25.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/644

tal-15 ta' April 2019

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat għat-trasferiment b'mod preċiż ta' qtajriet ta' likwidu (hekk imsejjaħ “liquid handler”) b'daqs ta' madwar 540 × 680 × 930 mm u piż ta' madwar 128 kg.

L-apparat jikkonsisti minn żewġ mezzi fejn jitqiegħdu l-mikropjastri (pjastra sors u pjastra ta' destinazzjoni), u minn żewġ vireg tad-dejonizzazzjoni u transdjuser tal-ultrasound inkorporati f'qafas kompatt b'LED ta' kontroll, displej żgħir u buttuna ta' emerġenza.

L-apparat jagħmel użu mill-metodu ta' Espulsjoni Akustika tal-Qtajriet (Acoustic Droplet Ejection — ADE), li juża l-enerġija akustika (impulsi ultrasoniċi mmirati) għaċ-ċaqliq ta' volumi baxxi ħafna ta' qtajriet ta' likwidu minn pjastra sors lejn pjastra ta' destinazzjoni invertita bi preċiżjoni u akkuratezza għolja ħafna.

Is-sistema tittrasferixxi qtajriet ta' 2,5 nanolitri f'kull espulsjoni u tippermetti t-trasferiment ta' volumi akbar ta' likwidu. Diversi qtajriet jiġu espulsi mis-sors, sa 500 darba kull sekonda.

L-apparat jintuża fil-preparazzjoni ta' kampjuni fis-siti tal-laboratorji għat-trasferiment ta' volumi speċifiċi ta' reaġenti minn mikropjastra għal oħra.

8479 89 97

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata bir-regoli ġenerali (GIR) 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 8479 , 8479 89 u 8479 89 97 .

L-apparat huwa prodott kompost skont it-tifsira tar-Regoli Ġenerali għall-Interpretazzjoni 3(b) u għandu jiġi kklassifikat skont il-komponent li jagħti l-karattru essenzjali lill-prodott. Minkejja l-fatt li jeħtieġ li jsiru kejl u analiżi sabiex jiġi żgurat dożaġġ preċiż tal-volum ta' likwidu, huwa d-dożaġġ eżatt tal-qtajriet espulsi bl-użu tal-ultrasound li huwa meqjus bħala l-funzjoni li jagħti l-karattru essenzjali lill-apparat.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9026 bħala strumenti u apparat għal kejl jew iċċekkjar ta' ħruġ, livell, pressjoni jew kwantitajiet varjabbli oħra ta' likwidi jew gassijiet hija eskluża, peress li l-kejl u l-analiżi huma funzjonijiet anċillari tal-apparat.

Għalhekk, l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8479 89 97 bħala magni oħrajn u tagħmir mekkaniku, b'funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band'oħra.