunzjona qabel il-bidu tal-implimentazzjoni tagħha.
(1) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u tħassar id-Direttiva 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).