22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/13


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/462

tat-30 ta' Jannar 2019

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/1799 fir-rigward tal-eżenzjoni tal-Bank of England mir-rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u wara n-negozjar tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(9) tiegħu,

Billi:

(1)

It-tranżazzjonijiet fejn il-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) ikunu kontropartijiet huma eżentati mir-rekwiżiti ta' trasparenza tan-negozjar skont l-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 sakemm dawn it-tranżazzjonijiet isegwu l-politika monetarja, tal-kambju jew tal-istabbiltà finanzjarja.

(2)

Din l-eżenzjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tista' tiġi estiża, f'konformità mal-Artikolu 1(9) ta' dak ir-Regolament, għal banek ċentrali ta' pajjiżi terzi kif ukoll għall-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali.

(3)

Il-lista ta' banek ċentrali ta' pajjiżi terzi eżentati stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2017/1799 (2) jenħtieġ li tiġi aġġornata, fosthom bil-għan li testendi, fejn xieraq, il-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għal banek ċentrali oħrajn ta' pajjiżi terzi.

(4)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

(5)

Il-ftehim dwar il-ħruġ kif miftiehem bejn in-negozjaturi fih arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal u ġewwa r-Renju Unit lil hinn mid-data li fiha jieqfu japplikaw it-Trattati għar-Renju Unit. Jekk il-ftehim jidħol fis-seħħ, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, inkluża l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 1(6) ta' dak ir-Regolament, japplika għal u ġewwa r-Renju Unit matul il-perjodu ta' tranżizzjoni skont dak il-ftehim u jieqaf japplika fi tmiem dak il-perjodu.

(6)

Fin-nuqqas ta' xi dispożizzjonijiet speċjali, minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-Bank of England ma jibqax jibbenefika mill-eżenzjoni eżistenti sakemm ma jkunx inkluż fil-lista tal-banek ċentrali ta' pajjiżi terzi eżentati.

(7)

Fid-dawl tal-informazzjoni rċevuta mingħand ir-Renju Unit, il-Kummissjoni ħejjiet u ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta t-trattament internazzjonali tal-Bank of England. Dak ir-rapport (3) ikkonkluda li jkun xieraq li l-bank ċentrali tar-Renju Unit jingħata eżenzjoni mir-rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u wara n-negozjar tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Għalhekk, il-Bank of England jenħtieġ li jiġi inkluż fil-lista tal-banek ċentrali eżentati prevista fir-Regolament Delegat (UE) 2017/1799.

(8)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew garanziji dwar l-istatus, id-drittjiet u l-obbligi tal-membri tas-SEBĊ inkluż l-intenzjoni tagħhom li jagħtu lill-membri tas-SEBĊ li jwettqu politika monetarja, tal-kambju u tal-istabbiltà finanzjarja, eżenzjoni komparabbli ma' dik provduta fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(9)

Għalhekk, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1799 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(10)

Il-Kummissjoni tkompli timmonitorja fuq bażi regolari t-trattament ta' dawk il-banek ċentrali u korpi pubbliċi eżentati mir-rekwiżiti ta' trasparenza fin-negozju previsti fil-lista tal-Anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1799. Dik il-lista tista' tiġi aġġornata fid-dawl tal-iżvilupp tal-arranġamenti regolatorji f'dawk il-pajjiżi terzi u tqis kull sors rilevanti u ġdid ta' informazzjoni. Din ir-rivalutazzjoni tista' twassal għat-tneħħija ta' ċerti pajjiżi terzi mil-lista ta' entitajiet eżentati.

(11)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b'mod urġenti u għandu japplika mill-jum wara dak li fih ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jieqaf japplika għal u ġewwa r-Renju Unit.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1799 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-jum ta' wara dak li fih ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 600/2014 ma jibqax japplika fi u għar-Renju Unit.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1799 tat-12 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjoni ta' ċerti banek ċentrali ta' pajjiżi terzi waqt it-twettiq tagħhom ta' politika monetarja, tal-kambju u tal-istabilità finanzjarja minn rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u wara n-negozjar (ĠU L 259, 7.10.2017, p. 11).

(3)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżenzjoni tal-Bank Ċentrali tar-Renju Unit (“Bank of England”) skont ir-Regolament dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFIR) (COM(2019) 69).


ANNESS

“ANNESS

1.

L-Awstralja:

Il-Bank tar-Riżerva tal-Awstralja;

2.

Il-Brażil:

Il-Bank Ċentrali tal-Brażil;

3.

Il-Kanada:

Il-Bank tal-Kanada;

4.

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong:

L-Awtorità Monetarja ta' Ħong Kong;

5.

L-Indja:

Il-Bank tar-Riżerva tal-Indja;

6.

Il-Ġappun:

Il-Bank tal-Ġappun;

7.

Il-Messiku:

Il-Bank tal-Messiku;

8.

Ir-Repubblika tal-Korea:

Il-Bank tal-Korea;

9.

Singapor:

L-Awtorità Monetarja ta' Singapore;

10.

L-Iżvizzera:

Il-Bank Nazzjonali Żvizzeru;

11.

It-Turkija:

Il-Bank Ċentrali tar-Repubblika tat-Turkija;

12.

Ir-Renju Unit:

Il-Bank of England;

13.

L-Istati Uniti tal-Amerka:

Is-Sistema ta' Riżerva Federali;

Il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali.