25.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/649

tal-24 ta' April 2019

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tax-xaħam trans, minbarra x-xaħam trans li jinstab b'mod naturali fix-xaħam li joriġina mill-annimali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006, il-Kummissjoni tista', fuq inizjattiva tagħha stess, tieħu deċiżjoni li tinkludi sustanza, li mhix vitamina jew mineral, jew ingredjent li jkun fih dik is-sustanza, fl-Anness III ta' dak ir-Regolament, li jelenka s-sustanzi li l-użu tagħhom fl-ikel huwa pprojbit, ristrett jew taħt l-iskrutinju tal-Unjoni, jekk dik is-sustanza tkun marbuta ma' xi riskju potenzjali għall-konsumaturi kif previst fl-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament.

(2)

Fl-4 ta' Diċembru 2009, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika (2) li kkonkludiet li l-konsum tal-aċidi xaħmin trans jenħtieġ ikun baxx kemm jista' jkun fil-kuntest ta' dieta nutrizzjonalment adegwata.

(3)

Fit-3 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat rapport dwar ix-xaħmijiet trans fl-ikel u fid-dieta ġenerali tal-popolazzjoni tal-Unjoni (3). Ir-rapport fakkar li l-koronaropatiji huma l-kawża ewlenija tal-mewt fl-Unjoni, u li l-konsum għoli tax-xaħmijiet trans iżid serjament ir-riskju tal-mard tal-qalb, iktar minn kull nutrijient ieħor kalorija b'kalorija.

(4)

Ir-rapport ikkonkluda li l-istabbiliment ta' limitu ġuridiku għax-xaħmijiet trans industrijali fl-ikel jidher li huwa l-aktar miżura effettiva fejn jidħlu s-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompatibbiltà mas-suq intern.

(5)

Fit-30 ta' April 2018, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità biex tikkompila r-riżultati ta' pariri xjentifiċi li diġà tat l-Awtorità dwar l-effetti tax-xaħmijiet trans fuq is-saħħa, partikolarment fuq l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa, il-valuri djetetiċi ta' referenza u l-addittivi tal-ikel; u biex tinforma lill-Kummissjoni dwar kif dawn il-pariri xjentifiċi jirrelataw mal-għanijiet u r-rakkomandazzjonijiet attwali dwar il-konsum tal-aċidi xaħmin trans biex wieħed jibża' għal saħħtu.

(6)

Fid-19 ta' Ġunju 2018, l-Awtorità tat il-konklużjoni tagħha fl-għamla ta' għajnuna xjentifika u teknika. Abbażi ta' rieżami tal-evidenza xjentifika disponibbli, hija kkonkludiet (4) li, skont l-aħħar rakkomandazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, il-konsum djetetiku tal-aċidi xaħmin trans għandu jkun baxx kemm jista' jkun.

(7)

Fil-15 ta' Mejju 2018, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa appellat għall-eliminazzjoni tal-aċidi xaħmin trans prodotti industrijalment mill-provvista globali tal-ikel (5).

(8)

Ix-xaħam trans huwa sustanza li mhix vitamini u minerali u li għaliha ġew identifikati effetti dannużi għas-saħħa. Għaldaqstant, jenħtieġ li s-sustanza titqiegħed fil-Parti B tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 u jenħtieġ li ż-żieda tagħha mal-ikel u l-użu tagħha fil-manifattura tal-ikel ikunu permessi biss fil-kundizzjonijiet speċifikati f'dak l-Anness, fid-dawl tal-istat preżenti tal-għarfien xjentifiku u tekniku.

(9)

Id-definizzjonijiet ta' “xaħam” u ta' “xaħam trans” stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta' “bejjiegħ bl-imnut” stabbilita fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jenħtieġ li japplikaw għat-termini rilevanti fil-Parti B tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

(10)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-operaturi tan-negozju tal-ikel li jfornu ikel lil operaturi oħrajn tan-negozju tal-ikel bl-eċċezzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut, jiġu rikjesti li lil dawn jipprovduhom bl-informazzjoni dwar l-ammont ta' xaħam trans, minbarra x-xaħam trans li jinstab b'mod naturali fix-xaħam li joriġina mill-annimali, meta dak l-ammont ikun ikbar minn 2 grammi għal kull 100 gramma ta' xaħam.

(11)

Sabiex l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali xierqa.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kontenut tax-xaħam trans, li mhux xaħam trans li jinstab b'mod naturali fix-xaħam li joriġina mill-annimali, fl-ikel li huwa intiż għall-konsumaturi finali u fl-ikel li huwa intiż għall-forniment lill-bejjiegħa bl-imnut, ma għandux jaqbeż iż-2 grammi għal kull 100 gramma ta' xaħam.

Artikolu 2

L-operaturi tan-negozju tal-ikel li jfornu lil operaturi oħrajn tan-negozju tal-ikel b'ikel li mhuwiex intiż għall-konsumaturi finali jew li mhuwiex intiż għall-forniment lill-bejjiegħa bl-imnut, għandhom jiżguraw li, lill-operaturi tan-negozju tal-ikel, tingħatalhom l-informazzjoni dwar l-ammont ta' xaħam trans, minbarra x-xaħam trans li jinstab b'mod naturali fix-xaħam li joriġina mill-annimali, meta dak l-ammont ikun ikbar minn 2 grammi għal kull 100 gramma ta' xaħam.

Artikolu 3

Il-Parti B tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 hi emendata kif jidher fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ikel li ma jikkonformax ma' dan ir-Regolament jista' jkompli jitqiegħed fis-suq sal-1 ta' April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

(2)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Prodotti Djetetiċi, in-Nutrizzjoni u l-Allerġiji (NDA); Scientific Opinion on Dietary Reference Values for fats, including saturated fatty acids, polyunsaturated fatty acids, monounsaturated fatty acids, trans fatty acids, and cholesterol. EFSA Journal 2010; 8(3):1461.

(3)  COM(2015)619 final tat-3.12.2015.

(4)  EFSA, 2018. Scientific and technical assistance on trans fatty acids. EFSA supporting publication 2018:EN-1433. 16 pp. doi:10.2903/sp.efsa.2018.EN-1433.

(5)  REPLACE — Pakkett ta' azzjoni għall-eliminazzjoni tal-aċidi xaħmin trans prodotti industrijalment, referenza WHO/NMH/NHD/18.4, Mejju 2018.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(7)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).


ANNESS

Fil-Parti B tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, tiddaħħal it-tabella li ġejja:

“PARTI B

Sustanzi ristretti

Sustanza ristretta

Kundizzjonijiet għall-użu

Rekwiżiti addizzjonali

Xaħam trans minbarra x-xaħam trans li jinsab b'mod naturali fix-xaħam li joriġina mill-annimali

Massimu ta' 2 grammi għal kull 100 gramma ta' xaħam fl-ikel intiż għall-konsumaturi finali u fl-ikel intiż għall-forniment lill-bejjiegħa bl-imnut

L-operaturi tan-negozju tal-ikel li jfornu lil operaturi oħrajn tan-negozju tal-ikel b'ikel li mhuwiex intiż għall-konsumaturi finali jew li mhuwiex intiż għall-forniment lill-bejjiegħa bl-imnut, għandhom jiżguraw li, lill-operaturi tan-negozju tal-ikel, tingħatalhom l-informazzjoni dwar l-ammont ta' xaħam trans, minbarra x-xaħam trans li jinstab b'mod naturali fix-xaħam li joriġina mill-annimali, meta dak l-ammont ikun ikbar minn 2 grammi għal kull 100 gramma ta' xaħam.”