22.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 80/10 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/461
tat-30 ta' Jannar 2019
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/522 rigward l-eżenzjoni tal-Bank tal-Ingilterra u tal-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Tranżazzjonijiet, ordnijiet jew imġiba skont il-politika monetarja, ir-rati tal-kambju jew il-ġestjoni tad-dejn pubbliku minn Stat Membru, mill-membri tas-SEBĊ, ministeru, aġenzija jew strument ta' għan speċjali ta' Stat Membru wieħed jew aktar, jew minn persuna li taġixxi f'isimhom, jew, fil-każ ta' Stat Membru li huwa Stat federali, membru li jagħmel parti mill-federazzjoni huma eżenti mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 skont l-Artikolu 6(1) tiegħu. |
(2) |
Din l-eżenzjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tista' tiġi estiża, skont l-Artikolu 6(5) ta' dak ir-Regolament, għal ċerti korpi pubbliċi u banek ċentrali ta' pajjiżi terzi. |
(3) |
Jenħtieġ li l-lista ta' banek ċentrali eżentati ta' pajjiżi terzi stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/522 (2) tiġi aġġornata, fosthom bil-ħsieb li testendi, fejn meħtieġ, l-ambitu tal-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għal banek ċentrali oħrajn u ċerti korpi pubbliċi ta' pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni tissorvelja u tivvaluta l-iżviluppi leġiżlattivi u regolatorji rilevanti f'pajjiżi terzi u tista' tagħmel rieżami tal-eżenzjonijiet fi kwalunkwe ħin. |
(4) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' xi ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu. |
(5) |
Il-ftehim dwar il-ħruġ kif maqbul bejn in-negozjaturi fih arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u għar-Renju Unit u fih, lil hinn mid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux applikaw għar-Renju Unit. Jekk dan il-ftehim jidħol fis-seħħ, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014, inkluża l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament, se japplikaw għar-Renju Unit u fih waqt il-perjodu ta' tranżizzjoni skont dak il-ftehim u ma jibqax japplika fi tmiem dak il-perjodu. |
(6) |
L-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni, fin-nuqqas ta' xi dispożizzjoni speċjali, ikollha l-effett li l-Bank tal-Ingilterra u l-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit ma jibqgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni eżistenti sakemm ma jiġux inklużi fil-lista ta' banek ċentrali u uffiċċji tal-ġestjoni tad-dejn ta' pajjiżi terzi eżentati. |
(7) |
Fid-dawl tal-informazzjoni li nkisbet mir-Renju Unit, il-Kummissjoni ħejjiet u ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li vvaluta t-trattament internazzjonali tal-Bank tal-Ingilterra u tal-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit. Dan ir-rapport (3) ikkonkluda li huwa xieraq li tingħata eżenzjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 lill-bank ċentrali u lill-uffiċċju tal-ġestjoni tad-dejn tar-Renju Unit ladarba r-Renju Unit ikun pajjiż terz. Skont dan, jenħtieġ li l-Bank tal-Ingilterra u l-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit jiġu inklużi fil-lista ta' entitajiet pubbliċi eżentati stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2016/522. |
(8) |
L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew assigurazzjonijiet dwar l-istatus, id-drittijiet u l-obbligi tal-membri tas-SEBĊ, inkluża l-intenzjoni tagħhom li jagħtu eżenzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 lill-membri tas-SEBĊ u lil korpi oħrajn tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jwettqu politika monetarja, tar-rati tal-kambju jew tal-ġestjoni tad-dejn. |
(9) |
Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/522 jiġi emendat skont dan. |
(10) |
Il-Kummissjoni tkompli tissorvelja fuq bażi regolari t-trattament ta' dawn il-banek ċentrali u korpi pubbliċi eżenti mir-rekwiżiti tal-abbuż tas-suq stipulati fil-lista fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2016/522. Din il-lista tista' tiġi aġġornata fid-dawl tal-iżvilupp tal-arranġamenti regolatorji f'dawk il-pajjiżi terzi u tqis kwalunkwe sors ta' informazzjoni rilevanti. Din ir-rivalutazzjoni tista' twassal għat-tneħħija ta' ċerti pajjiżi terzi mil-lista ta' entitajiet eżenti. |
(11) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza u jenħtieġ li japplika mill-jum ta' wara dak li fih ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2016/522 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-jum ta' wara dak li fih ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/522 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għal ċerti korpi pubbliċi ta' pajjiżi terzi u l-banek ċentrali, l-indikaturi ta' manipulazzjoni tas-suq, il-limiti ta' divulgazzjoni, l-awtorità kompetenti għan-notifiki ta' ttardjar, il-permess għal negozjar matul perjodi magħluqa u t-tipi ta' tranżazzjonijiet tal-amministraturi notifikabbli (ĠU L 88, 5.4.2016. p. 1).
(3) Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżenzjoni għall-Bank tal-Ingilterra u għall-Uffiċċju tal-Ġestjoni tad-Dejn tar-Renju Unit skont ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq (MAR) [COM(2019) 68].
ANNESS
“ANNESS I
1. |
L-Awstralja:
|
2. |
Il-Brażil:
|
3. |
Il-Kanada:
|
4. |
Iċ-Ċina:
|
5. |
Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong;
|
6. |
L-Indja:
|
7. |
Il-Ġappun:
|
8. |
Il-Messiku:
|
9. |
Singapore:
|
10. |
Il-Korea t'Isfel:
|
11. |
L-Iżvizzera:
|
12. |
It-Turkija:
|
13. |
Ir-Renju Unit:
|
14. |
L-Istati Uniti:
|