25.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/54


REGOLAMENT (UE) 2019/632 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta' mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (2) (“il-Kodiċi”), l-iskambji kollha tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, u l-ħażna tat-tali informazzjoni, għandhom isiru bl-użu ta' tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta.

(2)

Madankollu, il-Kodiċi jippermetti li, matul perjodu tranżitorju, jintużaw mezzi oħrajn għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta msemmija fl-Artikolu 6(1) tiegħu, safejn is-sistemi elettroniċi meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi jkun għadhom mhumiex operattivi. Dak il-perjodu tranżitorju għandu jintemm sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020.

(3)

F'konformità mal-Kodiċi, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżviluppaw, iżommu u jħaddmu sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni doganali u għall-ħażna tagħha, u l-Kummissjoni għandha tfassal programm ta' ħidma dwar l-iżvilupp u l-attivazzjoni ta' dawk is-sistemi elettroniċi.

(4)

Il-Programm ta' Ħidma ġie stabbilit bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 (3). Dan fih lista ta' 17-il sistema elettronika li għandhom jiġu żviluppati għall-applikazzjoni tal-Kodiċi, mill-Istati Membri waħedhom (fil-każ ta' sistemi li jridu jiġu amministrati fil-livell nazzjonali – “sistemi nazzjonali”) jew inkella mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni f'kollaborazzjoni mill-qrib bejniethom (fil-każ ta' sistemi għall-Unjoni kollha, li xi wħud minnhom fihom kemm komponenti tal-Unjoni kollha u kemm komponenti nazzjonali – “sistemi trans-Ewropej”).

(5)

Il-Programm ta' Ħidma jistabbilixxi l-iskeda tal-ippjanar għall-implimentazzjoni ta' dawk is-sistemi nazzjonali u trans-Ewropej.

(6)

It-tranżizzjoni lejn użu komplet tas-sistemi elettroniċi għall-interazzjonijiet bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, u bejn l-awtoritajiet doganali, tippermetti li s-simplifikazzjonijiet previsti fil-Kodiċi jsiru kompletament effettivi, u dan jirriżulta fi skambju mtejjeb ta' informazzjoni bejn l-atturi, reġistrazzjoni aktar effettiva tal-wasla, tat-tranżitu u tal-ħruġ ta' merkanzija, rilaxx doganali ċentralizzat, u kontrolli doganali armonizzati fit-territorju doganali kollu tal-Unjoni, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, il-burokrazija żejda, l-iżbalji u l-frodi fid-dikjarazzjonijiet doganali, u l-għażla opportunistika tal-punt ta' importazzjoni.

(7)

L-istabbiliment ta' sistemi elettroniċi jirrikjedi li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jarmonizzaw l-elementi tad-dejta abbażi ta' mudelli tad-dejta aċċettati b'mod internazzjonali, kif jeżiġi l-Kodiċi, li jagħmlu investimenti, kemm mil-lat tal-ħin, kif ukoll mil-lat tal-flus u, f'ċerti każijiet, li jerġgħu jipprogrammaw għalkollox is-sistemi elettroniċi eżistenti. L-Istati Membri skedaw l-iżvilupp ta' dawk is-sistemi elettroniċi b'mod differenti, u dan wassal għal differenzi fiż-żmien tal-implimentazzjoni ta' dawk is-sistemi madwar l-Unjoni. Minħabba li s-sistemi elettroniċi huma interkonnessi sew bejniethom, huwa importanti li dawn jiddaħħlu fl-ordni t-tajba. Għalhekk, huwa inevitabbli li d-dewmien fl-iżvilupp ta' sistema partikulari jwassal għal dewmien fl-iżvilupp ta' sistemi oħrajn. Il-Kodiċi (inkluża d-data tal-31 ta' Diċembru 2020 bħala d-data meta għandhom jintemmu l-miżuri tranżizzjonali) ġie adottat fl-2013, iżda r-regoli li jissupplimentawh u li jimplimentawh, jiġifieri r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (4), ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 (6), ġew ippubblikati biss fl-2015 u fl-2016. Dan wassal għal dewmien fl-istabbiliment tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi meħtieġa biex jiġu żviluppati s-sistemi elettroniċi.

(8)

Għalkemm l-Artikolu 278 tal-Kodiċi jiffissa data ta' skadenza unika tal-31 ta' Diċembru 2020 għall-attivazzjoni tas-sistemi kollha msemmija f'dak l-Artikolu, u minkejja l-isforzi li saru mill-Unjoni u minn xi wħud mill-Istati Membri f'livelli baġitarji u operattivi biex jitlesta x-xogħol fil-limitu ta' żmien mogħti, sar evidenti li ċerti sistemi se jkunu jistgħu jintużaw biss b'mod parzjali sa dik id-data. Dan jimplika li xi sistemi li kienu jeżistu qabel se jkollhom ikomplu jintużaw wara dik id-data. Fin-nuqqas ta' emendi leġislattivi li jestendu dik l-iskadenza, il-kumpaniji u l-awtoritajiet doganali mhux se jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet u l-obbligi legali tagħhom fir-rigward tal-operazzjonijiet doganali.

(9)

Jenħtieġ li x-xogħol fuq tliet gruppi ta' sistemi jitkompla wara l-31 ta' Diċembru 2020. L-ewwel grupp huwa magħmul minn sistemi elettroniċi nazzjonali kkonċernati minn notifiki tal-wasla, preżentazzjoni, dikjarazzjonijiet tal-ħażna temporanja u dikjarazzjonijiet doganali għall-merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni (inklużi l-Proċeduri Speċjali, bl-eċċezzjoni tal-ipproċessar passiv) li għandhom jiġu aġġornati jew mibnija sabiex jitqiesu ċerti rekwiżiti tal-Kodiċi, bħall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti dwar id-dejta li trid tiddaħħal f'dawk is-sistemi. It-tieni grupp huwa magħmul minn sistemi elettroniċi eżistenti li għandhom jiġu aġġornati sabiex jitqiesu ċerti rekwiżiti tal-Kodiċi, bħall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti dwar id-dejta li trid tiddaħħal fis-sistemi. Dan il-grupp huwa magħmul minn tliet sistemi trans-Ewropej (is-sistema li tittratta d-Dikjarazzjonijiet fil-Qosor tad-Dħul, is-sistema li tittratta t-tranżitu estern u intern, u s-sistema li tittratta l-merkanzija maħruġa mit-territorju doganali tal-Unjoni), u mis-Sistema Nazzjonali tal-Esportazzjoni (fosthom il-komponent tal-esportazzjoni tas-Sistema nazzjonali tal-Proċeduri Speċjali). It-tielet grupp huwa magħmul minn tliet sistemi trans-Ewropej ġodda (is-sistemi marbutin mal-garanziji għal dejn doganali potenzjali jew eżistenti, mal-istatus doganali tal-merkanzija, u mal-iżdoganar ċentralizzat). Fi sħubija mal-Istati Membri, il-Kummissjoni fasslet skeda taż-żmien iddettaljata sabiex dawk is-sistemi jiġu implimentati tul il-perjodu sa tmiem l-2025.

(10)

F'konformità mal-ippjanar il-ġdid għall-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi, il-perjodu stabbilit fil-Kodiċi li matulu jistgħu jintużaw, fuq bażi tranżizzjonali, mezzi oħrajn għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta msemmijin fl-Artikolu 6(1) tiegħu, jista' jittawwal sal-2022 fir-rigward tal-ewwel grupp u sal-2025 fir-rigward tat-tieni u tielet gruppi ta' sistemi elettroniċi.

(11)

Għas-sistemi l-oħrajn li jridu jiġu stabbiliti għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi, jenħtieġ li tibqa' tapplika d-data ġenerali tal-31 ta' Diċembru 2020 għat-tmiem tal-użu tal-mezzi għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta msemmijin fl-Artikolu 6(1) tiegħu.

(12)

Sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jimmonitorjaw l-attivazzjoni tas-sistemi elettroniċi kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi msemmija fl-Artikolu 278 tiegħu, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta regolarment dwar il-progress miksub u dwar l-ilħuq tal-objettivi interim fi ħdan l-iskeda ppjanata. Jenħtieġ li l-Istati Membri, jipprovdu l-informazzjoni xierqa lill-Kummissjoni għal dan il-għan darbtejn fis-sena. Ladarba s-sistemi elettroniċi kollha jkunu operattivi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta jekk dawk is-sistemi humiex adatti għall-iskop permezz ta' kontroll tal-idoneità li għandu jitnieda fi żmien sena mill-ewwel data li fiha dawk is-sistemi jkunu kollha operattivi.

(13)

Għalhekk jenħtieġ li l-Kodiċi jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 952/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 278 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 278

Miżuri tranżitorji

1.   Sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020, il-mezzi għall-iskambju u l-ħażna tal-informazzjoni, għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data msemmijin fl-Artikolu 6(1), jistgħu jintużaw fuq bażi tranżizzjonali meta s-sistemi elettroniċi li jkunu meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu jkun għadhom mhumiex operattivi.

2.   Sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2022, mezzi għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta msemmijin fl-Artikolu 6(1) jistgħu jintużaw fuq bażi tranżizzjonali, meta s-sistemi elettroniċi meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi li ġejjin ikun għadhom mhumiex operattivi:

(a)

id-dispożizzjonijiet dwar in-notifika tal-wasla, dwar il-preżentazzjoni u dwar id-dikjarazzjonijiet tal-ħażna temporanja stabbiliti fl-Artikoli 133, 139, 145 u 146; u

(b)

id-dispożizzjonijiet relatati mad-dikjarazzjoni doganali għal merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikoli 158, 162, 163, 166, 167, 170 sa 174, 201, 240, 250, 254 u 256.

3.   Sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2025, mezzi għajr it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-dejta msemmijin fl-Artikolu 6(1) jistgħu jintużaw fuq bażi tranżizzjonali meta s-sistemi elettroniċi meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi li ġejjin ikun għadhom mhumiex operattivi:

(a)

id-dispożizzjonijiet dwar il-garanziji għal dejn doganali potenzjali jew eżistenti stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 89(2) u fl-Artikolu 89(6);

(b)

id-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u l-analiżi tar-riskju stabbiliti fl-Artikoli 46, 47, 127, 128 u 129;

(c)

id-dispożizzjonijiet dwar l-istatus doganali tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikolu 153(2);

(d)

id-dispożizzjonijiet dwar ir-rilaxx ċentralizzat stabbiliti fl-Artikolu 179;

(e)

id-dispożizzjonijiet dwar it-tranżitu stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 210, fl-Artikolu 215(2) u fl-Artikoli 226, 227, 233 u 234; u

(f)

id-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar passiv, id-dikjarazzjonijiet ta' qabel it-tluq, il-formalitajiet tal-ħruġ tal-merkanzija, l-esportazzjoni tal-merkanzija tal-Unjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid ta' merkanzija mhux tal-Unjoni u d-dikjarazzjonijiet fil-qosor għall-ħruġ ta' merkanzija barra mit-territorju doganali tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikoli 258, 259, 263, 267, 269, 270, 271, 272, 274 u 275.”.

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 278a

Obbligi ta' rappurtar

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2019 u kull sena minn hemm 'il quddiem sad-data meta s-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 278 isiru kompletament operattivi, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-iżvilupp ta' dawk is-sistemi elettroniċi.

2.   Ir-rapport annwali għandu jivvaluta l-progress tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fl-iżvilupp ta' kull waħda mis-sistemi elettroniċi, filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni b'mod partikolari l-istadji importanti li ġejjin:

(a)

id-data tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-komunikazzjoni esterna tas-sistema elettronika;

(b)

il-perjodu tat-testijiet tal-konformità mal-operaturi ekonomiċi; u

(c)

id-dati mistennija u attwali tal-attivazzjoni tas-sistemi elettroniċi.

3.   Jekk il-valutazzjoni turi li l-progress mhuwiex sodisfaċenti, ir-rapport għandu jiddeskrivi wkoll l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni li għandhom jittieħdu biex tiġi żgurata l-attivazzjoni tas-sistemi elettroniċi qabel ma jintemmu l-perjodi tranżizzjonali applikabbli.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, darbtejn fis-sena, tabella aġġornata dwar il-progress tagħhom stess fl-iżvilupp u l-użu tas-sistemi elettroniċi. Il-Kummissjoni għandha tippubblika tali informazzjoni aġġornata fuq is-sit web tagħha.”.

(3)

L-Artikolu 279 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 279

Delega tas-setgħa

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 284, li jispeċifikaw ir-regoli dwar l-iskambju u l-ħażna tad-dejta fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 278.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta' April 2016 li tistabbilixxi Programm ta' Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 99, 15.4.2016, p. 6).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi rilevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1).


Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilqgħu r-Rapport Speċjali Nru 26/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “Bosta dewmien fis-Sistemi tal-IT doganali: x'mar ħażin?” u rapporti rilevanti oħra reċenti fil-qasam tad-dwana, li taw lill-koleġislaturi ħarsa ġenerali aħjar lejn il-kawżi għad-dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT meħtieġa għat-titjib tal-operazzjonijiet doganali fl-UE.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iqisu li kwalunkwe awditu futur mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jivvaluta r-rapporti mħejjija mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 278a tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv biex jiġi evitat aktar dewmien.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu bis-sħiħ dawn l-awditi.