|
3.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 94/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/542
tat-2 ta' April 2019
li jdaħħal isem fir-reġistru ta' denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti “ស្ករត្នោតកំពង់ស្ពឺ” (Skor Thnot Kampong Speu) (IĠP)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(3)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F'konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, fit-3 ta' Ottubru 2017 it-talba mill-Kambodja għar-reġistrazzjoni tal-isem “ស្ករត្នោតកំពង់ស្ពឺ” (Skor Thnot Kampong Speu) bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Fit-22 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta' oppożizzjoni u dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni marbuta miegħu mingħand il-kumpanija taz-zokkor Sucre Suisse SA, ibbażata fl-Iżvizzera. Fid-9 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni għaddiet lill-Kambodja l-avviż ta' oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni li ressqet il-kumpanija Sucre Suisse SA. |
|
(3) |
Fit-3 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni rċeviet ukoll avviż ta' oppożizzjoni u dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni marbuta miegħu mingħand il-Belġju. Fid-9 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni għaddiet lill-Kambodja l-avviż ta' oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni li ressaq il-Belġju. Fit-8 ta' Marzu 2018, il-Belġju għarraf lill-Kummissjoni li kien qed jirtira l-oppożizzjoni tiegħu għat-talba għar-reġistrazzjoni tal-isem “ស្ករត្នោតកំពង់ស្ពឺ” (Skor Thnot Kampong Speu). |
|
(4) |
Il-kumpanija Sucre Suisse SA opponiet ir-reġistrazzjoni tal-isem “ស្ករត្នោតកំពង់ស្ពឺ” (Skor Thnot Kampong Speu) għaliex id-deskrizzjoni tal-prodott “zokkor tal-palm” mhijiex speċifika u l-prodott ma jissodisfax id-definizzjoni taz-zokkor stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/111/KE (3) li għandha x'taqsam ma' ċerti tipi ta' zokkor maħsuba għall-konsum mill-bniedem. |
|
(5) |
Billi l-Kummissjoni sabet li t-tali oppożizzjoni hija ammissibbli, f'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, hija stiednet lill-Kambodja u lill-kumpanija Sucre Suisse SA, permezz ta' ittra tat-3 ta' April 2018, jibdew konsultazzjonijiet xierqa bejniethom għal perjodu ta' tliet xhur sabiex jippruvaw jilħqu ftehim bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom. |
|
(6) |
Fid-29 ta' Ġunju 2018, il-Kambodja talbet li tittawwal l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet. Skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet bi tliet xhur oħra li bdew fl-4 ta' Lulju 2018. |
|
(7) |
Wara l-konsultazzjonijiet, intlaħaq qbil bejn il-partijiet interessati. Il-Kambodja bagħtet ir-riżultati tal-ftehim lill-Kummissjoni fit-3 ta' Ottubru 2018. |
|
(8) |
Il-Kambodja u l-kumpanija Sucre Suisse SA qablu li ma hemmx bżonn jiġi mmodifikat id-Dokument Uniku ppubblikat skont l-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Il-partijiet interessati jqisu li huwa siewi wkoll li jiċċaraw x'inhu l-prodott “ស្ករត្នោតកំពង់ស្ពឺ” (Skor Thnot Kampong Speu) billi jistqarru li “Il-prodott “Skor Thnot Kampong Speu” huwa zokkor li ġej mis-siġar tal-palm. Iz-zokkor tal-palm mhuwiex iddefinit fid-Direttiva 2001/111/KE li għandha x'taqsam ma' ċerti tipi ta' zokkor maħsuba għall-konsum mill-bniedem, iżda jista' jiġi kkummerċjalizzat fl-UE soġġett għar-rekwiżiti legali ġenerali. Iz-zokkor tal-palm ilu s-sekli jintuża għall-konsum mill-bniedem mad-dinja kollha.” |
|
(9) |
Billi l-ftehim huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u mal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-kontenut tal-ftehim konkluż bejn il-Kambodja u l-kumpanija Sucre Suisse SA jenħtieġ li jitqies. |
|
(10) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-isem “ស្ករត្នោតកំពង់ស្ពឺ” (Skor Thnot Kampong Speu) jenħtieġ li jiddaħħal fir-reġistru ta' denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-isem “ស្ករត្នោតកំពង់ស្ពឺ” (Skor Thnot Kampong Speu) b'dan huwa rreġistrat.
L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott tal-Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar eċċ.), imsemmija fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (4).
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' April 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU C 331, 3.10.2017, p. 8.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/111/KE tal-20 ta' Diċembru 2001 li għandha x'taqsam ma' ċerti tipi ta' zokkor maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 53).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).