8.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 97/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/554
tal-5 ta' April 2019
li temenda l-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha,
Billi:
(1) |
Il-punt 8 tal-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE jistabbilixxi l-livell ta' kompetenzi lingwistiċi li jridu jissodisfaw is-sewwieqa tal-ferroviji, sabiex ikunu jistgħu jikkomunikaw b'mod attiv u effettiv f'sitwazzjonijiet ta' rutina, degradati u ta' emerġenza. Barra minn hekk, jagħti l-possibbiltà li s-sewwieqa tal-ferroviji jiġu eżentati mil-livell meħtieġ ta' ħiliet lingwistiċi f'taqsimiet bejn il-fruntieri u l-istazzjonijiet li jinsabu qrib il-fruntieri u identifikati għal operazzjonijiet transkonfinali. Sabiex tittejjeb il-flessibbiltà mingħajr ebda impatt negattiv fuq is-sikurezza, jeħtieġ li jiġi emendat il-punt 8 tal-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE. |
(2) |
Ir-rekwiżiti speċifikati fil-punt 8 tal-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE mhumiex meqjusa bħala l-aktar mezz effettiv biex jiġi żgurat livell għoli ta' sikurezza b'mod li jippermetti t-tħaddim effiċjenti tan-netwerk ferrovjarju. Dan huwa partikolarment minnu f'każ ta' tfixkil fin-netwerk ferrovjarju ta' Stat Membru li jeħtieġ l-użu ta' rotot ta' devjazzjoni li jgħaddu minn Stati Membri ġirien. F'dawk il-każijiet, is-sewwieqa tal-ferroviji b'ħiliet lingwistiċi speċifiċi huma mfittxija f'qasir żmien biex isuqu fuq ir-rotot ta' devjazzjoni, u b'hekk jiżguraw il-kontinwità tal-operazzjonijiet. |
(3) |
Jeħtieġ li jiġu esplorati għażliet alternattivi għar-rekwiżiti lingwistiċi attwali li jippermettu aktar flessibbiltà iżda li jiżguraw tal-anqas livell ekwivalenti ta' sikurezza mar-rekwiżiti attwali. Dawk l-għażliet jistgħu jikkonsistu minn rekwiżiti lingwistiċi aktar immirati (jiġifieri b'enfasi fuq terminoloġija ferrovjarja speċifika), jew f'livell tal-lingwa ġenerali aktar baxx flimkien ma' mezzi alternattivi biex jappoġġaw komunikazzjoni effettiva. Jenħtieġ li dawn jiżguraw komunikazzjoni attiva u effettiva f'sitwazzjonijiet ta' rutina, degradati u ta' emerġenza. |
(4) |
Sabiex jinkisbu riżultati affidabbli dwar l-effettività tal-għażliet alternattivi, jeħtieġ li jiġu ttestjati l-mezzi alternattivi fl-operazzjonijiet ta' kuljum. Għalhekk, jenħtieġ li l-impatt ta' dawk l-għażliet alternattivi jiġi eżaminat f'kundizzjonijiet reali fil-qafas ta' proġetti pilota mwettqa f'żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, jenħtieġ li l-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji jwettqu proġetti pilota bl-użu ta' mezzi alternattivi u li jinvolvu sewwieqa tal-ferroviji li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 8 tal-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE. Jekk l-ewwel fażi ta' dawk il-proġetti pilota turi li l-mezzi alternattivi jikkumplimentaw b'mod effettiv il-ħiliet lingwistiċi tas-sewwieq, allura jenħtieġ li t-tieni fażi tal-proġetti pilota titwettaq b'sewwieqa tal-ferroviji li għandhom livell aktar baxx ta' ħiliet lingwistiċi minn dak meħtieġ fil-punt 8 tal-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE u bl-użu tal-mezzi alternattivi li ntwerew li kienu effettivi fl-ewwel fażi. Jenħtieġ li tintalab deroga b'mod konġunt mill-impriża ferrovjarja u mill-amministratur tal-infrastruttura lill-Kummissjoni sabiex titwettaq it-tieni fażi. |
(5) |
Fil-proċess tat-tressiq u l-valutazzjoni tat-talbiet għal deroga kif ukoll fit-twettiq tal-proġetti pilota, jenħtieġ li jiġu ċċarati r-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-partijiet kollha involuti, bħalma huma l-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji. |
(6) |
L-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza huwa kruċjali fil-proċess tal-preżentazzjoni tat-talbiet għal deroga. Jenħtieġ li l-opinjoni pożittiva tagħhom takkumpanja l-applikazzjoni mressqa b'mod konġunt mill-impriża ferrovjarja u l-maniġer tal-infrastruttura. |
(7) |
It-tħejjija u l-valutazzjoni tal-impatti tal-proġetti pilota previsti jeħtieġu ż-żmien. Madankollu, jeħtieġ li mill-aktar fis possibbli jkun hemm bażi legali/ġustifikazzjoni għal aktar flessibbiltà fir-rigward tar-rekwiżiti lingwistiċi, sabiex il-proġetti pilota jitwettqu malajr kemm jista' jkun bil-għan li jitħejjew għall-interruzzjonijiet possibbli fuq in-netwerk ferrovjarju tal-UE. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li r-regoli l-ġodda jkunu applikabbli mingħajr il-ħtieġa ta' traspożizzjoni ulterjuri mill-Istati Membri. |
(8) |
Il-punt 8 tal-Anness VI jikkonsisti minn sett awtonomu ta' regoli li jistgħu jinftiehmu mingħajr ma ssir referenza għal partijiet oħra ta' dak l-Anness jew għad-Direttiva 2007/59/KE. Għalhekk, jenħtieġ li dan l-att emendatorju jistpula regoli direttament applikabbli. |
(9) |
Għal raġunijiet ta' ċarezza, jenħtieġ li jiġi sostitwit l-punt 8 kollu kemm hu, għalkemm l-emendi ma jikkonċernawx il-punt kollu. |
(10) |
Għall-persunal li jwettaq kompiti kritiċi għas-sikurezza li jinvolvu interfaċċa diretta bejn impriża ferrovjarja u maniġer tal-infrastruttura, il-kwalifiki professjonali u l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma ddefiniti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE (2). Ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2012/757/UE huma komplementari ma' dawk stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE. |
(11) |
Skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2007/59/KE, ġew ikkonsultati l-korpi rappreżentati fi ħdan il-Kumitat għad-Djalogu Soċjali Ewropew għas-settur ferrovjarju. |
(12) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2007/59/KE, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-punt 8 tal-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:
“8. LINGWA
(1) |
Is-sewwieqa li jridu jikkomunikaw mal-amministratur tal-infrastruttura dwar kwistjonijiet essenzjali ta' sigurtà għandu jkollhom il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa mill-inqas f'waħda mill-lingwi indikati mill-amministratur tal-infrastruttura kkonċernat. Il-ħiliet lingwistiċi tagħhom iridu jkunu tali li jistgħu jikkomunikaw b'mod attiv u effettiv f'sitwazzjonijiet ta' rutina, dawk degradati u ta' emerġenza. Huma jridu jkunu kapaċi jużaw il-messaġġi u l-metodu ta' komunikazzjoni speċifikati fit-TSI tal-“Operat u l-Ġestjoni tat-Traffiku”. |
(2) |
Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fil-punt 1, is-sewwieqa jridu jkunu kapaċi jifhmu (kemm bil-fomm kif ukoll mill-qari) u jikkomunikaw (kemm mit-taħdit u kif ukoll mill-kitba) fil-livell B1 tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (QKERL) kif stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa. |
(3) |
Fil-każ li l-operazzjonijiet transkonfinali jseħħu f'taqsimiet bejn il-fruntieri u l-istazzjonijiet li jinsabu qrib il-fruntieri u li huma identifikati bħala stazzjonijiet fejn isiru operazzjonijiet transkonfinali, is-sewwieqa ta' ferroviji mħaddma minn impriża ferrovjarja jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-paragrafu 2 mill-amministratur tal-infrastruttura, diment li tiġi applikata l-proċedura li ġejja:
|
(4) |
Impriża ferrovjarja waħda jew aktar b'kooperazzjoni ma' maniġer tal-infrastruttura wieħed jew aktar (“l-applikanti”) tista' twettaq proġetti pilota biex tittestja mezzi alternattivi biex tkun żgurata l-komunikazzjoni effettiva meħtieġa mill-paragrafu 1. Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:
|
(5) |
Il-Kummissjoni għandha, fi żmien 60 jum wara li tirċievi applikazzjoni kompleta, tagħti deroga mill-paragrafu 2:
Fil-każ ta' opinjonijiet diverġenti, jew ta' nuqqas min-naħa ta' entità awtorizzanti waħda jew aktar li tagħti opinjoni fil-limitu ta' żmien preskritt, l-applikanti jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni aċċettabbli b'mod reċiproku, f'kooperazzjoni mal-partijiet involuti. Jekk ma tkun tista' tinstab l-ebda soluzzjoni aċċettabbli b'mod reċiproku fi żmien 90 jum wara li tkun irċeviet talba għal deroga, il-proġett pilota għandu jitqies li ġie rrifjutat. Il-Kummissjoni tista' titlob l-opinjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, u għandha tagħmel dan meta l-opinjoni ta' kull entità awtorizzanti tkun negattiva. |
(6) |
Id-deroga għandha tingħata għal perjodu limitat ta' żmien u ma għandhiex taqbeż is-36 xahar. Meta d-deroga tkun ingħatat għal perjodu iqsar ta' żmien, din tista' tiġġedded sakemm ma jinqabiżx il-perjodu totali ta' 36 xahar. |
(7) |
Wara talba mill-impriżi ferrovjarji interessati u meta jkun iġġustifikat, maniġer tal-infrastruttura għandu joffri lill-impriżi ferrovjarji l-oħrajn li jużaw taqsima tan-netwerk li fuqha jkun għaddej proġett pilota, il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proġett pilota soġġett għal opinjoni pożittiva mill-entitajiet awtorizzanti kkonċernati. Din il-parteċipazzjoni addizzjonali għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni mill-amministratur tal-infrastruttura.
F'każ ta' bidliet fl-ambitu tal-proġetti pilota, b'mod partikolari l-parti tan-netwerk li fih jitwettaq il-proġett, il-kompetenzi lingwistiċi alternattivi u l-għodod addizzjonali użati għall-komunikazzjoni, għandha tapplika l-proċedura deskritta fil-punt (4). |
(8) |
L-impriża ferrovjarja u l-maniġer tal-infrastruttura għandhom jiżguraw li l-operazzjoni tal-proġett pilota tkun dokumentata kif xieraq fis-sistemi tagħhom tal-ġestjoni tas-sikurezza. Għandhom jinżammu reġistri għal 24 xahar wara t-tmiem tal-proġett pilota, b'mod partikolari rigward il-persunal involut, it-taħriġ li rċevew, is-servizzi operati u kwalunkwe kwistjoni li setgħet inqalgħet matul il-proġett pilota. Is-sewwieqa tal-ferroviji kkonċernati għandu jkollhom l-informazzjoni rilevanti inkluża fiċ-ċertifikati komplementari tagħhom. |
(9) |
Wara t-tmiem ta' kull proġett pilota, l-impriża/i ferrovjarja/i u l-maniġer(s) tal-infrastruttura involuti għandhom jirrapportaw lill-entitajiet awtorizzanti kkonċernati. Meta t-tul ta' żmien ta' deroga jaqbeż sena, l-impriża/i ferrovjarja/i u l-maniġer(s) tal-infrastruttura għandhom jirrapportaw fuq bażi annwali fir-rapporti annwali tagħhom dwar is-sikurezza skont l-Artikolu 9(6) tad-Direttiva (UE) 2016/798. L-awtoritajiet tas-sikurezza nazzjonali kkonċernati għandhom jirrappurtaw ir-riżultati tal-proġetti pilota fir-rapporti annwali tagħhom skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2016/798. Abbażi ta' qafas komuni għall-valutazzjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji għandha tanalizza r-riżultati tal-proġetti pilota u tissottometti rapport lill-Kummissjoni. |
(10) |
Il-Kummissjoni tista' tissospendi d-deroga mogħtija jekk tqis li l-kundizzjonijiet ma jkunux qed jiġu ssodisfati aktar, jew meta jinqala' xi tħassib dwar is-sikurezza. Awtorità nazzjonali tas-sikurezza, impriża ferrovjarja jew maniġer tal-infrastruttura għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni f'każ li jinqala' xi tħassib dwar is-sikurezza. |
(11) |
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista ta' proġetti pilota awtorizzati mill-Kummissjoni, inkluża deskrizzjoni qasira tal-proġett u l-perjodu li għalih ikun ġie awtorizzat, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, bħat-twaqqif jew is-sospensjoni tal-proġetti. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta' April 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta' l-operat u l-immaniġġjar tat-traffiku tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li temenda d-Deċiżjoni 2007/756/KE (ĠU L 345, 15.12.2012, p. 1), li kienet emendata l-aħħar bir-Regolament (UE) 2015/995 (ĠU L 165, 30.6.2015, p. 1)..