25.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/26


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/482

tat-22 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 li jistabbilixxi lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-parametri referenzjarji għandhom rwol importanti fid-determinazzjoni tal-prezz ta' bosta strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji u fil-kejl tal-prestazzjoni ta' bosta fondi ta' investiment. Il-kontribuzzjoni għall-parametri referenzjarji u l-amministrazzjoni tagħhom f'ħafna każijiet huma vulnerabbli għall-manipulazzjoni u l-persuni involuti ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' kunflitti ta' interess.

(2)

Sabiex jissodisfaw ir-rwol ekonomiku tagħhom, huwa meħtieġ li l-parametri referenzjarji jkunu rappreżentattivi tar-realtà ekonomika jew tas-suq sottostanti li huwa maħsub li jkejlu. Jekk parametru referenzjarju ma jibqax rappreżentattiv tas-suq sottostanti, bħar-rati interbankarji offruti, hemm riskju ta' effetti negattivi fuq, fost l-oħrajn, l-integrità tas-swieq, il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi (self u ipoteki) u n-negozji fl-Unjoni.

(3)

Ir-riskji għall-utenti, għas-swieq u għall-ekonomija tal-Unjoni ġeneralment jiżdiedu meta l-valur totali tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment li jirreferenzjaw parametru referenzjarju speċifiku jkun għoli. Ir-Regolament (UE) 2016/1011 għalhekk jistabbilixxi kategoriji differenti ta' parametri referenzjarji u jipprevedi rekwiżiti addizzjonali li jiżguraw l-integrità u r-robustezza ta' ċerti parametri referenzjarji meqjusa bħala kritiċi, inkluż is-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jinfurzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, kontribuzzjonijiet lil parametru referenzjarju ta' importanza kritika jew l-amministrazzjoni tiegħu.

(4)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi u tirrieżamina mill-inqas kull sentejn lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika.

(5)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 (2) stabbilixxa lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011.

(6)

Skont il-punt (b) tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, parametri referenzjarji jistgħu jiġu inklużi fil-lista tal-parametri referenzjarji ta' importanza kritika fejn dawn il-parametri referenzjarji, huma bbażati fuq id-data tal-input li tkun ġiet ippreżentata minn kontributuri li fil-maġġoranza tagħhom jinsabu fi Stat Membru wieħed u huma rikonoxxuti bħala ta' importanza kritika f'dak l-Istat Membru.

(7)

Fl-10 ta' Ottubru 2018, l-awtorità Pollakka kompetenti Komisja Nadzoru Finansowego (“KNF”) innotifikat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority - ESMA) dwar il-proposta tagħha li tirrikonoxxi l-Warsaw Interbank Offered Rate (“WIBOR”) bħala parametru referenzjarju ta' importanza kritika, skont il-punt (b) tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, għaliex huwa kritiku fil-Polonja u huwa bbażat fuq sottomissjonijiet minn kontributuri, li l-maġġoranza tagħhom jinsabu fil-Polonja.

(8)

WIBOR hija rata ta' mgħax referenzjali bbażata fuq medja tar-rati tal-imgħax li abbażi tagħha banek li joperaw fis-suq monetarju Pollakk huma lesti jisilfu fondi mhux assigurati lil xulxin f'maturitajiet differenti. Mill-10 ta' Ottubru 2018, ħdax-il bank qed jipparteċipaw fil-panel tal-WIBOR, li kollha jinsabu fil-Polonja.

(9)

Fil-valutazzjoni tagħha ppreżentata lill-ESMA, il-KNF ikkonkludiet li l-interruzzjoni ta' WIBOR, jew il-forniment tagħha abbażi ta' data tal-input jew ta' panel ta' kontributuri li ma għadhomx rappreżentattivi tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti, jista' jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonament tas-swieq finanzjarji fil-Polonja.

(10)

Il-valutazzjoni mill-KNF turi li WIBOR tintuża bħala referenza f'60 % tas-self totali lill-unitajiet domestiċi fil-Polonja, u f'70,1 % tal-ipoteki pendenti. Fl-ipoteki sottoskritti mill-2013, il-prevalenza ta' WIBOR żdiedet għal 98,5 %. Barra minn hekk, WIBOR isservi bħala referenza għall-ħlasijiet tal-kupuni għal kważi 26 % tal-valur nominali totali tal-bonds Pollakki. KNF ippreżentat ukoll data li turi li WIBOR tintuża bħala referenza f'derivattivi ta' rati tal-imgħax OTC għal ammont nozzjonali pendenti ta' EUR 366 biljun. Fl-aħħar nett, abbażi ta' stħarriġ KNF ikkonkludiet li WIBOR hija referenzjata f'fondi ta' investiment b'valur nett totali tal-assi ta' EUR 2,6 biljun. Il-valur totali tal-istrumenti finanzjarji u tal-kuntratti finanzjarji li jirreferenzjaw WIBOR huwa għaldaqstant ikbar mill-prodott nazzjonali gross tal-Polonja. Il-valutazzjoni kkonkludiet li WIBOR hija importanti ferm għall-istabbiltà finanzjarja u l-integrità tas-suq fil-Polonja u li d-diskontinwità jew in-nuqqas ta' affidabbiltà ta' WIBOR jista' jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-funzjonament tas-swieq finanzjarji fil-Polonja u fuq il-kumpaniji u l-konsumaturi minħabba li huwa użat f'self, fi krediti għall-konsumatur u f'fondi ta' investiment.

(11)

Fit-8 ta' Novembru 2018, ESMA bagħtet l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni fejn indikat li KNF kienet ikkunsidrat l-elementi u l-kriterji kollha inklużi fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 u li hija kienet ipprovdiet data kwantitattiva biex issostni l-każ għar-rikonoxximent ta' WIBOR bħala parametru referenzjarju ta' importanza kritika, kif ukoll ir-raġunament analitiku b'enfasi fuq ir-rwol kruċjali ta' WIBOR fl-ekonomija Pollakka.

(12)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1368 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(13)

Fl-isfond tal-importanza kruċjali ta' WIBOR, l-użu wiesa' tagħha u r-rwol tagħha fl-allokazzjoni ta' kapital fil-Polonja, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b'mod urġenti.

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1368 jiġi sostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 tal-11 ta' Awwissu 2016 li jistabbilixxi lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 1).


ANNESS

“ANNESS

Lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011

Le

Parametru referenzjarju

Amministratur

Il-post

1

London Interbank Offered Rate (EURIBOR®)

European Money Markets Institute (EMMI)

Brussell, il-Belġju

2

Euro Overnight Index Average (EONIA®)

European Money Markets Institute (EMMI)

Brussell, il-Belġju

3

London Interbank Offered Rate (LIBOR)

ICE Benchmark Administration (IBA)

Londra, ir-Renju Unit

4

Stockholm Interbank Offered Rate (STIBOR)

L-Assoċjazzjoni ta' Bankiera Żvediża (Svenska Banföreningen)

Stokkolma, l-Iżvezja

5

Warsaw Interbank Offered Rate (WIBOR)

GPW Benchmarks S.A.

Varsavja, il-Polonja