19.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/70


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/432

tat-18 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2465/96 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jelenka korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji u persuni fiżiċi u ġuridiċi, korpi u entitajiet tal-gvern preċedenti tal-Iraq koperti bl-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi li kienu jinsabu barra mill-Iraq nhar it-22 ta' Mejju 2003 skont dan ir-Regolament.

(2)

Fit-13ta' Marzu 2019, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jneħħi erba' annotazzjonijiet mil-lista ta' persuni jew entitajiet li għalihom jenħtieġ li japplika l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi.

(3)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz għall-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)   ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.


ANNESS

Fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003, jitħassru l-entrati li ġejjin:

“46.

GENERAL ESTABLISHMENT FOR MAIN OUT PALL DRAIN. Indirizz: P.O. Box 113, Nassiriyah, l-Iraq.”

“98.

NATIONAL TOBACCO STATE COMPANY (magħrufa wkoll bħala NATIONAL TOBACCO STATE ENTERPRISE). Indirizz: P.O. Box 6, Arbil, l-Iraq.”

“145.

STATE ENTERPRISE FOR PETROCHEMICAL INDUSTRIES. Indirizz: Khor Al Zubair, P.O. Box 933, Basrah, l-Iraq.”

“147.

STATE ENTERPRISE FOR PULP AND PAPER INDUSTRIES. Indirizz: P.O. Box 248, Hartha District, Basrah, l-Iraq.”