27.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 85/22


REGOLAMENT (UE) 2019/497 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta' ċerti regoli relatati mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)

Il-ftehim dwar il-ħruġ ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-19 ta' Frar 2019 (2) fih arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit wara d-data meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit. Jekk dak il-ftehim jidħol fis-seħħ, il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tapplika għar-Renju Unit matul il-perjodu ta' tranżizzjoni b'konformità ma' dak il-ftehim u tieqaf tapplika fi tmiem dak il-perjodu.

(3)

Meta l-PKS ma tibqax tapplika għar-Renju Unit, l-ilmijiet tar-Renju Unit (il-baħar territorjali u ż-żona ekonomika esklussiva adjaċenti) ma jibqgħux jiffurmaw parti mill-ilmijiet tal-Unjoni. B'konsegwenza ta' dan, fin-nuqqas ta' ftehim dwar il-ħruġ, hemm ir-riskju li l-bastimenti tal-Unjoni jitilfu l-aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit u l-opportunitajiet tas-sajd hemmhekk mit-30 ta' Marzu 2019. Dan ikollu impatt sinifikanti f'termini tal-attivitajiet tas-sajd tal-flotta tal-Unjoni u r-redditi ekonomiċi.

(4)

Diġà hemm miżuri disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistgħu jintużaw biex jiġu mitigati l-effetti ekonomiċi negattivi dovuti għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni tul il-katina tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni kollha.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 jistabbilixxi r-regoli u l-arranġamenti għall-għoti ta' kumpens finanzjarju lis-sajjieda u lis-sidien tal-bastimenti tas-sajd f'każijiet ta' waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd. Il-kriterji għall-awtorizzazzjoni ta' waqfien temporanju ma jippermettux li jinkiseb kumpens dovut għall-ħruġ ta' Stat Membru mill-Unjoni u għat-telf sussegwenti tal-aċċess u tal-opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta' dak l-Istat.

(6)

Minbarra l-miżuri diġà disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014, sabiex jittaffew l-effetti ekonomiċi negattivi kkawżati mill-ħruġ ta' Stat Membru mill-Unjoni, jenħtieġ li jkun disponibbli sostenn pubbliku għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għas-sajjieda u għall-operaturi li jkunu jiddependu b'mod sinifikanti fuq l-aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat skont dan.

(8)

L-approprjazzjonijiet li jifdal huma disponibbli biex jiġu ddedikati għal kwalunkwe miżura eliġibbli li ttaffi l-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(9)

Għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati huma mistiedna jikkunsidraw li jikkombinaw l-emendi għall-programm operazzjonali tagħhom fil-kuntest tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(10)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata, qabel id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, id-disponibbiltà ta' appoġġ taħt il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd għal waqfien temporanju ta' attivitajiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b'dipendenza sinifikanti fuq l-aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit fil-każ li r-Renju Unit ma jagħtix aċċess għal dawk l-ilmijiet mid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, li tista' tkun it-30 ta' Marzu 2019, tqies li huwa xieraq li ssir eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(11)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jaqbżu l-ammont stabbilit fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u li juzaw ammonti inferjuri minn dawk stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 7 ta' dan l-Artikolu biex jappoġġaw il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 33 ta' dan ir-Regolament jekk ir-Renju Unit ma jagħtix drittijiet ta' aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jiddipendu b'mod sinifikanti fuq l-aċċess għal dawk l-ilmijiet għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-każ li t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).”;

(2)

fl-Artikolu 25, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEMS għall-miżuri msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 33(1) ma għandhomx jitqiesu meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk inqabżux il-limiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.”;

(3)

L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiddaħħal il-punt li ġej:

“(d)

biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ta' sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit ma jagħtix drittijiet ta' aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li għandhom dipendenza sinifikanti fuq l-aċċess għal dawk l-ilmijiet għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-każ li t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-appoġġ imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 jista' jingħata għal tul ta' żmien massimu ta' sitt xhur għal kull bastiment matul il-perjodu mill-2014 u sal-2020 u l-appoġġ imsemmi fil-punt (d) ta' dak il-paragrafu jista' jingħata għal tul ta' żmien massimu ta' disa' xhur għal kull bastiment matul il-perjodu mill-2014 sal-2020. In-nefqa relatata mal-punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/497 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/497 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta' ċerti regoli relatati mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 22).”."

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) TUE jkun daħal fis-seħħ sad-data wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019.

(2)  ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).