10.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 99/6 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/565
tat-28 ta' Marzu 2019
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2205, ir-Regolament Delegat (UE) 2016/592 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/1178 li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data li fiha l-obbligu tal-ikklirjar jidħol fis-seħħ għal ċerti tipi ta' kuntratti
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati se jieqfu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu. |
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/396 (2) jipprevedi emenda għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 (3), għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/592 (4) u għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1178 (5) fir-rigward tad-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ għal ċerti tipi ta' kuntratti. Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/396, dak ir-Regolament għandu japplika mid-data ta' wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għal u fir-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ ħruġ sa dik id-data jew il-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma jkunx ġie estiż. |
(3) |
Permezz ta' ittra tal-20 ta' Marzu 2019, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni tal-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sat-30 ta' Ġunju 2019, bil-ħsieb li tiġi ffinalizzata r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (6). Fil-21 ta' Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew qabel ma' estensjoni sat-22 ta' Mejju 2019, sakemm il-Ftehim dwar il-Ħruġ jiġi approvat mill-House of Commons fil-ġimgħa ta' wara. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kunsill Ewropew qabel ma' estensjoni sat-12 ta' April 2019. Konsegwentement, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/396 mhux se japplika. |
(4) |
Madankollu, ir-raġunijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2019/396 se jibqgħu, irrispettivament minn kwalunkwe estensjoni tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, ir-riskji għall-funzjonament bla xkiel tas-suq u kundizzjonijiet ekwi bejn il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni se jippersistu fil-każ tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim wara l-perjodu estiż. Dawk ir-riskji huma mistennija li jibqgħu għall-futur prevedibbli. |
(5) |
Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament Delegat (UE) 2015/2205, ir-Regolament Delegat (UE) 2016/592 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/1178 jiġu emendati skont dan. |
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni. |
(7) |
Huwa neċessarju biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet effiċjenti mill-operaturi tas-suq malajr kemm jista' jkun. Għalhekk, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati iżda ma wettqet ebda konsultazzjoni pubblika miftuħa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Għall-istess raġunijiet, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2015/2205
Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 3, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej: “3. Permezz ta' deroga mill-paragrafi 1 u 2, għar-rigward ta' kuntratti li jappartjenu għal klassi ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness, l-obbligu tal-ikklerjar għandu jidħol fis-seħħ 12-il xahar mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(2) |
fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej: “3. Fil-każ ta' kontropartijiet finanzjarji fil-Kategorija 3, u ta' tranżazzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, konklużi bejn kontropartijiet finanzjarji, il-maturità residwa minima li ssir referenza għaliha fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għandha tkun:
|
Artikolu 2
Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2016/592
Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/592 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 3, jiżdied il-paragrafu li ġej: “3. Permezz ta' deroga mill-paragrafi 1 u 2, għar-rigward ta' kuntratti li jappartjenu għal klassi ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness, l-obbligu tal-ikklerjar għandu jidħol fis-seħħ 12-il xahar mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(2) |
fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej: “3. Fil-każ ta' kontropartijiet finanzjarji fil-Kategorija 3, u ta' tranżazzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, konklużi bejn kontropartijiet finanzjarji, il-maturità residwa minima li ssir referenza għaliha fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għandha tkun ta' ħames (5) snin u tliet (3) xhur.”. |
Artikolu 3
Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1178
Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1178 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 3, jiżdied il-paragrafu li ġej: “3. Permezz ta' deroga mill-paragrafi 1 u 2, għar-rigward ta' kuntratti li jappartjenu għal klassi ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness, l-obbligu tal-ikklerjar għandu jidħol fis-seħħ 12-il xahar mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(2) |
fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej: “3. Fil-każ ta' kontropartijiet finanzjarji fil-Kategorija 3, u ta' tranżazzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, konklużi bejn kontropartijiet finanzjarji, il-maturità residwa minima li ssir referenza għaliha fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għandha tkun:
|
Artikolu 4
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mid-data ta' wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Madankollu, dan ir-Regolament ma għandu japplika fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a) |
jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jkun daħal fis-seħħ mid-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu; |
(b) |
tkun ittieħdet deċiżjoni li testendi l-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2019. |
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Marzu 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/396 tad-19 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2205, ir-Regolament Delegat (UE) 2016/592 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/1178 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data li fiha l-obbligu tal-ikklirjar jidħol fis-seħħ għal ċerti tipi ta' kuntratti (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 11).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta' Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 13).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/592 tal-1 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 103, 19.4.2016, p. 5).
(5) Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1178 tal-10 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 195, 20.7.2016, p. 3).
(6) Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).