19.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/59


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/429

tal-11 ta' Jannar 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodoloġija u l-kriterji għall-valutazzjoni u r-rikonoxximent ta' skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista li jikkonċernaw il-landa, it-tantalu, it-tungstenu u d-deheb

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-riżorsi minerali naturali għandhom potenzjal kbir għall-iżvilupp imma jistgħu, f'żoni affettwati minn kunflitti jew f'żoni ta' riskju għoli, jalimentaw it-tifqigħa jew il-kontinwazzjoni ta' kunflitt vjolenti, u b'hekk idgħajjfu l-isforzi lejn l-iżvilupp, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt. F'dawn iż-żoni, huwa kruċjali li tinkiser ir-rabta bejn il-kunflitt u l-isfruttament illegali tal-minerali sabiex jiġu garantiti l-paċi, l-iżvilupp u l-istabbiltà.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/821 jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta għall-importaturi tal-Unjoni tal-landa, tat-tantalu u tat-tungstenu, tal-minerali tagħhom, u tad-deheb li se japplikaw mill-1 ta' Jannar 2021. Ir-Regolament huwa mfassal biex jipprovdi trasparenza u ċertezza fejn jidħlu l-prattiki tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni, u ta' funderiji u raffineriji bi provenjenza f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli.

(3)

Għadd ta' skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista volontarja bl-istess objettivi jew objettivi simili għar-Regolament (UE) 2017/821 diġà jeżistu. Ir-Regolament (UE) 2017/821 jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tirrikonoxxi skemi li, meta implimentati b'mod effettiv minn importatur tal-Unjoni ta' minerali jew metalli, tippermetti lil dak l-importatur jikkonforma ma' dan ir-Regolament.

(4)

Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-metodoloġija u l-kriterji li għandhom jintużaw mill-Kummissjoni biex tiddetermina jekk skema għandiex tingħata r-rikonoxximent mill-Kummissjoni.

(5)

Il-Premessa (14) tar-Regolament (UE) 2017/821 tistipula, inter alia, li r-rekwiżiti għal skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għandhom jiġu allinjati mal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta u jissodisfaw ir-rekwiżiti proċedurali bħall-involviment tal-partijiet interessati, il-mekkaniżmi ta' lmentar u l-kapaċità ta' rispons. Din il-premessa tistabbilixxi wkoll li l-importaturi tal-Unjoni jżommu r-responsabbiltà individwali għall-konformità mal-obbligi ta' diliġenza dovuta, irrispettivament minn jekk humiex koperti jew le minn skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista rikonoxxuti mill-Kummissjoni

(6)

Il-ħtiġiet tar-Regolament (UE) 2017/821 huma konsistenti mal-Gwida tal-OECD. Sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn dan ir-Regolament u wkoll il-ħidma tal-OECD, il-Metodoloġija tal-OECD għall-Valutazzjoni ta' Allinjament tal-Programmi tal-Industrija mal-Gwida dwar il-Minerali tal-OECD (“il-Metodoloġija tal-OECD”), għandha sservi bħala l-bażi għall-metodoloġija tal-Kummissjoni u l-kriterji għal valutazzjoni u r-rikonoxximent ta' skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista.

(7)

Is-Segretarjat tal-OECD għandu jiġi kkonsultat, kif xieraq, qabel il-finalizzazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-applikazzjonijiet għal rikonoxximent u għandu jingħata l-opportunità li joħroġ opinjoni dwar l-abbozz ta' rapport u l-konklużjonijiet preliminari.

(8)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma responsabbli għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva u uniformi tar-Regolament (UE) 2017/821 fl-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tikkondividi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent u l-valutazzjoni tagħha ta' dawn mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex toffri lill-awtoritajiet kompetenti l-possibbiltà li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni.

(9)

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/821 jistipula li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-prattiċi differenti tal-industrija koperti minn skema u li għandha wkoll tqis l-approċċ u l-metodu bbażat fuq ir-riskju użat minn skema biex tidentifika oqsma affettwati mill-kunflitt u ta' riskju għoli, u r-riżultati elenkati fiha.

(10)

Dan ir-Regolament ma jkoprix il-verifika ta' skemi li diġà ġew rikonoxxuti, u lanqas ir-rekwiżiti relatati mal-bidliet għall-iskemi matul iż-żmien, filwaqt li dawk il-kwistjonijiet jiġu ttrattati mill-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2017/821.

(11)

L-Unjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkopera kif xieraq ma' ġurisdizzjonijiet oħra biex tappoġġja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' skemi ta' diliġenza dovuta konsistenti mal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-metodoloġija u l-kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni tevalwa jekk skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista li jikkonċernaw il-landa, it-tantalju, it-tungstenu u d-deheb jiffaċilitawx it-twettiq tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2017/821 mill-operaturi ekonomiċi u biex tirrikonoxxi skemi bħal dawn, skont l-Artikolu 8 ta' dak ir-Regolament.

2.   Dan ir-Regolament japplika biss għal skemi jew parti ta' skemi li jirrigwardaw metalli u minerali li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2017/821, kif stabbilit fl-Anness 1 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2017/821.

Id-definizzjoni li ġejja għandha tapplika wkoll:

(a)

“skema” tfisser “skema ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista” jew “skema ta' diliġenza dovuta” kif definit fil-punt (m) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/821;

(b)

“applikant” tfisser entità li tkun issottomettiet jew beħsiebha tissottometti applikazzjoni għar-rikonoxximent ta' skema;

(c)

“sidien ta' skema” tfisser dawk l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2017/821;

(d)

“operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fl-iskema” tfisser persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma soġġetti għal verifika skont ir-rekwiżiti tal-iskema jew li huma b'xi mod ieħor assoċjati ma', jew li jipparteċipaw fl-iskema b'tali mod li jkunu mistennija mill-iskema li jissodisfaw l-istandards u l-politiki tagħha;

(e)

“il-Metodoloġija tal-OECD” tfisser il-Metodoloġija tal-OECD għall-Valutazzjoni ta' Allinjament tal-Programmi tal-Industrija mal-Gwida tal-OECD dwar il-Minerali, inkluż l-Anness tagħha, ippubblikata man-nota tal-OECD COM/DAF/INV/DCD/DAC(2018)1;

(f)

“il-prinċipji ta' diliġenza dovuta ġenerali” tfisser il-prinċipji stabbiliti fit-Taqsima A tal-Anness 1 tal-Metodoloġija tal-OECD;

(g)

“applikazzjoni ripetuta” tfisser

(i)

applikazzjoni li tikkonċerna skema li diġà kienet soġġetta għal tal-inqas applikazzjoni waħda qabel li jew kienet iddikjarata inammissibbli jew ġiet miċħuda jew irtirata;

(ii)

applikazzjoni li tikkonċerna skema li kellha r-rikonoxximent tagħha rtirat mill-Kummissjoni.

(h)

“kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent” tfisser il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4;

(i)

“kriterji ta' valutazzjoni speċifiċi” tfisser il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “programm tal-industrija” użat fil-Metodoloġija tal-OECD għandu jinftiehem li għandu l-istess tifsira bħat-terminu “skema”.

Artikolu 3

Rekwiżiti għal u ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet

1.   Is-sidien tal-iskemi jistgħu japplikaw biex l-iskemi li huma żviluppati u sorveljati minnhom jiġu rikonoxxuti mill-Kummissjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu.

2.   Sabiex ikunu ammissibbli, l-applikazzjonijiet għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-applikant;

(b)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-persuna li se tkun responsabbli għall-valutazzjoni u għalhekk tkun il-persuna ta' kuntatt tal-Kummissjoni;

(c)

deskrizzjoni tal-objettivi tal-iskema, il-metalli u minerali koperti mill-iskema, it-tipi ta' operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fl-iskema, u f'liema parti tal-katina tal-valur dawn l-operaturi ekonomiċi huma attivi;

(d)

informazzjoni rigward il-kamp ta' applikazzjoni, li tiċċara jekk l-applikazzjoni hijiex marbuta ma' parti speċifika ta' skema jew ma' parti speċifika tal-katina ta' valur jew ta' provvista;

(e)

evidenza li d-disinn tal-politiki u l-istandards tal-iskema huwa koerenti mal-prinċipji ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista kif stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/821, b'mod konsistenti mal-qafas b'ħames stadji kif stabbilit fl-Anness 1 tal-Gwida tal-OECD;

(f)

lista ta' operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fl-iskema, u entitajiet oħra li huma membri jew b'xi mod ieħor assoċjati mal-iskema;

(g)

jekk disponibbli, kull valutazzjoni oħra tal-iskema, inkluż awtovalutazzjonijiet, valutazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti f'ġurisdizzjoni oħra, u valutazzjonijiet minn parti terza;

(h)

jekk applikabbli, ir-relazzjoni bejn l-applikazzjoni u kwalunkwe applikazzjoni aktar bikrija.

3.   L-applikanti jistgħu jinkludu kull informazzjoni oħra li huma jikkunsidraw rilevanti.

4.   Fi żmien 45 jum kalendarju wara li tkun irċiviet l-applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk l-applikazzjoni hijiex ammissibbli u għandha tgħarraf lill-applikant dwar dan.

5.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-evidenza msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 2 ġiet ipprovduta iżda li informazzjoni oħra msemmija fil-paragrafu 2 hija nieqsa, hi għandha tinforma lill-applikant fi żmien xieraq u fi kwalunkwe każ qabel l-iskadenza tal-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 4, u tistieden lill-applikant biex jimla l-applikazzjoni fi żmien 30 jum kalendarju.

6.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-evidenza msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 2 ma ġietx ipprovduta, jew jekk l-applikant ma jlestix l-applikazzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit skont il-paragrafu 5, hija għandha tiddikjara l-applikazzjoni inammissibbli u għandha tavża lill-applikant b'dan u ma għandhiex tipproċedi b'valutazzjoni ulterjuri tal-applikazzjoni.

7.   Bil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, sidien ta' skema jaċċettaw li l-iskema se tkun soġġetta għall-valutazzjoni stipulata f'dan ir-Regolament. Madankollu, l-applikanti jistgħu jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 4

Kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza

1.   Skema għandha tingħata rikonoxximent ta' ekwivalenza jekk il-prinċipji ta' diliġenza dovuta ġenerali tal-iskema, ir-rekwiżiti tagħha għall-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fl-iskema, u r-responsabbiltajiet speċifiċi tal-iskema nnifisha huma allinjati mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2017/821.

2.   Ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 għandhom jiġu kkunsidrati bħala ssodisfati meta l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet sabiex l-iskema tiġi kklassifikata bħala “totalment konformi” skont it-Taqsima 4 tal-Metodoloġija tal-OECD jkunu ssodisfati abbażi tal-valutazzjoni tagħha dwar il-kriterji speċifiċi applikabbli kollha fid-dawl kemm tal-politiki u l-istandards tal-iskema kif ukoll tal-implimentazzjoni tagħhom mill-iskema.

Artikolu 5

Kriterji ta' valutazzjoni speċifiċi

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-iskema kontra kriterji speċifiċi applikabbli stabbiliti fl-Anness 1 tal-Metodoloġija tal-OECD, skont l-Artikoli 6, 7 u 8.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, għal kull valutazzjoni individwali, ir-rilevanza ta' kull wieħed mill-kriterji speċifiċi fl-Anness 1 tal-Metodoloġija tal-OECD, b'kont meħud tan-natura, l-ambitu u l-ispeċifiċitajiet tal-iskema soġġetti għall-valutazzjoni. Hija għandha, għal dan l-għan, tikkunsidra l-applikabilità tal-kriterji speċifiċi indikati fl-Anness 1 tal-Metodoloġija tal-OECD. Hija tista' wkoll tqis devjazzjoni mill-kriterji speċifiċi indikati fl-Anness 1 tal-Metodoloġija tal-OECD jekk meħtieġ biex tiżgura li din il-valutazzjoni tikkorrispondi għall-ambitu u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2017/821 fir-rigward, inter alia, tat-tip ta' entitajiet li huma soġġetti għall-obbligi ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 6

It-tlestija tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni sabiex tkun permessa l-valutazzjoni tal-kriterji speċifiċi

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkompleta kif xieraq l-informazzjoni li tinsab fl-applikazzjonijiet ammissibbli biex tkun tista' twettaq il-valutazzjoni tagħha tal-kriterji speċifiċi applikabbli skont l-Artikolu 5(2). B'mod partikolari, din tista' tinkludi:

(a)

rieżamijiet ta' dokumenti li l-Kummissjoni tqis bħala rilevanti, bħar-regoli tal-iskema jew ekwivalenti u dokumenti ta' politika oħra; termini ta' referenza tal-kumitati rilevanti tal-iskema; rapporti ta' verifika ta' operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fl-iskema; rapporti minn esperti u partijiet interessati rilevanti; kull valutazzjoni oħra tal-iskema, inklużi awtovalutazzjonijiet, valutazzjonijiet minn awtoritajiet kompetenti f'ġurisdizzjonijiet oħrajn, u valutazzjonijiet minn parti terza; u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti dwar il-ġestjoni tal-iskema;

(b)

intervisti ma' rappreżentanti tal-iskema, il-ġestjoni tal-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fl-iskema, awdituri, u partijiet interessati rilevanti oħra;

(c)

l-attendenza u l-osservazzjoni ta' verifiki minn partijiet terzi tal-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw fl-iskema kontra r-rekwiżiti tal-iskema, u l-valutazzjoni tar-rapporti ta' verifika korrispondenti.

2.   Fl-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob lill-applikant biex jissottometti kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali u biex jiffaċilita l-intervisti u l-attendenza tal-awditjar minn partijiet terzi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina x'informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa biex tippermettilha twettaq valutazzjoni tal-kriterji speċifiċi applikabbli kollha. Għal dan l-għan hija tista' tikkunsidra l-gwida stabbilita fit-Taqsima 2 tal-Metodoloġija tal-OECD.

Artikolu 7

Il-metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-kriterji speċifiċi

1.   L-evalwazzjoni ta' kull kriterju speċifiku applikabbli għandha tikkunsidra kemm it-tfassil tal-iskema ta' politiki u standards kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom mill-iskema skont it-taqsima 3.2 tal-Metodoloġija tal-OECD.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk skema tkunx “kompletament”, “parzjalment” jew “mhux” allinjata fir-rigward tal-kriterji speċifiċi applikabbli kollha skont it-taqsima 3.2 tal-Metodoloġija tal-OECD.

3.   L-evalwazzjoni tal-kriterji speċifiċi applikabbli ma għandha tikkunsidra l-ebda politiki potenzjali, standards, attivitajiet u aspetti oħra ta' skema li ma jirrigwardawx id-diliġenza dovuta tal-katini ta' provvista tal-metalli u l-minerali koperti bir-Regolament (UE) 2017/821; lanqas ma għandha tieħu kont tal-politiki u ta' informazzjoni oħra dwar kumpaniji li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sakemm ma jiġux mitluba espliċitament biex jagħmlu dan fl-applikazzjoni u bi qbil mill-Kummissjoni.

4.   Il-Kummissjoni tista' tikkunsidra kwalunkwe valutazzjoni rilevanti potenzjali tal-iskema mwettqa minn partijiet terzi kredibbli meta tevalwa l-applikazzjoni anki jekk dawn il-valutazzjonijiet ma jkunux inklużi fl-applikazzjoni.

5.   L-evalwazzjoni tal-kriterji speċifiċi applikabbli li għalihom l-iskema tiddependi bis-sħiħ jew b'mod parzjali fuq politiki, standards u attivitajiet minn skema oħra jew entità simili esterna għall-applikant għandha tqis jekk:

(a)

valutazzjoni kredibbli ta' dawn l-entitajiet twettqitx mill-iskema u kif dawn il-valutazzjonijiet huma jew se jibqgħu rilevanti u aġġornati maż-żmien, u

(b)

entitajiet bħal dawn huma skemi li ngħataw rikonoxximent ta' ekwivalenza skont dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Rapport dwar il-valutazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jiddeskrivi l-valutazzjoni tagħha dwar jekk l-iskema tissodisfax il-kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent u l-kriterji speċifiċi applikabbli. Ir-rapport għandu jiġi ffinalizzat skont il-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   L-abbozz tar-rapport għandu jiġi kkomunikat lill-applikant, li għandu jingħata 15-il jum kalendarju biex jikkummenta.

3.   Wara li tikkunsidra kwalunkwe kumment li wasal mingħand l-applikant, il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, tikkonsulta lis-Segretarjat tal-OECD dwar l-abbozz ta' rapport, u tista' tipprovdih bi kwalunkwe dokumentazzjoni ta' sostenn meħtieġa biex is-Segretarjat tal-OECD jifformula l-opinjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tistieden lis-Segretarjat tal-OECD biex jippreżenta l-opinjoni tiegħu fi żmien 30 jum kalendarju. L-opinjoni għandha b'mod partikolari tirrigwarda l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent u l-kriterji speċifiċi.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiffinalizza r-rapport mhux aktar tard minn disa' xhur wara li tkun iddikjarat l-applikazzjoni ammissibbli skont l-Artikolu 3, sakemm ma tinnotifikax lill-applikant bil-quddiem li se tiffinalizza r-rapport aktar tard.

Artikolu 9

Il-proċess wara l-konklużjoni dwar il-kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent

1.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent ta' ekwivalenza jkunu ssodisfati abbażi tal-metodoloġija ta' valutazzjoni stipulata f'dan ir-Regolament, hija għandha ssegwi l-proċedura stipulata fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2017/821.

2.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent ta' ekwivalenza stabbilita fl-Artikolu 4 mhumiex issodisfati, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-applikant u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar dan u tipprovdi lill-applikant b'kopja tar-rapport tal-valutazzjoni finali msemmija fl-Artikolu 8(1).

Artikolu 10

Applikazzjonijiet ripetuti

1.   Applikazzjoni ripetuta ma għandhiex tiġi ppreżentata fi żmien tnax-il xahar wara n-notifika prevista fl-Artikolu 9(2) jew fl-Artikolu 3(6), jew l-irtirar tal-applikazzjoni.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, applikazzjoni ripetuta fir-rigward tal-istess skema tista' ssir tliet xhur wara n-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 jekk gradazzjoni imtejba ta' inqas minn għaxra fil-mija tal-kriterji speċifiċi applikabbli tkun biżżejjed biex il-kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza stabbilita fl-Artikolu 4 jiġu ssodisfati.

3.   L-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 3(2) għandha tiġi pprovduta fl-applikazzjonijiet repetuti, anki jekk parti minn din l-informazzjoni kienet tinsab f'applikazzjonijiet preċedenti.

4.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2), applikazzjoni ripetuta dwar skema li kienet soġġetta għal applikazzjoni preċedenti mhux ta' suċċess, għandu jkun fiha informazzjoni dettaljata dwar il-miżuri kollha meħuda fir-rigward tal-kriterji speċifiċi li l-Kummissjoni ma tikkunsidrax bħala li huma “totalment konformi” fil-valutazzjoni tagħha, tal-iżjed applikazzjoni reċenti mhux ta' suċċess.

Artikolu 11

Il-miżuri meħuda skont l-Artikoli 8(6) u 8(7) tar-Regolament (UE) 2017/821

1.   Il-Kummissjoni għandha ssegwi l-passi stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu meta tapplika l-Artikolu 8(6) u 8(7) tar-Regolament (UE) 2017/821.

2.   Fejn il-Kummissjoni tidentifika nuqqasijiet fi skema rikonoxxuta, din għandha tinnotifika lis-sid tal-iskema u għandha tagħtih minn tliet xhur sa sitt xhur biex jieħu azzjoni ta' rimedju. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż mill-Kummissjoni b'kont meħud tan-natura tan-nuqqasijiet.

3.   Sid l-iskema għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-azzjoni ta' rimedju meħuda fi żmien il-limitu ta' żmien stabbilit skont il-paragrafu 2. In-notifika għandha tinkludi evidenza sostanzjata ta' tali azzjoni ta' rimedju.

4.   Il-Kummissjoni ma għandhiex tibda l-proċedura għall-irtirar tar-rikonoxximent prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament (UE) 2017/821 qabel ma jkun għadda l-limitu ta' żmien stabbilit skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 12

Trasparenza u kunfidenzjalità

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi reġistru ta' skemi li lilhom tkun tat ir-rikonoxximent ta' ekwivalenza u għandha tagħmlu disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-reġistru jkun aġġornat fil-ħin kull meta jagħti jew jirtira r-rikonoxximent tal-kwivalenza.

2.   Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8(1), għandu jkun disponibbli għall-pubbliku jekk il-Kummissjoni tagħti lil skema r-rikonoxximent ta' ekwivalenza. L-opinjoni dwar l-abbozz ta' rapport ipprovdut mis-Segretarjat tal-OECD għandha wkoll tkun disponibbli għall-pubbliku sakemm is-Segretarjat tal-OECD ma jitlobx li l-opinjoni tiegħu tibqa' kunfidenzjali.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kull informazzjoni identifikata bħala kunfidenzjali mill-Kummissjoni, l-applikanti jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tikkontribwixxi għall-valutazzjoni skont dan ir-Regolament tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Artikolu 13

Kooperazzjoni u appoġġ

1.   L-applikanti għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni tingħata aċċess għall-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tivvaluta l-kriterji speċifiċi, inkluż billi jiffaċilitaw l-intervisti mal-operaturi ekonomiċi li jipparteċipaw u l-attendenza tal-awditjar minn partijiet terzi.

2.   Il-Kummissjoni għandha ttemm jew tissospendi l-valutazzjoni tagħha jekk l-applikant ma jikkonformax mal-paragrafu 1 u għandha tinnotifika lill-applikant kif mistħoqq. In-notifika għandha tistabblixxi r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tkun temmet jew issospendiet il-valutazzjoni tagħha. Jekk il-Kummissjoni ttemm jew tissospendi l-valutazzjoni, is-sid tal-iskema jista' jippreżenta applikazzjoni ripetuta mhux qabel tnax-il xahar wara d-data tan-notifika.

3.   Il-Kummissjoni għandha taqsam l-informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri maħturin skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2017/821 biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-valutazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament u biex jeżerċitaw ir-responsabbiltà tagħhom għall-implimentazzjoni effettiva u uniformi tar-Regolament (UE) 2017/821.

Il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari:

(a)

tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bis-sidien ta' skemi li jkunu applikaw għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 3 u tistedinhom biex jissottomettu kull informazzjoni u valutazzjoni ta' rilevanza għall-valutazzjoni;

(b)

wara talba minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru, tagħmel disponibbli l-applikazzjoni kompluta lil dik l-awtorità;

(c)

tqis kull informazzjoni ta' rilevanza għall-valutazzjoni ta' applikazzjoni taħt dan ir-Regolament ipprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

(d)

tqis kull informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f'rabta man-nuqqasijiet fi skemi identifikati mill-Kummissjoni u tinfurmahom dwar kull notifika magħmula skont l-Artikolu 11(3);

4.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew aġġornat dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament kif xieraq u għandha tqis kull informazzjoni rilevanti għall-implimentazzjoni tiegħu li l-Parlament Ewropew jippreżenta lill-Kummissjoni.

5.   Minbarra l-konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1), il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lis-Segretarjat tal-OECD jew titlob l-appoġġ tiegħu fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu skont dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43)