27.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 85/49


REGOLAMENT (UE) 2019/502 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Marzu 2019

dwar regoli komuni biex tiġi żgurata konnettività bażika fit-trasport bl-ajru fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati se jieqfu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew jekk dan ma jintlaħaqx, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistipula l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja operattiva tal-Unjoni lit-trasportaturi tal-ajru u jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-ajru intra-UE.

(3)

Fin-nuqqas ta' xi dispożizzjonijiet speċjali, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jtemm id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-aċċess għas-suq kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, sa fejn jikkonċerna r-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u s-27 Stat Membru li jibqgħu fl-Unjoni.

(4)

Għalhekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit sett temporanju ta' miżuri li jippermettu lit-trasportaturi b'liċenzja fir-Renju Unit jipprovdu servizzi tat-trasport bl-ajru bejn it-territorju tar-Renju Unit u s-27 Stat Membru li jibqgħu fl-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat ekwilibriju kif suppost bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri li jibqgħu fl-Unjoni, jenħtieġ li d-drittijiet li jingħataw ikunu kundizzjonati fuq l-għoti ta' drittijiet ekwivalenti mir-Renju Unit lit-trasportaturi tal-ajru b'liċenzja fl-Unjoni u jkunu soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet li jiżguraw kompetizzjoni ġusta.

(5)

Sabiex jiġi rifless il-karattru temporanju tiegħu, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tkun limitata għal perjodu qasir ta' żmien, mingħajr preġudizzju għan-negozjar possibbli u għad-dħul fis-seħħ ta' ftehim fil-ġejjieni li jkopri l-ftehim dwar il-provvista ta' servizzi tal-ajru mar-Renju Unit li fiha l-Unjoni tagħmel parti. Il-Kummissjoni għandha tingħata, fuq ir-rakkomandazzjoni tagħha u malajr kemm jista' jkun, awtorizzazzjoni biex tinnegozja ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru mar-Renju Unit. Jenħtieġ li tali ftehim jiġi nnegozjat u konkluż mingħajr dewmien.

(6)

Sabiex jinżammu livelli ta' konnettività li jkunu ta' benefiċċju reċiproku, jenħtieġ li jiġu previsti arranġamenti kooperattivi ta' kummerċjalizzazzjoni, bħall-kondiviżjoni ta' kodiċi, kemm għal trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit kif ukoll għal trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni skont il-prinċipju ta' reċiproċità.

(7)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u uniċi li jeħtieġu l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u skont it-Trattati, huwa xieraq li l-Unjoni teżerċita b'mod temporanju l-kompetenza kondiviża rilevanti mogħtija lilha mit-Trattati. Madankollu, kwalunkwe effett ta' dan ir-Regolament dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkun strettament limitat fiż-żmien. Il-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni jenħtieġ li għaldaqstant tkun eżerċitata biss b'rispett għall-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. B'hekk, il-kompetenza kondiviża hekk eżerċitata se tieqaf tkun eżerċitata mill-Unjoni hekk kif dan ir-Regolament jieqaf japplika. Skont l-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, għalhekk, se jerġgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom minn dak il-mument. Barra minn hekk, ta' min ifakkar li, kif stabbilit fil-Protokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju ta' kompetenzi kondiviżi anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-ambitu tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f'dan ir-Regolament ikopri biss dawk l-elementi regolati minn dan ir-Regolament u ma jkoprix il-qasam kollu. Il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali fil-qasam tat-trasport bl-ajru għandhom jiġu determinati skont it-Trattati u jqisu l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

(8)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, sabiex jinżammu liċenzji operattivi validi, it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni għandhom jikkonformaw il-ħin kollu mar-rekwiżiti ta' sjieda u kontroll stabbiliti f'dak ir-Regolament. F'każ li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jseħħ mingħajr il-ftehim dwar il-ħruġ, uħud mit-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni x'aktarx li jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jikkonformaw ma' dawk ir-rekwiżiti sa mid-data tal-ħruġ. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta' kontinġenza. Skont il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' proporzjonalità, dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju biex jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw mill-ħruġ diżordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni. Fid-dawl tal-istess prinċipji, huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu monitoraġġ mill-qrib tal-progress lejn il-konformità mar-rekwiżiti ta' sjieda u kontroll u li l-liċenzja operattiva tiġi rtirata, fejn dan ikun iġġustifikat. Sabiex jiġi evitat waqfien f'daqqa tal-operazzjonijiet u b'mod partikolari jkunu jistgħu jiġu ripatrijati l-passiġġieri affettwati, ir-revoka ta' liċenzja operattiva li ma tikkonformax, f'każ li ma jkun ippreżentat ebda pjan adegwat għal azzjoni ta' rimedju, jenħtieġ li tkun effettiva ġimagħtejn wara d-deċiżjoni tad-deċiżjoni ta' revoka.

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jimpedixxix lill-Istati Membri milli joħorġu awtorizzazzjonijiet għat-tħaddim tas-servizzi tal-ajru skedati minn trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilhom mir-Renju Unit, bħal f'sitwazzjonijiet li jseħħu fil-kuntest ta' ftehimiet internazzjonali. Fir-rigward ta' dawk l-awtorizzazzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jiddiskriminawx bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni.

(10)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jsolvu l-problemi li jistgħu jaffettwaw l-iskemi eżistenti ta' distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. B'mod partikolari, jenħtieġ li jittieħdu miżuri adatti sabiex tkun żgurata konformità sħiħa ma' dawn l-iskemi u, kemm jista' jkun possibbli, jipprovdu għal tranżizzjoni b'mod ordnat sabiex jiġi evitat tfixkil għall-passiġġieri u l-kumpaniji fl-Unjoni.

(11)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta' miżuri biex jiġi ggarantit livell ġust ta' reċiproċità bejn id-drittijiet mogħtija b'mod unilaterali mill-Unjoni u mir-Renju Unit lit-trasportaturi tal-ajru ta' xulxin, u biex jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni jkunu jistgħu jikkompetu mat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit b'kundizzjonijiet ġusti fil-provvista ta' servizzi tal-ajru. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Minħabba l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-konnettività fit-trasport tal-ajru tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-proċedura ta' eżami tintuża għall-adozzjoni ta' dawk il-miżuri. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli fejn, f'każijiet debitament ġustifikati, dawn ikunu meħtieġa minħabba raġunijiet imperattivi ta' urġenza. Tali każijiet debitament ġustifikati jistgħu jikkonċernaw dawk il-każijiet fejn ir-Renju Unit jonqos milli jagħti drittijiet ekwivalenti lit-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u b'hekk jikkawża żbilanċ evidenti, jew fejn kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni inqas favorevoli minn dawk li jgawdu t-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit fil-provvista tas-servizzi tat-trasport bl-ajru koperti minn dan ir-Regolament jheddu l-vijabbiltà ekonomika tal-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni.

(12)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi miżuri proviżorji li jirregolaw it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni u r-Renju Unit f'każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar il-ħruġ, ma jkunx jista' jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(13)

Ġibiltà mhijiex inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta' dan ir-Regolament u kwalunkwe referenza għar-Renju Unit fih ma jinkludix lil Ġibiltà.

(14)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni legali tar-Renju ta' Spanja fir-rigward tas-sovranità fuq it-territorju li fih jinsab l-ajruport ta' Ġibiltà.

(15)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza u jenħtieġ li japplikaw, fi prinċipju, mill-għada tal-jum meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit sakemm ma jidħolx fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-proċeduri amministrattivi meħtieġa minn kmieni kemm jista' jkun, jenħtieġ li ċerti dispożizzjonijiet japplikaw mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sett temporanju ta' miżuri li jirregolaw it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“ir-Renju Unit”) wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.

Artikolu 2

Eżerċizzju tal-kompetenza

1.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandu jkun limitat għall-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif definit fl-Artikolu 16(4). Wara t-tmiem ta' dan il-perjodu, l-Unjoni għandha tieqaf minnufih milli teżerċita dik il-kompetenza, u l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom skont l-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet tat-traffiku fi kwalunkwe negozjati, kemm attwali kif ukoll futuri, iffirmar, jew konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali relatati mas-servizzi tal-ajru ma' kwalunkwe pajjiż terz ieħor, u mar-Renju Unit, fir-rigward tal-perjodu wara li dan ir-Regolament ma jibqax japplika.

3.   L-eżerċizzju tal-kompetenza mill-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 jkopri biss l-elementi regolati minn dan ir-Regolament.

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tat-trasport bl-ajru fir-rigward ta' elementi li mhumiex dawk regolati minn dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“trasport bl-ajru” tfisser it-trasport b'inġenji tal-ajru ta' passiġġieri, ta' bagalji, ta' merkanzija, u ta' posta, b'mod separat jew ikkombinat, offrut lill-pubbliku għal remunerazzjoni jew b'kiri, inklużi servizzi tal-ajru skedati u mhux skedati;

2.

“trasport internazzjonali bl-ajru” tfisser it-trasport bl-ajru li jgħaddi mill-ispazju tal-ajru fuq it-territorju ta' iktar minn Stat wieħed;

3.

“trasportatur tal-ajru tal-Unjoni” tfisser trasportatur tal-ajru b'liċenzja operattiva valida mogħtija minn awtorità kompetenti għall-għoti tal-liċenzji skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008;

4.

“trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit” tfisser trasportatur tal-ajru:

(a)

li jkollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu fir-Renju Unit; u

(b)

li jissodisfa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ir-Renju Unit u/jew ċittadini tar-Renju Unit ikunu s-sidien ta' iktar minn 50 % tal-impriża u jkollhom il-kontroll effettiv tagħha, b'mod dirett jew indirett, permezz ta' impriża intermedjarja waħda jew iktar; jew

(ii)

l-Istati Membri tal-Unjoni u/jew ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u/jew Stati Membri oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea u/jew ċittadini ta' tali Stati, fi kwalunkwe kombinazzjoni, kemm jekk waħedhom kif ukoll jekk flimkien mar-Renju Unit u/jew ma' ċittadini tar-Renju Unit, ikunu s-sidien ta' iktar minn 50 % tal-impriża u jkollhom il-kontroll effettiv tagħha, b'mod dirett jew indirett, permezz ta' impriża intermedjarja waħda jew iktar;

(c)

fil-każ imsemmi fil-punt (b)(ii), kellu liċenzja operattiva valida skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 fil-jum qabel l-ewwel jum ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2);

5.

“kontroll effettiv” tfisser relazzjoni kostitwita minn drittijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezz ieħor li, b'mod separat jew konġunt u b'kont meħud tal-fatti jew il-liġi involuti, jagħtu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata, b'mod dirett jew indirett, influwenza deċiżiva fuq impriża, b'mod partikolari permezz:

(a)

tad-dritt li jintużaw l-assi kollha ta' impriża jew parti minnhom;

(b)

ta' drittijiet jew kuntratti li jagħtu influwenza deċiżiva lill-kompożizzjoni, lill-votazzjoni jew lid-deċiżjonijiet tal-korpi ta' impriża jew b'mod ieħor ikollhom influwenza deċiżiva fuq it-tmexxija tan-negozju tal-impriża;

6.

“liġi tal-kompetizzjoni” tfisser il-liġi li tindirizza l-imġiba li ġejja, fejn jaf taffettwa s-servizzi tat-trasport bl-ajru:

(a)

l-imġiba li tikkonsisti minn:

(i)

ftehimiet bejn trasportaturi tal-ajru, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' trasportaturi tal-ajru u prattiki miftiehma li jkollhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(ii)

abbużi li jsiru minn trasportatur tal-ajru wieħed jew iktar ta' pożizzjoni dominanti;

(iii)

miżuri meħuda jew miżmuma fis-seħħ mir-Renju Unit f'każ ta' impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom ir-Renju Unit jagħti drittijiet speċjali jew esklużivi u li jmorru kontra l-punti (i) jew (ii); u

(b)

konċentrazzjonijiet bejn trasportaturi tal-ajru li jimpedixxu b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, b'mod partikolari bħala riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti;

7.

“sussidju” tfisser kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lil trasportatur tal-ajru jew lil ajruport mill-gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku ieħor fi kwalunkwe livell, li tagħti benefiċċju, u li tinkludi:

(a)

it-trasferiment dirett ta' fondi, bħal għotjiet, self jew infużjoni ta' ekwità, it-trasferiment dirett potenzjali ta' fondi, l-assunzjoni ta' obbligazzjonijiet, bħal garanziji għal self, l-injezzjonijiet ta' kapital, is-sjieda, il-protezzjoni kontra l-falliment, jew l-assigurazzjoni;

(b)

ir-rinunzja jew in-nuqqas ta' ġbir ta' introjtu li suppost kien dovut;

(c)

il-provvista ta' oġġetti jew ta' servizzi għajr l-infrastruttura ġenerali, jew ix-xiri ta' oġġetti jew ta' servizzi; jew

(d)

it-twettiq ta' pagamenti f'mekkaniżmu ta' finanzjament jew l-għoti tal-inkarigu jew ta' direzzjoni lil korp privat biex iwettaq xi funzjoni jew iktar mill-funzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) li normalment ikunu r-responsabbiltà tal-gvern jew ta' korp pubbliku ieħor u l-prattika fl-ebda sens reali ma tvarja minn prattiki li normalment jiġu segwiti mill-gvernijiet;

L-ebda benefiċċju ma jitqies li jingħata minn kontribuzzjoni finanzjarja li ssir minn gvern jew minn korp pubbliku ieħor li kieku operatur tas-suq privat xprunat unikament minn prospetti li jwasslulu profitt, fl-istess sitwazzjoni bħall-korp pubbliku inkwistjoni, kellu jagħmel l-istess kontribuzzjoni finanzjarja;

8.

“awtorità tal-kompetizzjoni indipendenti” tfisser awtorità li tkun responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni, kif ukoll għall-kontroll tas-sussidji, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-awtorità tkun operattivament indipendenti u tkun mgħammra b'mod xieraq bir-riżorsi meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha;

(b)

fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, l-awtorità jkollha l-garanziji meħtieġa ta' indipendenza minn influwenza politika jew minn influwenza esterna oħra u taġixxi b'mod imparzjali; u

(c)

id-deċiżjonijiet tal-awtorità jkunu soġġetti għal rieżami ġudizzjarju;

9.

“diskriminazzjoni” tfisser differenzjazzjoni ta' kwalunkwe tip mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva fir-rigward tal-provvista ta' oġġetti u ta' servizzi, inklużi servizzi pubbliċi, fir-rigward tal-operat tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, jew fir-rigward tat-trattament tagħhom minn awtoritajiet pubbliċi rilevanti għal tali servizzi;

10.

“servizz tat-trasport bl-ajru skedat” tfisser sensiela ta' titjiriet li jkollhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

fuq kull titjira jkunu disponibbli postijiet u/jew kapaċità tat-trasport tal-merkanzija u/jew tal-posta għal xiri individwali mill-pubbliku (kemm jekk direttament mit-trasportatur tal-ajru kif ukoll jekk mill-aġenti awtorizzati tiegħu);

(b)

l-operat tiegħu jkun jaqdi t-traffiku bejn l-istess żewġ ajruporti jew iktar, jew:

(i)

skont skeda ppubblikata, jew

(ii)

b'titjiriet li tant ikunu regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu sensiela sistematika rikonoxxibbli;

11.

“servizz tat-trasport bl-ajru mhux skedat” tfisser servizz kummerċjali tat-trasport bl-ajru li jitwettaq għajr bħala servizz tal-ajru skedat;

12.

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorju fuq l-art, l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawk it-Trattati, u l-ispazju tal-ajru fuqhom;

13.

“territorju tar-Renju Unit” tfisser it-territorju fuq l-art, l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali tar-Renju Unit u l-ispazju tal-ajru fuqhom;

14.

“Konvenzjoni ta' Chicago” tfisser il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f'Chicago fis-7 ta' Diċembru 1944.

Artikolu 4

Drittijiet tat-traffiku

1.   It-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, jistgħu:

(a)

itiru fuq it-territorju tal-Unjoni mingħajr ma jinżlu l-art;

(b)

jagħmlu waqfiet fit-territorju tal-Unjoni għal finijiet mhux tat-traffiku, fis-sens tal-Konvenzjoni ta' Chicago;

(c)

iwettqu servizzi internazzjonali tat-trasport bl-ajru skedati u mhux skedati għal passiġġieri, għal kombinazzjoni ta' passiġġieri u merkanzija u servizzi biss ta' trasport tal-merkanzija bejn kwalunkwe żewġ punti, fejn wieħed minnhom ikun jinsab fit-territorju tar-Renju Unit u l-ieħor ikun jinsab fit-territorju tal-Unjoni;

(d)

għal massimu ta' ħames xhur mill-ewwel jum ta' applikazzjoni stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2), iwettqu servizzi internazzjonali tat-trasport bl-ajru skedati u mhux skedati għas-servizzi kollha ta' merkanzija bejn kwalunkwe żewġ punti li minnhom wieħed ikun jinsab fit-territorju tal-Unjoni u l-ieħor ikun jinsab fit-territorju ta' pajjiż terz, bħala parti minn servizz li l-oriġini jew id-destinazzjoni tiegħu tkun fit-territorju tar-Renju Unit. Il-kapaċità staġonali totali li trid tiġi pprovduta mit-trasportaturi tar-Renju Unit għal dawk is-servizzi ma għandhiex teċċedi n-numru totali ta' frekwenzi operati minn dawk it-trasportaturi għal dawk is-servizzi matul l-istaġuni tax-xitwa u tas-sajf tal-IATA tal-2018, rispettivament, pro rata temporis;

(e)

għal massimu ta' seba' xhur mill-ewwel jum ta' applikazzjoni stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2), ikomplu jipprovdu servizzi tal-ajru skedati fuq rotot soġġetti għal obbligi ta' servizz pubbliku fejn id-dritt għall-operat ikun ingħata skont l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u soġġetti għall-konformità mal-kundizzjonijiet għal dawk is-servizzi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

2.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-perjodu msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1 biex jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jiżguraw li s-servizzi pubbliċi kkunsidrati meħtieġa jitkomplew wara li jiskadi dak il-perjodu, skont l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

3.   L-Istati Membri la għandhom jinnegozjaw u lanqas jidħlu fi kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali mar-Renju Unit fir-rigward ta' kwistjonijiet li huma parti mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-perjodu li matulu japplika dan ir-Regolament. Fir-rigward ta' dak il-perjodu, huma lanqas ma għandhom jagħtu lil trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, b'konnessjoni mat-trasport bl-ajru, kwalunkwe dritt għajr dawk mogħtija minn dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Arranġamenti kooperattivi ta' kummerċjalizzazzjoni

1.   Jistgħu jingħataw servizzi tat-trasport bl-ajru skont l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament taħt arranġamenti kooperattivi ta' kummerċjalizzazzjoni, bħal arranġamenti ta' spazju magħluq jew arranġamenti ta' kondiviżjoni ta' kodiċi, kif ġej:

(a)

it-trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit jista' jaġixxi bħala t-trasportatur ta' kummerċjalizzazzjoni, ma' kwalunkwe trasportatur operattiv li jkun trasportatur tal-ajru tal-Unjoni jew trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit, jew ma' kwalunkwe trasportatur operattiv ta' pajjiż terz li, taħt il-liġi tal-Unjoni jew, kif applikabbli, taħt il-liġi tal-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati, igawdi d-drittijiet tat-traffiku meħtieġa kif ukoll id-dritt għat-trasportaturi tiegħu li jeżerċitaw dawk id-drittijiet permezz tal-arranġament inkwistjoni.

(b)

it-trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit jista' jaġixxi bħala t-trasportatur operattiv, ma' kwalunkwe trasportatur ta' kummerċjalizzazzjoni li jkun trasportatur tal-ajru tal-Unjoni jew trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit, jew ma' kwalunkwe trasportatur ta' kummerċjalizzazzjoni ta' pajjiż terz li, taħt il-liġi tal-Unjoni jew, kif applikabbli, taħt il-liġi tal-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati, igawdi d-drittijiet meħtieġa għar-rotot kif ukoll id-dritt għat-trasportaturi tiegħu li jeżerċitaw dawk id-drittijiet permezz tal-arranġament inkwistjoni.

2.   Rikors għal arranġamenti kooperattivi ta' kummerċjalizzazzjoni, kemm jekk bħala trasportatur operattiv kif ukoll bħala trasportatur ta' kummerċjalizzazzjoni, fl-ebda każ ma għandu jippermetti lil trasportatur bl-ajru tar-Renju Unit jeżerċita drittijiet oħra għajr dawk previsti fl-Artikolu 4(1).

3.   Id-drittijiet mogħtija lit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit taħt il-paragrafu 1 fl-ebda każ ma għandhom jiġu interpretati b'mod li jagħtu lit-trasportaturi tal-ajru ta' pajjiż terz kwalunkwe dritt ieħor għajr dawk li jgawdu taħt il-liġi tal-Unjoni jew taħt il-liġi tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri kkonċernati.

4.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrikjedu li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom għall-finijiet ta' verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu u mar-rekwiżiti applikabbli fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġi nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza u s-sigurtà.

Artikolu 6

Il-kiri tal-inġenji tal-ajru

1.   Fl-eżerċizzju tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 4(1), trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit jista' jipprovdi servizzi tat-trasport bl-ajru bl-inġenji tal-ajru tiegħu stess u fil-każijiet li ġejjin kollha:

(a)

meta juża inġenji tal-ajru mikrija mingħajr ekwipaġġ mingħand kwalunkwe lokatur;

(b)

meta juża inġenji tal-ajru mikrija b'ekwipaġġ mingħand kwalunkwe trasportatur tal-ajru ieħor tar-Renju Unit;

(c)

meta juża inġenji tal-ajru mikrija b'ekwipaġġ minn trasportaturi tal-ajru ta' kwalunkwe pajjiż ieħor għajr ir-Renju Unit, dment li l-kiri jkun ġustifikat fuq il-bażi ta' ħtiġijiet eċċezzjonali, ħtiġijiet ta' kapaċità staġonali jew diffikultajiet operazzjonali tal-lokatarju u li l-kiri ma jeċċedix id-durata li tkun strettament meħtieġa biex jiġu sodisfatti dawk il-ħtiġijiet jew jingħelbu dawk id-diffikultajiet.

2.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrikjedu li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom għall-finijiet ta' verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fih u mar-rekwiżiti applikabbli fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġi nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza u s-sigurtà.

Artikolu 7

It-trattament ta' liċenzji operattivi fid-dawl ta' rekwiżiti ta' sjieda u kontroll

1.   B'deroga mill-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, fejn trasportatur tal-ajru li jkollu liċenzja operattiva maħruġa minn Stat Membru li ma jkunx ir-Renju Unit ma jibqax konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (f) tal-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament (“rekwiżiti ta' sjieda u kontroll”) minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, in-nuqqas ta' konformità ma' dawk ir-rekwiżiti ma għandux jaffettwa l-validità tal-liċenzja operattiva sa tmiem il-perjodu ta' sitt xhur mill-ewwel jum ta' applikazzjoni stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) ta' dan ir-Regolament, dment li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu.

2.   Fi żmien ġimagħtejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, it-trasportatur tal-ajru għandu jippreżenta pjan għal azzjoni rimedjali lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji. Dak il-pjan għandu jistabbilixxi, b'mod komplet u preċiż, il-miżuri maħsuba biex tinkiseb konformità sħiħa mar-rekwiżiti ta' sjieda u kontroll mhux aktar tard mill-ewwel jum wara l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Fejn it-trasportatur tal-ajru ma jkunx ippreżenta pjan fil-limitu ta' żmien, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha, wara li tkun tat lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu, tirrevoka l-liċenzja operattiva immedjatament, iżda mhux aktar kmieni mid-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2), u għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan. Tali revoka għandha tkun effettiva ġimagħtejn wara d-deċiżjoni tal-awtorità tal-liċenzji, iżda mhux aktar kmieni mid-data msemmija fl-Artikolu 16(2). L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tinnotifika lit-trasportatur tal-ajru bid-deċiżjoni tagħha u tgħarraf lill-Kummissjoni.

3.   Fejn it-trasportatur tal-ajru kkonċernat ikun ippreżenta pjan għal azzjoni rimedjali fil-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha, fi żmien xahrejn mir-riċezzjoni tal-pjan, tivvaluta jekk il-miżuri stabbiliti fih jirriżultawx f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti ta' sjieda u kontroll sa mhux aktar tard mill-ewwel jum wara l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u jekk jidhirx probabbli li t-trasportatur tal-ajru jlesti l-miżuri sa dik id-data. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tgħarraf lit-trasportatur tal-ajru u lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tagħha.

4.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-liċenzji, wara li tkun tat lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat l-opportunità li jesprimi l-fehmiet tiegħu, issib li l-miżuri stabbiliti fil-pjan ma jirriżultawx f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti ta' sjieda u kontroll sa mhux aktar tard mill-ewwel jum wara l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, jew fejn jidher li aktarx it-trasportatur tal-ajru kkonċernat mhux se jlesti l-miżuri sa dik id-data, hija tista' tirrevoka minnufih il-liċenzja operattiva. Tali revoka għandha tkun effettiva ġimagħtejn wara d-deċiżjoni tal-awtorità tal-liċenzji. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tinnotifika lit-trasportatur tal-ajru bid-deċiżjoni tagħha u tgħarraf lill-Kummissjoni.

5.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-liċenzji ssib li l-miżuri stabbiliti fil-pjan jirriżultaw f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti ta' sjieda u kontroll sa mhux aktar tard mill-ewwel jum wara l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u fejn jidher li aktarx it-trasportatur tal-ajru jlesti dawk il-miżuri sa dik id-data, hija għandha timmonitorja mill-qrib u kontinwament l-implimentazzjoni tal-pjan u regolarment tgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-konklużjonijiet tagħha.

6.   Sa tmiem il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tiddeċiedi jekk it-trasportatur tal-ajru jikkonformax b'mod sħiħ mar-rekwiżiti ta' sjieda u kontroll. Jekk l-awtorità kompetenti tal-liċenzji, wara li tkun tat lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu, tiddeċiedi li t-trasportatur tal-ajru ma jikkonformax b'mod sħiħ mar-rekwiżiti ta' sjieda u kontroll, hija għandha tirrevoka l-liċenzja operattiva mill-ewwel jum wara l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.

7.   Fejn, wara li tkun tat l-opportunità lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji u lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, il-Kummissjoni ssib li l-awtorità tal-liċenzji kompetenti naqset milli tirrevoka l-liċenzja operattiva rilevanti, fejn tali revoka tkun meħtieġa taħt il-paragrafu 2 jew il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, titlob lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji tirrevoka l-liċenzja operattiva. Għandhom japplikaw it-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 15(3) ta' dak ir-Regolament.

8.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' kwalunkwe dispożizzjoni oħra stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

Artikolu 8

Ekwivalenza tad-drittijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lit-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom.

2.   Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lit-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni mhumiex de jure jew de facto, ekwivalenti għal dawk mogħtija lit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit taħt dan ir-Regolament, jew li dawk id-drittijiet mhumiex disponibbli b'mod ugwali għat-trasportaturi kollha tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien u sabiex tirristawra l-ekwivalenza, tadotta atti ta' implimentazzjoni biex:

(a)

tistabbilixxi limiti għall-kapaċità permessa għas-servizzi tat-trasport bl-ajru skedati li jkunu disponibbli għat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit u tesiġi li l-Istati Membri jadattaw l-awtorizzazzjonijiet operattivi tat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk mogħtija ġodda, skont kif ikun meħtieġ;

(b)

tesiġi li l-Istati Membri jirrifjutaw, jissospendu jew jirrevokaw dawn l-awtorizzazzjonijiet operattivi; jew

(c)

timponi obbligi finanzjarji jew restrizzjonijiet operazzjonali.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). Huma għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 15(3) fejn, f'każijiet debitament ġustifikati ta' nuqqas serju ta' ekwivalenza għall-finijiet tal-paragrafu 2, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza.

Artikolu 9

Kompetizzjoni ġusta

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-kundizzjonijiet li taħthom jikkompetu t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u l-ajruporti tal-Unjoni mat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit u l-ajruporti tar-Renju Unit għall-provvista ta' servizzi tat-trasport bl-ajru koperti b'dan ir-Regolament.

2.   Fejn hija tiddetermina li, bħala riżultat ta' xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, dawk il-kundizzjonijiet huma ferm inqas favorevoli minn dawk li jgawdu t-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien u sabiex tirrimedja dik is-sitwazzjoni, tadotta atti ta' implimentazzjoni biex:

(a)

tistabbilixxi limiti għall-kapaċità permessa għas-servizzi tat-trasport bl-ajru skedati li jkunu disponibbli għat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit u tesiġi li l-Istati Membri jadattaw l-awtorizzazzjonijiet operattivi tat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk mogħtija ġodda, skont kif ikun meħtieġ;

(b)

tesiġi li l-Istati Membri jirrifjutaw, jissospendu jew jirrevokaw dawn l-awtorizzazzjonijiet operattivi għal uħud mit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit jew għal kollha kemm huma; jew

(c)

timponi obbligi finanzjarji jew restrizzjonijiet operazzjonali.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). Huma għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 15(3) fejn, f'każijiet debitament ġustifikati li fihom tkunmhedda l-vijabbiltà ekonomika ta' operazzjoni waħda jew aktar tat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza.

3.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom, soġġett għall-kundizzjonijiet speċifikati f'dak il-paragrafu, jiġu adottati biex jiġu rimedjati s-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għoti ta' sussidji mir-Renju Unit;

(b)

in-nuqqas, mir-Renju Unit, li jkollu fis-seħħ, jew li japplika b'mod effettiv, liġi tal-kompetizzjoni;

(c)

in-nuqqas, mir-Renju Unit, li jistabbilixxi jew iżomm awtorità indipendenti tal-kompetizzjoni;

(d)

l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta' standards tal-protezzjoni tal-ħaddiema, tas-sikurezza, tas-sigurtà, tal-ambjent, jew tad-drittijiet tal-passiġġieri, li jkunu inferjuri għal dawk stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew li, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġi tal-Unjoni, ikunu inferjuri għal dawk applikati mill-Istati Membri kollha jew li, fi kwalunkwe każ, ikunu inferjuri għall-istandards internazzjonali rilevanti;

(e)

kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, minn trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit jew minn ajruporti tar-Renju Unit. Fejn l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, it-trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit jew l-ajruport tar-Renju Unit ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba fiż-żmien raġonevoli preskritt mill-Kummissjoni, jew jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista' tipproċedi skont il-paragrafu 2.

5.   Ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ma għandux japplika għal kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Awtorizzazzjoni operattiva

1.   Mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, sabiex jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom taħt l-Artikolu 4, it-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit għandhom ikunu meħtieġa jiksbu awtorizzazzjoni operattiva minn kull Stat Membru li fih jixtiequ joperaw.

2.   Mar-riċezzjoni ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni operattiva mingħand trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti l-awtorizzazzjoni operattiva xierqa mingħajr dewmien bla bżonn, dment li:

(a)

it-trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit li japplika jkollu liċenzja operattiva valida skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit; u

(b)

ikun qed jiġi eżerċitat u jinżamm kontroll regolatorju effettiv mir-Renju Unit fuq it-trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit li japplika, l-awtorità kompetenti tkun identifikata b'mod ċar u t-trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit ikollu ċertifikat ta' operatur tal-ajru mogħti mingħand dik l-awtorità.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jingħata biżżejjed żmien għat-twettiq tal-valutazzjonijiet meħtieġa, it-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit huma intitolati jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal awtorizzazzjonijiet operattivi mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandu jkollhom is-setgħa li japprovaw dawk l-applikazzjonijiet minn dak il-jum, dment li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet għal tali approvazzjoni. Madankollu, kwalunkwe awtorizzazzjoni li hekk tingħata għandha ssir effettiva mhux qabel l-ewwel jum ta' applikazzjoni stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2).

Artikolu 11

Pjanijiet, programmi u skedi operazzjonali

1.   It-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit għandhom jippreżentaw pjanijiet, programmi u skedi operazzjonali għas-servizzi tal-ajru lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat, għall-approvazzjoni tagħhom. Kwalunkwe tali preżentazzjoni għandha ssir minn tal-inqas 30 jum qabel il-bidu tal-operat.

2.   Soġġett għall-Artikolu 10, il-pjanijiet, programmi u skedi operazzjonali għall-istaġun tal-IATA li jkun għaddej fl-ewwel jum ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) u dawk għall-ewwel staġun ta' wara jistgħu jiġu ppreżentati u approvati qabel dik id-data.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi lill-Istati Membri milli joħorġu awtorizzazzjonijiet għat-tħaddim tas-servizzi tal-ajru skedati minn trasportaturi tal-Unjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilhom mir-Renju Unit. Fir-rigward ta' dawk l-awtorizzazzjonijiet, l-Istati Membri ma għandhomx jiddiskriminaw bejn it-trasportaturi tal-Unjoni.

Artikolu 12

Rifjut, revoka, sospensjoni u limitazzjoni ta' awtorizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw, jew skont il-każ, jirrevokaw jew jissospendu l-awtorizzazzjoni operattiva ta' trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit fejn:

(a)

it-trasportatur tal-ajru ma jikkwalifikax bħala trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit taħt dan ir-Regolament; jew

(b)

ma jkunx hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw, jirrevokaw, jissospendu, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni operattiva ta' trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit, jew jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-operat tiegħu fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti applikabbli tas-sikurezza u tas-sigurtà;

(b)

ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti applikabbli relatati mal-ammissjoni u mal-operat fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jew mat-tluq mit-territorju tiegħu, ta' inġenji tal-ajru użati għat-trasport bl-ajru;

(c)

ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti applikabbli relatati mal-ammissjoni u mal-operat fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jew mat-tluq mit-territorju tiegħu, ta' passiġġieri, ta' ekwipaġġ, ta' bagalji, ta' merkanzija, u/jew ta' posta fuq inġenji tal-ajru (inklużi regolamenti relatati mad-dħul, l-awtorizzazzjoni, l-immigrazzjoni, il-passaporti, id-dwana u l-kwarantina, jew fil-każ tal-posta, regolamenti dwar il-posta).

3.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw, jirrevokaw, jissospendu, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjonijiet operattivi tat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, jew jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-operat tagħhom, fejn dawn ikunu meħtieġa jagħmlu hekk mill-Kummissjoni taħt l-Artikoli 8 jew 9.

4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jibqgħu fl-Unjoni bi kwalunkwe deċiżjoni li jirrifjutaw jew jirrevokaw l-awtorizzazzjoni operattiva ta' trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit skont il-paragrafi 1 u 2, mingħajr dewmien bla bżonn.

Artikolu 13

Ċertifikati u liċenzji

Iċ-ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà, iċ-ċertifikati tal-kompetenza u l-liċenzji maħruġa jew validati mir-Renju Unit u li jkunu għadhom fis-seħħ għandhom jiġu rikonoxxuti bħala validi mill-Istati Membri għall-fini tal-operat tas-servizzi tat-trasport bl-ajru mit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit taħt dan ir-Regolament, dment li tali ċertifikati jew liċenzji jkunu nħarġu jew ġew validati taħt, u f'konformità ma', l-istandards internazzjonali rilevanti stabbiliti taħt il-Konvenzjoni ta' Chicago.

Artikolu 14

Konsultazzjoni u kooperazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit kif ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Jekk jiġu mitluba jagħmlu dan, l-Istati Membri, mingħajr dewmien bla bżonn, għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew bi kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 8 u 9.

Artikolu 15

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill--jum wara dak li fih il-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikoli 7, 10(3) u 11(2) għandhom japplikaw mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jkun daħal fis-seħħ sad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

4.   Dan ir-Regolament ma għandux jibqa' japplika mid-data li tiġi l-ewwel miż-żewġ dati li ġejjin:

(a)

id-data li fiha ftehim komprensiv li jirregola l-provvista tat-trasport bl-ajru mar-Renju Unit, li għalih tkun Parti l-Unjoni, jidħol fis-seħħ jew, skont il-każ, jiġi applikat b'mod proviżorju; jew

(b)

it-30 ta' Marzu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Opinjoni tal-20 ta' Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019.

(3)  Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni kontra s-sussidjar u prattiki ta' prezzijiet inġusti li jikkawżaw ħsara lit-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità fil-provvista ta' servizzi tal-ajru minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 1).